Saturday, February 11, 2017

Politiċi mwerwrin

Qed jingħad li xi politiċi u oħrajn li jaspiraw li jkunu politiċi jinsabu xi ftit (jew ħafna) imħassbin u mwerwrin. (Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri kitbet xi ħaġa f'dan is-sens f'Talking Point fit-Times tal-lum.)

Fhimt li dawn qed jinkwetaw li xi darba jkunu f'xi burdell jew fil-kumpanija ta' nies b'rekord kriminali jew x'imkien f'sakra ma jarawx art (per eżempju) u xi ħadd jarahom u minflok jibda' jkanta 'rajt ma rajtx, smajt ma smajtx' iċempel lil xi ġurnalist biex ixandarhom mal-erbat irjiħat ta' Malta u Għawdex.

Deborah Schembri trid tagħmel liġijiet biex tipproteġi lill-politiċi.
Bil-maqlub tagħhom, jien ninkwieta jekk min jarahom minflok iċempel lill-ġurnalist iċempel lilhom, jgħidilhom li ra kollox u jisfrutta din l-informazzjoni biex jakkwista xi ħaġa għalih jew għal oħrajn qrib tiegħu.

Ovvjament dan se jkun qed jakkwistaħ minn dak li hu tal-pubbliku, permezz tal-poter li għandu l-politiku, poter li fdajnielu aħna bil-vot tagħna.

F'tebqa t'għajn, minħabba l-imġieba li dan il-politiku jrid jaħbi mill-votanti tiegħu, dan il-poter jgħaddi f'idejn din il-persuna misterjuża li l-uniku mertu tagħha huwa li nzertat fil-post it-tajjeb, fil-ħin it-tajjeb (jew il-ħażin, skont minn fejn taraha!).

M'għandniex xi ngħidu, hemm oħrajn li jkollhom dal-poter fuq il-Ministru. Fl-eżempji li semmejt hemm il-prostituti, min iħaddimhom, il-kriminali, is-sidien tal-postijiet, min jaħdem hemm u nista' nkompli nsemmi.

Għaldaqstant min jaspira li jgħix tip ta' ħajja li teħtieġ ħafna ħabi, il-politika u l-karigi pubbliċi m'għandux xi jridhom. Dawn il-karigi jġibu magħhom ħafna responsabbilta` u din ir-responsabbilta` trid tinġarr kullimkien u l-ħin kollu. Daqshekk hija sempliċi.

1 comment:

  1. You hit the nail right on the head with one stroke. Agree with you 100%

    ReplyDelete