Fil-Budget sirna nafu li s-surplus li tant ilu jiftaħar bih il-Gvern jiddependi fuq kemm jirnexxielna nbiegħu passaporti. Fi żmien li fih l-ekonomija dinjija rkuprat mill-ikbar kriżi finanzjarja tal-aħħar mitt sena u bil-prezz taż-żejt fiss f’livell baxx, ir-riċetta mlaqqma Muscatonomics ġabet lill-pajjiżna dipendenti fuq kemm jirnexxielna nsibu multi-miljunarji lesti jħallsu għal passaport li jiftħilhom il-bibien tal-Unjoni Ewropea.
Aħna u nagħmlu l-kontijiet ma rridux ninsew li dawn huma s-snin li matulhom pajjiżna għandu biljun, mija u tmienja u għoxrin miljun Ewro x’jonfoq u x’jinvesti minn fondi Ewropej li nnegozja Gvern Nazzjonalista lejliet l-elezzjoni tal-2013.
Dan huwa wkoll żmien li fih il-Gvern fetaħ idejh bħal qatt qabel għall-iżvilupp, bil-prezzijiet tal-propjetà u tal-kirjiet jisplodu ‘l fuq.
Realtà oħra ta’ dan iż-żmien hija n-numru rekord ta’ ħaddiema barranin li qed jipproduċu, jħallsu t-taxxa, jikru l-propjetà u jonfqu ħafna minn flushom f’pajjiżna.
Dawn il-fatturi, flimkien ma’ oħrajn, jirriżultaw fi tkabbir tal-ekonomija. Iżda issa sirna nafu li dan it-tkabbir mhux iservina biex insostnu l-ispiża tal-Gvern.
Minkejja l-ftaħir kollu minn fuq il-podium armat quddiem Kastilja, Muscat u Scicluna qed ikollhom jistennew lil xi proxxmi jixtru passaport Malti għalihom u għal qrabathom biex jibbilanċjaw il-kotba.
Minkejja l-ftaħir kollu minn fuq il-podium armat quddiem Kastilja, Muscat u Scicluna qed ikollhom jistennew lil xi proxxmi jixtru passaport Malti għalihom u għal qrabathom biex jibbilanċjaw il-kotba.
Waqt li l-bumbardament minn reklami tas-surplus ineżistenti u ta’ ekonomija li issa nafu hija addict ta’ skema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza ma jaqta' xejn, aħna u nħarsu madwarna ħlief deficit ma narawx, minn x’ħin niftħu għajnejna filgħodu sa x’ħin nagħlquhom tard filgħaxija.
Għandna deficit fit-toroq tagħna, bit-traffiku jiżdied b’mod eżaġerat u bil-Gvern jirrispondi billi jċekken ftit roundabouts u jagħti ftit biljett tal-linja b’xejn.
Għandna deficit fl-infrastruttura fejn il-Gvern waqaf jinvesti u l-uniċi proġetti li għadek tara huma investiment fil-kruha u f’inqas spazji miftuħa, bl-uniku skop tagħhom ikun li jitħaxxnu l-bwiet tal-ftit.
Għandna deficit fl-iskejjel. Mhux talli lanqas għadna kapaċi nibnu skola ġdida fis-sena, talli l-Gvern lanqas għadu kapaċi jwettaq dak li jippjana hu stess. Għandna deficit anke fil-klassijiet, fejn lanqas għadna nsibu għalliema biex jgħallmu lil uliedna.
Għandna deficit kbir fl-ambjent, mhux biss fl-ambjent naturali, imma anke fl-ambjent fl-irħula u fl-ibliet tagħna. Fejn huma l-investiment fi spazji u ġonna pubbliċi ġodda, bankini u postijiet oħra ta’ rikrejazzjoni għall-familji?
Għandna deficit saħansitra fl-iskart li wasslitna f’sitwazzjoni fejn ma nafux x’se naqbdu nagħmlu bl-iskart li se nkunu qed nipproduċu għada u pitgħada.
Għandna deficit anke fil-fama u fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. U jekk nibdew nitkellmu fuq id-deficit li ħolqot din l-amministrazzjoni fil-governanza u fis-saltna tad-dritt ikollna nagħmlu diskors ferm itwal minn dak moqri mill-Ministru Scicluna nhar it-Tnejn fil-Parlament.
Għandna deficit fil-bwiet tal-familji li jaqilgħuha u jiekluha bi prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel u tal-bżonnijiet essenzjali ta’ kuljum. Għandna deficit soċjali li qed jherri s-sinsla tas-soċjetà tagħna.
Għandna deficit fil-futur, b’ebda viżjoni għas-suq tax-xogħol u għall-ekonomija ta’ għada.
Imma l-aqwa li Muscat u Scicluna jieħdu injezzjoni ta’ flus mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u bi tbissima jgħidulna li dan hu l-aqwa żmien għax għandna surplus li fil-fatt ma jeżistix. Jekk jew b’hekk x’ħin jgħaddi l-effett ta’ dawn l-injezzjonijiet u l-junkie jibda ġej f’sensieh u jara d-dinja kif fil-fatt hi, huma jkunu daħlu fil-kotba tal-istorja.
No comments:
Post a Comment