F’pajjiżna m’għandna ebda theddida għal-libertà tal-espressjoni; m’għandna ebda theddida għas-saltna tad-dritt; m’għandna ebda theddida għad-demokrazija.
Dak li qed ngħixu llum m’għadux aktar theddid. Dan huwa ż-żmien li fih dan it-theddid qed jitwettaq, bl-iktar mod vili, bl-iktar mod oxxen u issa bl-iktar mod vjolenti immaġinabbli. U qed jitwettaq fid-deher, fid-dawl tax-xemx, f’wiċċ kulħadd, mingħajr ebda mistħija, mingħajr ebda skruplu ta’ xejn.
Id-dinja kollha llum qed tħares lejn pajjiżna bħala pajjiż li fih ġurnalista tista’ tinqatel bl-iktar mod spettakolari possibbli, biex joqtluha u kulħadd jara, biex ibiċċruha u kulħadd jitwerwer, biex jeliminawha u kulħadd jiskot.
Id-dinja kollha qed tara stat Malti li naqas bil-goff fid-dover tiegħu li jipprevjeni li dan iseħħ. U qed tara li għal darb’oħra ebda responsabbiltà mhi se tinġarr, minn ħadd.
Din hija l-istess dinja li fl-aħħar snin kull meta lemħet isem Malta fil-midja, ratu assoċjat ma’ skandli ta’ nies li l-ewwel ħaġa li għamlu malli ħadu l-poter kienet li marru jiftħu kumpaniji sigrieti fejn jinħbew il-flus. U waqt li dawk kollha li ċappsu lil pajjiżna b’din it-tebgħa għadhom poġġuti fuq it-tron tal-poter, il-ġurnalista li kixfithom, ilbieraħ poġġiet fuq bomba li tertqitha biċċiet u li magħha tertqet biċċa minna lkoll.
Żmien agħar minn dan f’pajjiżna jien m’għixtu qatt.
Għax il-mistoqsija li qed nagħmlu llum m’għadhiex jekk aħniex ngħixu f’pajjiż normali jew le. Il-mistoqsija hija jekk dan li qed ngħixu sarx in-‘normali’ ta’ pajjiżna. U t-tweġiba tkexkixni aktar mix-xena li rajt ilbieraħ fil-Bidnija.
Għax dak li d-dinja mhix qed tara u qed nilmħu aħna li ngħixu hawn hija dik in-nofs tbissima fuq fomm xi wħud li ddardarlek l-istonku. Konna ħsibna li missejna l-qigħ meta rajna grupp ta’ nies jiċċelebraw quddiem bank protagonist fi storja ta’ ħasil ta’ flus. Mur għidilna li ftit xhur wara kien se jkun hemm min fostna se jasal jiċċelebra anke assassinju feroċi.
U meta dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jaslu anke minn Surġent tal-Korp tal-Pulizija, tasal il-konferma krudili ta’ dak li tassew hu pajjiżna llum. Meta quddiem xeni bħal dawn issib min jgħidlek ‘imma’ jew ‘stednitha’ tibda taqta’ qalbek mill-iktar valuri bażiċi li tkun mingħalik kulħadd xorob mal-ewwel treddiegħ t’ommu.
Iqabbadni l-bard il-ħsieb li rrid inrabbi lil uliedi f’pajjiż hekk, f’soċjetà li tista’ b’xi mod tasal taċċetta jekk mhux tiġġustifika jew tapprova dan kollu.
Kont għadni nilbes il-ħarqa dakinhar tat-Tnejn l-iswed tal-1979. Meta ħafna snin wara, f’żogħżiti, xejjirt il-bandiera Maltija flimkien mal-bandiera tal-Unjoni Ewropea kont ċert li l-Malta ta’ tfuliti kienet saret biss rikordju li se nkun nista’ nerġa’ ngħixu biss fil-kotba tal-istorja.
Iżda kont żbaljat.
F’għajnejn id-dinja llum pajjiżna sar jixbaħ aktar lil dawk il-pajjiżi ddominati mill-kriminalità organizzata fejn l-istat huwa assenti għax kompliċi jew impotenti. F’għajnejna jista’ biss ikollna dmugħ u rabja għal dan li huwa l-agħar żmien ta’ pajjiżna.
No comments:
Post a Comment