Wednesday, March 18, 2015

Għadu ma ġie ebda investiment ta’ €200 miljun għall-isptarijiet

Qed nisma’ ħafna nies jgħidu li l-Gvern ta’ Joseph Muscat irnexxielu jġib investiment privat ta’ €200 miljun għall-isptarijiet ta’ Għawdex u ta’ San Luqa.

Fil-verità dan l-‘investiment’ li semma’ l-Prim Ministru huwa biss ‘pjan’, kif jixhed it-titlu tal-aħbar irrapportata fil-website tax-xandir nazzjonali.

Dan ir-rapport miktub minn Norma Saliba jgħid ċar u tond li “il-Gvern ħabbar li fil-jiem li ġejjin se joħroġ sejħa għall-espressjoni tal-interess biex is-settur privat jiżviluppa żewġ ċentri mediċi: wieħed fil-bini tal-isptar San Luqa u ieħor f’Għawdex.

Dan ma jfissirx biss li dawn il-flus għadhom ma resqux lejn xtutna, iżda jfisser ukoll li l-Gvern għad irid joħroġ sejħa biex ikun jaf jekk hawnx min hu interessat jidħol għal din il-biċċa xogħol.

Ovvjament jekk dan il-pjan tal-Gvern jirnexxi u dawn l-investituri privati jinstabu u s-servizzi tas-saħħa jitjiebu filwaqt li jibqgħu bla ħlas kif inhuma llum, tkun ħaġa pożittiva ħafna. 

Iżda l-aħbar qatt ma kienet li dawn il-mitejn miljun diġa’ waslu għand il-Premier tagħna u li x-xogħol jista’ jibda l-ġimgħa d-dieħla.

Biex niftiehmu, il-proġett tal-pont bejn Malta u Għawdex, li m’għandix dubju li mhu se jsir qatt, jinsab fi stadju ferm iktar avvanzat minn dan il-pjan!

Monday, March 16, 2015

Kumbinazzjoni rtiraw is-sindki ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa?

Is-sindki Laburisti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa mhux se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April.

Kulħadd jaf kif u għaliex dawn iż-żewġ lokalitajiet kienu msemmija ħafna kemm ilu għandna Gvern Laburista.

Jien ma nemminx li hija kumbinazzjoni li dawn iż-żewġ sindki ddeċidew li jieqfu propju issa.


Sunday, March 15, 2015

Il-vuċi taż-żgħażagħ mhux vera tgħodd

Fuq l-istazzjon nazzjonali qed jixxandar reklam produzzjoni tal-Gvern li fih jieħdu sehem ħafna żgħażagħ sbieħ u mimlijin enerġija, li bejn żifna u oħra jgħidulna, “Aħna lesti biex għall-ewwel darba nsemmgħu leħinna. Aħna se nivvutaw għall-ewwel darba.”

Dan ir-reklam (arah hawn taħt jekk għadek ma nzertajtux) iħalli xi ħaġa importanti ħafna barra: Li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma riedx li dawn iż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Minkejja li lkoll qed jgħidu li jħossuhom lesti jivvutaw għall-ewwel darba, lil dawn iż-żgħażagħ mhux se jitqassmilhom vot biex ikun jistgħu jsemmgħu leħinhom fir-referendum tal-11 ta’ April.

Għal Joseph Muscat il-vuċi ta’ dawn iż-żgħażagħ tgħodd biss meta jaqbel lilu.




Friday, March 13, 2015

Minn fejn ġejjin dawn il-flus kollha?

Mill-Blog tiegħi fuq MaltaRightNow

Il-Premier Muscat ma riedx li jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April għax fi kliemu, il-poplu qabditu għejja elettorali. Iżda issa li bela’ kliemu kollu u li l-elezzjonijiet se jsiru, il-Premier tagħna lkoll iddeċieda li jagħmel kampanja elettorali bl-għeruq u x-xniexel.

F’dawn l-ewwel sitt ijiem tal-kampanja l-Partit Laburista organizza attività tista’ tgħid kuljum. Kuljum il-Prim Ministru indirizza l-folla “għajjiena” u l-kameras tat-televixin taħt tinda armata apposta, mimlija bid-dwal u bl-apparat kollu meħtieġ għal attività tal-massa.

Nhar il-Ħadd it-tinda ntramat il-Mosta, it-Tlieta marru l-Marsa, l-Erbgħa kienu l-Birgu, il-bieraħ Ħad-Dingli u llejla se jkollhom t-tinda f’San Ġiljan.

M’għandix l-iċken dubju li l-Partit Laburista bi ħsiebu jibqa’ sejjer b’dan ir-ritmu sal-aħħar ġurnata tal-kampanja elettorali li taħbat erbgħa ġimgħat oħra.

Kulħadd jaf li dawn it-tined u dak kollu li jiġi magħhom jiswew eluf ta’ Ewro kull darba li jintramaw. Jidher ċar li l-Partit Laburista ma tantx qed iħabbel rasu jonfoq dawn l-eluf kollha għal elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li lanqas biss ried li ssir.

Meta wieħed jara dan it-tberbieq kollu bla rażan ta’ xejn ma jistax ma jistaqsix: Min fejn qed iġib dawn il-flus kollha l-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat?

Tuesday, March 10, 2015

L-iskandlu tal-iskandli fil-komma

Mill-Blog tiegħi fuq MaltaRightNow

Jekk hemm nitfa verità f’dak li qed ikun allegat dwar ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, l-uniku triq ‘l quddiem għaliha hija r-riżenja u t-tmiem tal-karriera politika tagħha.

Sal-lum kull ma smajna huma allegazzjonijiet. Għaldaqstant huwa kmieni wisq biex wieħed jgħaddi ġudizzju fuq dak li qed jingħad. Allaħares niġu fl-estremita li nitolbu r-riżenja jew inkeċċu lil xi ħadd sempliċiment għax xi ħadd qed jallega xi ħaġa dwaru jew dwarha.

Dan ma jfissirx li biex tittieħed azzjoni fuq stejjer bħal dawn għandna nistennew it-tmiem tal-proċessi legali li jista’ jkun hemm.

Monday, March 9, 2015

Dan il-garaxx William Mangion sabu?


Mistoqsija sempliċi ħafna

Illejla ntfiet, jew aħjar tpoġġiet fuq standby, il-power station tal-Marsa. M'għandniex xi ngħidu, dan sar b'ċeremonja pompuża kif jaf u jħobb jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-mistoqsija tiegħi hija din: Bis-saħħa ta' liema proġett imwettaq minn Gvern Laburista f'dawn is-sentejn setgħet issir iċ-ċeremonja tal-lejla?

It-tweġibiet jistgħu jinkitbu hawn taħt. Kull min iwieġeb tajjeb jidħol biċ-ċans li jirbaħ job ta' personal assistant ma' mart il-Ministru Konrad Mizzi (fiċ-Ċina).