Lil Salvu Balzan
tal-Malta Today iriduh jikxef lil dak, dik jew dawk li għaddewlu
l-informazzjoni dwar il-każ tal-commissions illegali li tħallsu fuq ix-xiri
taż-żejt. Dan mhuwiex
aċċettabbli. Huwa dritt
tiegħu bħala ġurnalist
li ma jikxifx lil min għaddielu l-informazzjoni. Jekk dan id-dritt jiġi
mittiefes ikun qed jitwassal messaġġ ikrah lil min jaf b'xi korruzzjoni u lest
jikxifha. Dan il-messaġġ jaqra “Agħlaq ħalqek”.
Skandli bħal dan m’għandhomx
jibqgħu sigrieti. Għandna ninkoraġġixxu lil min lest jikxef dawn is-sigrieti u
mhux imwerwruh li għada pitgħada ismu se jissemma fil-Qrati u fil-gazzetti.
IN-NISA TA’ HOLLANDE
François Hollande,
il-President Franċiż, ukoll kellu sigriet li ma xtaqx jinkixiflu. Kellu relazzjoni
bil-moħbi ma’ attriċi iktar żagħżugħa u gustuża mill-girlfriend uffiċjali. Din
diġà t-tieni darba li Hollande inqabad iħawwad. Għax il-girlfriend uffiċjali
tal-lum ukoll kienet il-maħbuba sigrieta ta’ Hollande meta dan kien miżżewweġ
b’erbat itfal. Tassew każ ta’ kif tagħmel jagħmlulek.
Apparti d-dibattitu fuq kemm dan il-President għandu enerġija taħt il-friex, fi Franza qam dibattitu jekk din l-istorja, bir-ritratti b’kollox, kelliex tkun ippubblikata. Hemm min jargumenta li dak li jsir fil-privat għandu jibqa’ fil-privat. Imma l-President Franċiż mhuwiex persuna privata.
Persuna li tokkupa kariga pubblika m’għandha qatt tpoġġi lilha nfisha f’sitwazzjonijiet li bihom tista’ tkun rikattata.
IĊ-ĊINIŻ U
S-SEWWIEQ
Kien hemm
biljunarju Ċiniż li żar Malta u wkoll xtaq li din iż-żjara tibqa’ sigrieta.
Imma hu u jħalli Malta bil-jet privat sab lill-ġurnalisti jistennewh
bil-kameras u l-mikrofoni. Ingħad li dan iċ-Ċiniż ġie Malta biex jixtri
passaport.
It-Tnejn
filgħaxija tal-Labour tgħidx kemm ħaduha bi kbira li daċ-Ċiniż spiċċa fuq NET
News. Saħansitra fetħu inkjesta biex jaraw min kellu l-ardir jikxef dan
is-sigriet.
Imbagħad l-għada, it-Tlieta
filgħodu, l-orizzont toħroġ tgħidilna li l-eks sewwieq tal-Formula Wieħed
Jacques Villeneuve tgħix kemm hu ħerqan biex jixtri wieħed mill-passaport ta’
Muscat. Filwaqt li l-Labour ma sab ebda problema jikxef għajn Villeneuve, inkedd bl-ikraħ li nikef iċ-Ċiniż. Tgħid għaliex?
270 KADAVRU
Għad hemm dubji
serji dwar x’ġara fil-11 ta’ Ottubru li għadda fit-traġedja li ħalliet 270
immigrant mejta fil-Mediterran. Minkejja l-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti lokali u
internazzjonali l-Armata Maltija għadha qed tirrifjuta li twieġeb u qed
tirrifjuta wkoll li tippubblika dokumenti li jistgħu jagħtu stampa aktar ċara
ta’ x’ġara dakinhar.
Jekk l-Armata u
l-Gvern Malti m’għandhom ebda responsabbiltà għal dak li ġara għandhom iwieġbu u
jippubblikaw kollox. B’hekk ikunu qed isostnu l-pożizzjoni tagħhom u jneħħu
kull dubju li jista’ jkun hemm. Jekk le, hemm responsabbiltà kbir x’tinġarr.
Fuq kollox dan
il-Gvern ġie elett bl-għajta tat-trasparenza u m’għandux minflok jagħtina
politika tas-sigrieti.
L-ISQOF AWŻILJARJU
Ma nistax naqbel
mas-suġġeriment tal-Isqof Awżiljarju Mons Charles Scicluna li l-vot li għandu
jittieħed fil-Parlament dwar il-liġi tal-Unjoni Ċivili jkun wieħed sigriet.
No comments:
Post a Comment