Monday, April 27, 2015

L-istaġun tal-kaċċa ma kellux jingħalaq

Il-Prim Ministru għalaq l-istaġun tal-kaċċa b’effett immedjat. L-oppożizzjoni qablet. Jien ma naqbilx.

Qabel kollox niddikjara li lili l-kaċċa ma togħġobni xejn u qatt ma qbilt li pajjiżna japplika xi deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa, la issa u lanqas fil-passat. Niddikjara wkoll li qbilt mija fil-mija mal-pożizzjoni li ħadu ż-żewġ partiti l-kbar u l-mexxeja tagħhom fir-referendum tal-11 ta’ April. Għal bosta raġunijiet li mhux se noqgħod nispjega hawn kien ikun assurd kieku xi wieħed mill-partiti ħa pożizzjoni differenti.

Ir-referendum sar, il-poplu vvota u ta rebħa lill-kaċċaturi. Kif, b’kemm u għaliex issa huwa irrilevanti. Il-fatt huwa li l-maġġoranza ta’ dawk li vvotaw riedu li l-kaċċa fir-rebbiegħa tkompli ssir.

F’demokrazija hija l-maġġoranza li tieħu r-raġun. Il-ħafna diskors fuq il-minoranza kbira li vvotat kontra huwa biss diskors. L-istaġun fetaħ u hekk kellu jkun.

Ġara li mat-tħabbira tar-riżultat il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li lest imur kontra din d-deċiżjoni demokratika tal-poplu jekk ikun hemm illegalitajiet flagranti matul l-istaġun.

B'konsegwenza ta’ din id-dikjarazzjoni kull illegalità li ġrat matul dan l-istaġun kienet minfuħa mit-telliefa tar-referendum biex dak li ma rebħux bid-demokrazija jieħduh billi jirkbu fuq il-paroli vojt tal-Prim Ministru. Bdiet kampanja medjatika qalila biex il-Prim Ministru jżomm kelmtu u jagħlaq l-istaġun.

Wara l-każ gravi tal-lum il-Prim Ministru ma kellux għażla ħlief li jċedi għal din il-pressjoni u jagħmel dak li l-poplu vvota biex ma jsirx. B’sempliċi tweet l-istaġun tal-kaċċa ingħalaq.

Dan huwa preċedenti perikoluż għad-demokrazija f’pajjiżna. It-tweets tal-Prim Ministru m’għandux ikollhom dan il-poter assolut.

Forsi mhux kumbinazzjoni li dan it-tweet inkiteb fl-Azerbajġan, imma dik storja oħra!

Jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu li ma ssirx kaċċa legali għax matul l-istaġun ikun hemm l-illegalitajiet imisshom ilhom li waqqfu l-kaċċa fir-rebbiegħa u f’kull staġun ieħor.

Lanqas ħaqq il-flus, il-ħin, l-enerġija u r-riżorsi li ħlejna f’referendum.

Fil-11 ta’ April il-poplu ma vvotax dwar il-kaċċa illegali u dwar l-abbużi. Il-poplu vvota biex il-kaċċa legali fir-rebbiegħa tkompli ssir. Ebda Prim Ministru, anke jekk l-oppożizzjoni taqbel miegħu, m’għandu dritt imur kontra deċiżjoni demokratika tal-poplu.

Friday, April 24, 2015

Muscat ma jużax il-veto: il-burden sharing jibqa’ volontarju

F’Settembru 2008 Joseph Muscat kien qal lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi biex juża l-VETO u ma jiffirmax il-patt dwar l-immigrazzjoni maqbul bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-ikbar oġġezzjoni ta’ Muscat għal dan il-ftehim kien il-fatt li l-qsim tal-piż bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (burden sharing) kien se jsir fuq bażi volontarja.

Ilbieraħ Muscat, din id-darba bħala Prim Ministru, kien qed jiddiskuti l-istess suġġett fi Brussell.

Minkejja li l-emerġenza tal-immigrazzjoni llum hija ikbar minn qatt qabel, il-burden sharing baqa’ volontarju.

Filwaqt li f’Malta dan il-fatt ma tantx ingħata importanza, il-gazzetta Taljana Corriere della Sera (lemin) poġġietu fit-titlu.

Muscat li tant kien jinbaħ meta kien fl-Oppożizzjoni wera li fil-Gvern ma jigdimx.



Thursday, April 23, 2015

Dmugħ tal-kukkudrilli

Dalgħodu, bħal sena u nofs ilu f’Lampedusa, il-kameras tad-dinja reġgħu kienu ppuntati lejn funeral tal-massa f’pajjiż Mediterranju, funeral ta’ nies li isimhom lanqas hu magħruf illum, aħseb u ara kemm se jibqa’ mfakkar.

Meta ġraw traġedji simili fil-passat kont inħoss dieqa. Din id-darba qed inħoss rabja. U ma jistax ikun mod ieħor.

Kull min iżomm ruħu aġġornat b’dak li jkun qed jiġri madwaru kien jaf li dawn l-imwiet se jiġru. Il-mexxeja politiċi li bħalissa qed jiltaqgħu fi Brussell kienu jafu x’se tkun il-konsegwenza tal-indifferenza tagħhom.

Meta twaqqfet l-operazzjoni Taljana Mare Nostrum kien ovvju li l-Mediterran se jimtela’ bil-kadavri. Kienet biss kwistjoni ta’ meta u mhux jekk.

Iżda ma sar assolutament xejn biex dan kollu jiġi evitat. Mijiet ta’ rġiel, nisa u tfal iddisprati, dawk l-iżgħar fost iż-żgħar, tħallew waħedhom jiffaċċjaw l-iktar destin kiefer.


Emerġenza paga minima

Dawk għorrief aktar minni li naf li mhux se jaqblu ma’ dak li ili żmien twil ngħid u li se nibda ninsiti li jibda jgħid il-partit li nagħmel parti minnu, nistedinhom biex imqar għal xahar wieħed jipprovaw jgħixu b’inqas minn €720.

€720.46 hija l-paga minima ta’ xahar f’Malta tal-lum. Dan huwa l-inqas ammont li ħaddiem jista’ jitħallas għal 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa - €166.26 fil-ġimgħa; €4.16 għal kull siegħa.

Għandha tkun prijorità assoluta tal-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-isħab soċjali kollha li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dan l-ammont jiżdied sewwa u jibda jiżdied gradwalment malajr kemm jista’ jkun.

Studji li juru għaliex dan għandu jsir u kif jista’ jsir saru biżżejjed. Il-ħaddiema li jaqilgħu l-inqas ma jistgħux jitħallew jistennew iktar.

Wednesday, April 22, 2015

Il-Viċi Sindku mkeċċi mil-Labour

Ivan Bartolo huwa l-Viċi Sindku Nazzjonalista l-ġdid tal-Mosta.

Snin ilu Ivan kien iservi fil-Kunsill Mosti f’isem il-Partit Laburista.

Fl-2003 Ivan kien tkeċċa mill-Partit Laburista. U kien tkeċċa mhux għax għamel xi ħaġa ħażina.

Ivan Bartolo tkeċċa għax kien iddikjara pubblikament li hu favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Ivan u l-familja tiegħu dak iż-żmien għaddew minn martirju. Saħansitra kienu jkunu mhedda minn dawk li sa ftit qabel kienu jqisu bi ħbieb tagħhom.

Iżda Ivan xorta waħda baqa’ jservi lill-Mostin fil-Kunsill Lokali bħala ‘indipendenti’ sal-aħħar tat-terminu.

Fl-ittra ta' tkeċċija, Jason Micallef li llum imexxi l-Valletta 2018 u l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista, akkuża lil Ivan Bartolo bi tradiment (ara l-ittra taħt). 

Ir-referendum tal-Unjoni Ewropea ġie u għada. Iż-żmien wera li Ivan, jien u ħafna oħrajn bħalna kellna raġun.

Ivan qatt ma ngħata premjijiet jew karigi mill-Gvernijiet Nazzjonalisti li ġew wara dak ir-Referendum. Ivan qatt ma ried u qatt ma pretenda xejn. Għamel dak li għamel għax ried li jsir dak li emmen li kien fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha kemm huma, hu x'inhu t-twemmin politiku tagħhom.

Kellhom jgħaddu tnax-il sena biex Ivan jerġa’ jikkontesta elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Fil-11 ta' April li għadda isem Ivan reġa' tfaċċa fuq il-karta tal-vot tal-Mostin, din id-darba biswit l-arma tal-Partit Nazzjonalista.

Ivan resaq lejn il-PN f'dak li forsi kien l-aktar żmien diffiċli tiegħu, żmien li fih tista’ biss tagħti u mhux tieħu.

Nhar is-Sibt Ivan kien magħżul mill-Mostin biex ikun il-Viċi Sindku tagħhom.

Jien fraħt u ċċelebrajt.

Għax din ir-rebħa ċkejkna ta’ Ivan hija rebħa kbira għal dak li huwa sabiħ u pożittiv fil-politika. Ir-rebħa ta’ Ivan hija r-rebħa tas-sewwa li jkollu jbati, jkollu jistenna, iżda fl-aħħar jirbaħ.

Saturday, April 18, 2015

Pożittività u ottimiżmu liema bħalu fost il-Laburisti tal-Isla

Joseph Vella huwa l-President tal-Każin Laburista tal-Isla.

Biex jifraħ lill-Viċi Sindku l-ġdid tal-Isla Clive Pulis mar fuq Facebook u esprima d-doża qawwija ta’ pożittività u ottimiżmu li teżisti bejn il-kandidati (issa Kunsilliera) Laburisti.


U dan huwa l-istatus ta’ kunsillier ieħor elett f’isem il-Partit Laburista fl-Isla jallega li persuni fil-kumitat Laburista tal-Isla għamlu kampanja negattiva u ta’ ħsara fil-konfront tiegħu biex ma jkunx elett.


Jien ottimist li l-laqgħat tal-Kunsill Senglean se jkunu pożittivi ħafna!


Għandna nieqfu nirredikolaw u nissottovalutaw lil Simon Busuttil - Joseph Cuschieri

L-eks Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u l-persuna li ċediet is-siġġu Parlamentari lil Muscat, Joseph Cuschieri dwar ir-riżultat elettorali tal-lum:


Id-distakk jonqos bin-nofs

Ir-riżultati tal-elezzjoniijiet tal-Kunsilli Lokali juru li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista naqas bin-nofs.

Fl-2012 il-Partit Laburista kien rebaħ dawn l-elezzjonijiet b’distakk ta’ 17.3%.

Illum rebaħhom b’distakk ta’ ftit iktar minn 8%.

Il-Partit Nazzjonalista żied il-voti f'24 lokalità minn 34. Dawn huma l-lokalitajiet li fihom il-PN żied il-voti:

Birżebbuġa
Ħ'Attard
Ħad-Dingli
Ħal Għargħur
Ħal Kirkop
Ħal Balzan
Ħal-Qormi
Ħaż-Żebbuġ
Il-Birgu
Il-Gżira
Il-Ħamrun
Il-Marsa
Il-Mosta
Is-Siġġiewi
Is-Swieqi
Iż-Żurrieq
L-Iklin
Marsaxlokk
Paola (Raħal Ġdid)
San Ġiljan
San Lawrenz (Għawdex)
San Pawl il-Baħar
Santa Luċija
Ta' Kerċem (Għawdex)

Thursday, April 16, 2015

Bil-filmat: Il-wegħda ta’ Muscat lill-kaċċaturi

Fl-aħħar jiem smajna ħafna dwar kif il-Prim Ministru u l-Partit Laburista taw sehem attiv biex il-kaċċaturi jirbħu r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Qatt m’emmint u m’iniex se nibda nemmen issa li dan ġara għax Muscat u l-PL iħobbu l-kaċċa u l-inkwiet li ġġib magħha jew għax tant jemmnu fid-deroga li applika għal sena wara l-oħra l-Gvern Nazzjonalista.

Ir-raġuni bilfors hija waħda ta’ konvenjenza politika. Ir-raġuni żgur hija marbuta ma xi wegħda li saret qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Ovvjament ma nistax inkun naf x’intqal bejn Muscat u l-kaċċaturi wara bibien magħluqa. Għaldaqstant fittixt f’dak li ntqal fil-pubbliku.

Sibt li lill-kaċċaturi Muscat wiegħdhom aktar minn ftit għajnuna f’każ li jinġabru biżżejjed firem biex isir referendum. Muscat lill-kaċċaturi tahom x’jifhmu li jekk hu jsir Prim Ministru r-referendum lanqas biss isir.

Fis-26 ta’ Frar 2013, inqas minn ġimgħatejn qabel l-elezzjoni, mistoqsi quddiem il-kameras tat-Times “Lest li torganizza referendum fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa?”, Muscat mingħajr eżitazzjoni wieġeb LE.

Ara l-filmat hawn taħt jew f’din il-LINK.


Dakinhar Muscat kien jaf x’qed jagħmel. Kien jaf li qed jgħaddi lill-kaċċaturi biż-żmien. Kien jaf li ebda Prim Ministru m’għandu s-setgħa jwaqqaf referendum jekk jinġabru biżżejjed firem. Iżda xorta wieġeb kif wieġeb.

Aħna li m’aħniex kaċċaturi din il-wegħda konna nsejniha. Imma l-kaċċaturi le. Għaldaqstant, meta r-referendum sar realtà Muscat ma kellux għażla oħra għajr li jgħin lill-kaċċaturi jġibu rebħa. Hekk biss seta’ jnessihom il-wegħda li kien għamlilhom u ma żammx.

Tuesday, April 14, 2015

66% kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa

Fil-programm Newsfeed tal-lum semmejt stħarriġ li kien sar f’April ta’ 9 snin ilu li kien wera li żewġ terzi tal-Maltin (66%) mhumiex kuntenti bil-kaċċa fir-rebbiegħa.

Inqis dan l-isħarriġ bħala importanti fl-analiżi li qed issir tar-riżultat li kellna fir-Referendum ta’ nhar is-Sibt. 

Dan l-istħarriġ juri biċ-ċar li tal-LE (jew SHout) kellhom art ferm iktar fertili x’jaħdmu milli kellhom il-kaċċaturi.

Għalhekk inqis li jkun żbaljat min iqis il-vot li kiseb il-LE (49.4%) bħala xi kisba. Meta nara li 9 snin ilu l-poplu kien diġa' predispost kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, ma nistax ma nqisx t-telfa tal-LE bħala disfatta kbira.

Inħoss li minflok joqgħodu jwaħħlu f'dak jew fl-ieħor, dawk tal-koalizzjoni SHout għandhom jieħdu banju ta' umiltà u jibdew jerfgħu r-responsabbiltà ta' kif irnexxielhom jitilfu Referendum li kien diġà' mirbuħ.

Ir-rapport sħiħ ta’ The Sunday Times dwar l-istħarriġ ta' April 2006 tista’ taqrah billi tikklikkja hawnhekk.

Sunday, April 12, 2015

Electoral fatigue

Fl-elezzjonijiet tal-bieraħ li l-Prim Ministru Muscat kien qal li għajjenin wisq biex nagħmluhom, ivvotaw 9 fil-mija iktar minn 3 snin ilu.

Saturday, April 11, 2015

Tweġiba tal-Pulizija dwar il-konfiska ta' mobiles fil-post tal-votazzjoni

Wara li dalgħodu ktibt f'dan il-blog dwar dak li ġara fl-Imqabba x'ħin mort nivvota - IKKLIKKJA HAWN BIEX TAQRA - ktibt lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kummissjoni Elettorali u tlabt ir-reazzjoni tagħhom għal dak li kien ġara.

L-uffiċju tal-komunikazzjoni tal-Korp tal-Pulizija (CMRU) bgħatli din it-tweġiba:

"Sur Vella, għandi ninfurmak li hekk kif il-Pulizija saret taf b'dan l-inċident, ħadet immedjatament il-passi neċessarji, billi saret investigazzjoni fuq l-Uffiċjal tal-Pulizija involuta u li sussegwentament din tneħħiet minn fuq il-post tal-votazzjoni.

Biex niċċara iktar l-affarijiet, staqsejt jekk dan l-'inċident' kienx riżultat ta' ordni li l-Uffiċjal tal-Pulizija li saret referenza għaliha ingħatat minn xi uffiċjal ieħor tal-Pulizija jew tal-Kummissjoni Elettorali.

It-tweġiba ingħatatli ftit tal-minuti wara u kienet tgħid li ħadd ma ta ordnijiet biex ikunu konfiskati l-mobiles ta' min ikun dieħel f'post tal-votazzjoni.

Dan ifisser li s-senzazzjoni tiegħi li l-konfiska tal-mobile biex votant jitħalla jidħol f'post tal-votazzjoni ma kienetx leġittima kienet waħda korretta.

Mill-feedback ta' bosta qarrejja ta' dan il-blog li vvotaw f'lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex nista' nikkonferma li dan tal-Imqabba kien 'inċident' iżolat. Nista' nikkonferma wkoll li ftit tal-ħin wara li ktibt il-blog tiegħi, il-Kummissarju ħa passi biex din il-prattika tieqaf minnufih. Fil-fatt, anke fl-Imqabba, matul il-kumplament tal-ġurnata ma ġewx ikkonfiskati iktar mobiles ta' votanti.

Għaldaqstant inqis l-ispjegazzjoni li ngħatajt f'isem il-Kummissarju tal-Pulizija bħala waħda sodisfaċenti u nqis dan l-inċident magħluq.

Il-pulizija reġgħu ħaduli l-mobile

X’ħin dalgħodu dħalt fl-iskola tal-Imqabba biex nivvota, il-pulizija li kien hemm mal-bieb waqqfitni u b’ton edukat staqsietni jekk għandix il-mobile fuqi. Weġibt fl-affermattiv. Għal darb’oħra b’ton edukat ordnatli nħalli l-mobile tiegħi għandha sakemm immur fil-klassi u nivvota. Kien ċar illi kieku rrifjutajt li nobdi ma kontx se nitħalla nidħol nivvota.

Dak il-ħin kelli aptit naqbad u nitlaq ‘l barra jew naqbad kwistjoni ma’ din il-pulizija. Iżda la ridt inċaħħad lili nnifsi mid-dritt tal-vot u wisq anqas ma ridt  noqgħod nargumenta ma’ persuna li kienet qed tagħmel biss dak li ordnawlha.

Obdejt l-ordni u tajtha l-mobile. Din il-pulizija poġġiet il-mobile tiegħi fuq ħoġor ta’ tieqa flimkien mal-mobiles tal-oħrajn li kienu qed jivvotaw dak il-ħin. Ma ingħatajt ebda irċevuta tiegħu u ma saret ebda marka biex il-mobile jibqa’ jintgħaraf li huwa tiegħi u ma jieħdu ħadd iktar, bi żball jew apposta.

Domt nivvota mhux iktar minn 5 minuti, anke għax fl-Imqabba m’hemmx elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-istennija mhix twila. Jien u ħiereġ sibt il-mobile tiegħi fejn ħallejtu, f’ħoġor ta’ tieqa b’iktar mobiles miegħu.

Dak il-ħin innutajt li kien hemm tabella tindika li fil-post tal-votazzjoni ma jistgħux jittieħdu ritratti u ma tistax tuża l-mobile. Imkien ma kien hemm miktub li ma tistax iddaħħal il-mobile miegħek u li kellek tħallieh fil-kustodja tal-pulizija.

Is-senzazzjoni tiegħi hi li din l-ordni tal-pulizija hija għal kollox illegali u abbużiva. Jekk mhux hekk u għaddiet xi liġi li ma nafx biha, kull min approvaha jmissu jistħi, hu ta' liema partit hu.

Wednesday, April 8, 2015

Jammetti li lest jagħmel lin-nies sinjuri bil-moħbi

Dan huwa dak li stqarr id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela llejla:

“Bil-moħbi, qalulna, qegħdin nagħtu l-flus lin-nies. Iva. Jien bħal Konrad ngħid. Jekk nagħmel l-affarijiet bil-moħbi biex nagħmel lin-nies aktar sinjuri, bil-moħbi nagħmilhom.”


Agħfas HAWN biex tara l-filmat fuq YouTube jew arah hawn taħt.


Monday, April 6, 2015

Fil-Ġimgħa l-Kbira fl-Akwarju Nazzjonali

Xi ħadd mhux magħruf, għax qed jagħtina dahru u mhux biss, iddeċieda li ladarba l-party li qed jibbazzja fih qed isir f’post mibni għall-ħut, jagħmel bħalhom u joqgħod għarwien ħuta.


Dan ir-ritratt ittieħed nhar il-Ġimgħa l-Kbira wara nofsinhar waqt il-party ‘Lost and Found’ fil-kumpless tal-Akwarju Nazzjonali fil-Qawra. Bosta residenti tal-madwar ilmentaw mill-istorbju eċċessiv li baqa’ sejjer anke matul il-lejl.

Thursday, April 2, 2015

Lanqas meta marret ma marret

Il-Kunsilliera Laburista tal-Mosta Rachel Tua l-bieraħ ħarġet stqarrija b’appell imqanqal biex f’dak li nirrapurtaw dwar il-performance tagħha bħala Kunsilliera nkunu onesti u ngħidu l-verità kollha.

Inħoss li għandha raġun u għalhekk se ngħinha tkompli twassal din il-verità lill-eletturi.

Fir-riċerka tiegħi sibt li apparti li m’attendietx għall-maġġoranza assoluta tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, Tua lanqas meta marret ma marret.

F’din il-leġislatura ta’ 3 snin, Tua attendiet għal 21 laqgħa tal-Kunsill minn 45.

Fi 12 minn dawn il-laqgħat li attendiet għalihom telqet kmieni. U meta ngħid ‘telqet kmieni’ mhux qed ngħid bi ftit minuti, imma sigħat sħaħ.

Dan ifisser li fi 3 snin Rachel Tua attendiet biss għal 9 laqgħat tal-Kunsill Mosti mill-bidu sal-aħħar.

Id-dettalji kollha tat-12-il laqgħa li Dr Tua attendiet u telqet kmieni minnhom jinsabu hawn taħt, b'LINK għall-minuti tal-Kunsill Lokali li jipprovaw dak li qed ngħid:

10 ta’ Mejju 2012 - Telqet 35 minuta qabel LINK
24 ta’ Mejju 2012 - Telqet siegħa u 10 minuti qabel LINK
5 ta’ Lulju 2012 - Telqet 25 minuta qabel LINK
2 ta’ Awwissu 2012 - Waslet 45 minuta tard u telqet siegħa u tliet kwarti qabel LINK
27 ta’ Settembru 2012 - Telqet siegħa qabel LINK
15 ta’ Novembru 2012 - Telqet siegħa u kwart qabel LINK
20 ta’ Frar 2013 - Telqet malli bdiet il-laqgħa li damet siegħa u 45 minuta LINK
25 ta’ April 2013 - Telqet sagħtejn u nofs qabel LINK
27 ta’ Ġunju 2013 - Telqet sagħtejn u ħames minuti qabel LINK
31 ta’ Lulju 2014 - Telqet siegħa u kwart qabel LINK
27 ta’ Ottubru 2014 - Telqet sagħtejn u 5 minuti qabel LINK
19 ta’ Frar 2015 - Telqet siegħa u 50 minuta qabel LINK

Nota: Peress illi Dr Rachel Tua qed tuża t-tqala bħala skuża għan-nuqqasijiet politiċi tagħha se jkolli ngħid li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn id-dati jaħbtu qabel ma bdiet it-tqala ta’ Tua. Fil-perjodu li matulu kienet tqila, bejn Ottubru 2013 u Mejju 2014 hija m’attendiet għall-ebda laqgħa tal-Kunsill Lokali.

Wednesday, April 1, 2015

Rachel Tua marret Las Vegas

Ir-raġunijiet li fl-2013 żammew lill-Kunsilliera Laburista Rachel Tua milli tattendi għall-laqgħat tal-Kunsill Lokali tal-Mosta ma żammewiex milli tmur Las Vegas.

Fis-6 ta’ Ottubru 2013 The Malta Independent irraporta li Dr Tua kienet parti minn delegazzjoni tal-Awtorità tal-Logħob u Lotteriji li attendiet għall-Global Gaming Expo f’Las Vegas li saret bejn id-24 u s-26 ta’ Settembru 2013.

Bejn il-festa ta’ Santa Marija u l-aħħar tas-sena 2013, Rachel Tua m’attendiet QATT għal-laqgħat tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.

F’ritratt li qed nippubblika hawn taħt Rachel Tua tidher qed tgawdi l-festa ta’ Santa Marija fil-Mosta, fil-15 ta’ Awwissu 2013.

Fit-tieni ritratt Tua tidher qed tattendi fundraising event organizzat mill-mara tal-Prim Ministru. Dan l-event sar f’Diċembru 2013.



Tqala ta’ sentejn għal Kunsilliera Laburista

Dalgħodu l-Kunsilliera Laburista Rachel Tua ġabitilna qalbna ġulġliena.

Qaltilna li hija vittma ta’ attakk bla skrupli tal-media tal-Partit Nazzjonalista. Dan għax il-ġurnalisti Nazzjonalisti rrapportaw li Tua rari attendiet għal-laqgħat tal-Kunsill Mosti. Skont Tua l-media tal-PN naqset milli tgħid li hija m’attendietx ħafna mil-laqgħat fl-2014 għax kienet tqila b’tarbija li welldet ftit tax-xhur ilu.

Ta’ defsa li jien fettilli niċċekkja l-minuti tal-Kunsill Lokali tal-Mosta tas-sena ta’ qabel, jiġifieri tal-2013.

Oħroġ il-għaġeb sibt li anke’ matul dik is-sena Tua ma tantx kienet tkun preżenti għal-laqgħat tal-Kunsill Mosti. Filfatt minn 15-il laqgħa tal-Kunsill li saru l-2013 Tua m’attendietx 10 darbiet. 

Fl-2013 Tua attendiet biss 2 laqgħat sħaħ tal-Kunsill u fi 3 laqgħat oħra telqet mil-laqgħa sagħtejn qabel sħabha l-Kunsilliera.

Imbagħad fl-2014 Tua attendiet laqgħa waħda biss mill-bidu sat-tmiem. Matul dik is-sena hija attendiet għal żewġ laqgħat oħra iżda fiż-żewġ okkażjonijiet telqet mill-Kunsill siegħa qabel intemmet is-seduta.

Għat-8 laqgħat l-oħra li saru fl-2014 hija m’attendietx.

Din is-sena, mit-tliet darbiet li ltaqa’ l-Kunsill Mosti, Tua attendiet darba biss u ma ssaportietx toqgħod sal-aħħar u telqet siegħa u ħamsin minuta kmieni.

Peress illi jien nemmen lil Tua li ma kienet tattendi kważi qatt għal-laqgħat tal-Kunsill Lokali minħabba t-tqala, nemmen ukoll li Tua għamlet iktar minn sentejn tqila.

Għall-minuti tal-Kunsill Lokali tal-Mosta ikklikkja HAWN.
L-attendenzi ta’ Rachel Tua fil-Kunsill tal-Mosta għas-snin 2013, 2014 u 2015 huma dawn:

2013
17 ta’ Jannar - Assenti
24 ta’ Jannar - Assenti
20 ta’ Frar - Attendiet għal 29 minuta u telqet malli bdiet il-laqgha, siegħa u 45 minuta qabel il-kunsilliera l-oħrajn
27 ta’ Marzu - Attendiet
25 ta’ April - Attendiet għal 33 minuta u telqet sagħtejn u nofs qabel spiċċat il-laqgħa
29 ta’ April - Assenti
30 ta’ Mejju - Skużata
27 ta’ Ġunju - Telqet sagħtejn u ħames minuti qabel spiċċat il-laqgħa
25 ta’ Lulju - Assenti
1 ta’ Awwissu - Attendiet
29 ta’ Awwissu - Assenti
26 ta’ Settembru - Skużata
31 ta’ Ottubru - Assenti
21 ta’ Novembru - Assenti
19 ta’ Diċembru - Assenti

2014
31 ta’ Jannar - Assenti
20 ta’ Frar - Skużata għax ma tiflaħx
12 ta’ Marzu - Attendiet
30 ta’ April - Skużata
29 ta’ Mejju - Skużata
19 ta’ Ġunju - Skużata
31 ta’ Lulju - Telqet siegħa u kwart qabel spiċċat il-laqgħa
2 ta’ Settembru - Assenti
27 ta’ Ottubru - Telqet sagħtejn u 5 minuti qabel spiċċat il-laqgħa
18 ta’ Diċembru - Skużata għax ma tiflaħx
27 ta’ Diċembru - Skużata għax ma tiflaħx

2015
29 ta’ Jannar - Skużata
19 ta’ Frar - Telqet siegħa u 50 minuta qabel spiċċat il-laqgħa
18 ta’ Marzu - Skużata