Għada jaħbat it-tieni anniversarju ta’ meta arrestawni u
ħaduli ħwejġi għalxejn fuq il-post tax-xogħol fl-ajruport.
Il-banalita tal-akkużi, l-ineżistenza ta’ xi forma ta’
prova u l-mod kif il-Qorti ddikjarat l-innoċenza tiegħi f’inqas minn tlett
ijiem juru li din il-ġrajja ma kinetx għajr vendikazzjoni intiża biex
tkissirni.
Matul dawn is-sentejn kienu bosta li kellmuni dwar dan
l-episodju. Iżda jkolli ngħid li huma ftit dawk li fehemu kif din l-azzjoni setgħet
kissret il-ħajja tiegħi u ta' familti kieku għaddiet ta' min ried jagħmilli
l-ħsara.
Impossibbli tinsa ġrajja bħal din u diffiċli ħafna taħfer
lil min ikun għamilhielek. Iżda jien qatt ma bżajt mill-affarijiet diffiċli u
rari żammejt lura milli nagħmel dak li nemmen fih.
Dejjem emmint li l-ikbar telfa li tista' ġġarrab tkun
jekk titlef lilek innifsek.
Għalhekk, minkejja li qatt ħadd ma skuża ruħu,
jien qed naħfer lil kull min ħa sehem f'din il-vendikazzjoni.
Quddiem il-Qorti mal-avukati Therese Commodini Cachia, Andrew Borg Cardona u Karol Aquilina. (28-10-2013) |