Għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna, kap ta’ partit politiku se jintgħażel minn bosta eluf minflok minn ftit mijiet.
Id-deċiżjoni tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li jaqsmu l-poter ma’ eluf ta’ tesserati f’għażla daqstant importanti bħal dik tal-Kap, tkompli ssaħħaħ il-kredenzjali demokratiċi ta’ dan il-partit.
Però kien deċiż ukoll li fis-16 ta’ Settembru jivvotaw biss dawk l-eluf li ilhom sentejn jew aktar tesserati tal-partit. Dan ifisser li kull min ittessera riċentament jew kull min qed jieħu interess f’din l-elezzjoni u jixtieq jittessera biex jivvota se jkun eskluż.
Iltqajt ma’ nies li resqu lejn il-Partit Nazzjonalista u ttesseraw tul l-aħħar kampanja elettorali u m’għandhomx vot. Iltqajt ma’ grupp ta’ żgħażagħ, li tant għandna bżonnhom fil-partit, li mhux se jkunu jistgħu jivvotaw għax sentejn ilu ma kellhomx interess fil-politika. Iltqajt saħansitra ma’ voluntiera u nies li ħadmu ħafna għall-partit li bi traskuraġni, jew għax qatt ma ħassew il-ħtieġa, mhumiex tesserati u mhux se jkollhom vuċi fl-għażla tal-Kap tagħhom.
Nemmen li dawn kollha għandu jkollhom id-dritt għall-vot. Kull min jixtieq jittessera fil-Partit Nazzjonalista u jħallas il-miżata biex jivvota għall-Kap għandu jitħalla jagħmel dan bla ebda xkiel. M’għandniex minn xiex nibżgħu. Partit politiku ma jistax jibża’ mill-istess nies li jrid minnhom anke biex sempliċiment jibqa’ jeżisti.
F’pajjiżi oħrajn, f’partiti fejn isiru dawn it-tip ta’ elezzjonijiet imsejħa ‘primarji’, min ma jkunx membru tal-partit ikun jista’ jinkiteb dak il-ħin li jivvota!
M’għandix dubju li jekk isir hekk ikun hemm eluf ta’ persuni li fl-aħħar elezzjoni ivvotaw lill-Partit Nazzjonalista li jissieħbu biex ikollhom id-dritt jesprimu ruħhom f’din l-għażla daqstant deċiżiva. Lil dawn l-eluf jeħtieġ niftħulhom il-bibien beraħ.
Din hija opportunità tad-deheb għall-Partit Nazzjonalista, mhux biss biex jiżdiedu l-membri u biex jitwettaq iktar il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda wkoll biex jinbet entużjażmu ġdid f’mument daqstant kruċjali għad-demokrazija f’pajjiżna.
No comments:
Post a Comment