Monday, March 26, 2018

Il-Ħabiba tal-Prim Ministru u ħbieb oħra

Dan il-blogg kien ippubblikat minn Newsbook

Nhar is-Sibt il-Prim Ministru għoġbu jagħtina l-aħbar li flimkien ma’ martu qed irabbi ġerwa taċ-Chow Chow. Fuq Instagram faqqalna ġmiel ta’ ritratt tal-familja u nfurmana li l-kelba għandha erba’ xhur u li semmewha Ħabiba. Mill-ammont ta’ shares u ta’ qlub fil-kummenti li kien hemm taħt ir-ritratt, qed nassumi li l-Ħabiba tal-Prim Ministru f’tebqa t’għajn saret l-iktar Chow Chow popolari fl-arċipelagu Malti.

Biex jibqa’ fuq is-suġġett tal-ħbieb, l-għada l-Ħadd il-Prim Ministru qalilna wkoll li flimkien mal-ikbar ħabib tiegħu Keith Schembri u n-nisa tagħhom, xi sentejn u nofs ilu kienu mistiedna għat-tieġ ta’ Ali Sadr Hasheminejad, cioè iċ-Chairman u s-sid tal-Bank Pilatus li bħalissa jinsab maqful f’ċella Amerikana, akkużat fost oħrajn b’ħasil ta’ flus u frodi bankarja.

Dan it-tieġ kien sar fl-Italja, preċiżamet fil-belt rinomata għall-imħabba, Venezja. Minkejja l-ħafna xogħol li huma mgħobbijin bih il-Prim Ministru u idu l-leminija li tiddiletta bil-kumpaniji fil-Panama, irnexxielhom jitilqu kollox minn idejhom u jħallu pajjiżna biex ikunu preżenti għal dan it-tieġ.
Min bħali għandu ftit memorja, żgur jiftakar lil Muscat Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jippreferi jmur jiekol burger biċ-chips milli jmur għal xi ċena formali bħal ma kienet dik statali li temmet u ċċelebrat il-Presidenza ta’ Eddie Fenech Adami.

Għal dik l-ikla, Muscat ma kellu bżonn jaqbad ebda ajruplan kif kellu jagħmel għat-tieġ ta’ Pilatus.

Imma ngħiduha kif inhi, Fenech Adami qatt ma kien ħabib kbir ta’ Muscat!
M’inix f’pożizzjoni ngħidilkom jekk fit-tieġ li marru għalih fil-belt tal-kanali u l-gondoli servewx biss burgers u chips u allura Muscat ma seta’ qatt jitilfu, għax ovvjament ma nafx. Minn dan it-tieġ ma rajna ebda ritratt fuq Instagram, Twitter jew Facebook tal-Prim Ministru. Forsi għax Hasheminejad mhux gustuż u fotoġeniku daqs il-Ħabiba taċ-Chow Chow? Min jaf!
Nafu żgur li kemm ilna nisimgħu dwar il-Pilatus u l-allegazzjoni (miċħuda) li d-dokumenti li juru li Egrant hija ta’ Michelle Muscat kienu f’dan il-Bank, Muscat qatt ma ħass il-bżonn jgħidilna li mar għal dan it-tieġ Venezjan u jispjegalna x’livell ta’ ħbiberija hemm jew kien hemm bejnu, martu u ċ-Chief of Staff tiegħu ma’ dar-raġel mill-Iran.
Il-Prim Ministru tagħna jemmen li l-poplu Malti fuq il-Ħabiba ta’ erba’ saqajn u ruxxmata suf li marret tgħix miegħu f’Burmarrad għandu dritt ikun jaf u mhux fuq ħbieb oħra ta’ żewġ saqajn u ruxxmata bwiet.

Thursday, March 22, 2018

L-għajn tal-ħasselin (tal-flus)

Dan il-blogg kien ippubblikat minn Newsbook

Jgħidu x’jgħidu Joseph Muscat u l-akkolti tiegħu, ir-ritratti u l-filmati tal-partitarji Laburisti jiċċelebraw ir-rebħa elettorali ta’ Ġunju li għadda quddiem il-Bank Pilatus ma jista’ jħassarhom ħadd.

Dawk il-partitarji ma marrux hemmhekk b’kumbinazzjoni. Marru għax qiesu lill-Bank Pilatus bħala parti mir-rebħa kbira li kienu qed jiċċelebraw.

Ġustament, dawn il-Laburisti identifikaw lill-Pilatus bħala entità li hija ħaġa waħda mat-tmexxija tal-partit u tal-Gvern li huma jappoġġaw.

Marru hemm anke għax kienu semgħu kemm-il kelliem tal-Oppożizzjoni jgħidilhom x’kien tassew dan il-Bank u kif kien qed jintuża min-nies fil-poter. Bit-tixjir tal-bnadar Laburisti quddiem il-Pilatus, dawn il-partitarji kienu qed jibgħatu l-messaġġ li bis-saħħa tar-rebħa ta’ Muscat, il-Bank Pilatus seta’ jibqa’ għaddej jagħmel dak li kien qed jagħmel mingħajr ebda xkiel.


Iżda ġara li ftit tax-xhur wara, propju bħalissa int u taqra dan il-blogg, is-sid tal-Bank Pilatus jinsab arrestat fl-Istati Uniti fejn qed jiffaċċja iktar minn seklu ħabs, bl-akkużi ewlenin ikunu ħasil tal-flus u frodi bankarja. Se tismagħhom jgħidu li l-akkużi fil-konfront tiegħu m’għandhomx x’jaqsmu mal-istejjer li smajna bihom f’pajjiżna. Veru. Iżda issa huwa ċar għal kulħadd x’tip ta’ negozju jispeċjalizza fih dan ir-raġel mill-Iran li jġorr fuqu ruxmata passaporti.

Il-mistoqsija li ħafna nies wieġbu fis-skiet ta’ darhom kemm ilha li ħarġet din l-aħbar hija: Persuna li kienet lesta tisfida l-liġijiet u s-sanzjonijiet tal-ikbar super-potenza fid-dinja u għal dan tissogra piena ta’ iktar minn seklu maqfula f’ċella, se tiddejjaq jew se jkollha xi skruplu tkun kompliċi ma’ politiċi mill-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea fil-ħasil tal-għemejjel ħżiena tagħhom?

Ir-risposta ovvja għal din il-mistoqsija tidħol b’mod perfett fil-jigsaw puzzle ta’ evidenza li ilna nisimgħu biha minn meta l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bdiet tiżvela l-istejjer tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama li s-sidien tagħhom huma l-eqreb nies tal-Prim Ministru Muscat.

U hawn niġu għal filmat ieħor tal-Pilatus li ħadd ma jista’ jħassar mill-memorja kollettiva: il-filmat tas-sid tal-Bank (l-istess wieħed arrestat fl-Istati Uniti) jaħrab b’bagalja f’nofs ta’ lejl ftit tal-ħin wara li l-istess Daphne Caruana Galizia allegat li t-tielet kumpanija fil-Panama miftuħa ma’ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi - Egrant - hija tal-mara tal-Prim Ministru.

Apparti x-xena pjetuża tal-Kummissarju tal-Pulizija jiekol il-fenek, dakinhar kien hemm xena oħra li wieħed m’għandux jinsa. Muscat kien kellem lill-ġurnalisti f’Kastilja u għamilhielhom ċara li ma kienx se jordna inkjesta dwar l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia. Kellhom jgħaddu s-sigħat - sigħat li matulhom is-sid tal-Bank Pilatus ħarab bil-bagalja u ajruplan privat tar bla passiġġieri lejn l-Ażerbajġan - biex Muscat reġa’ bdielu u ordna li ssir inkjesta.

X’kien hemm f’dik il-bagalja jaf ma nsiru nafu qatt, iżda diġà nafu ħafna fuq min kien qed iġorrha: raġel li dwaru llum hemm evidenza ċara li serva ta’ għajn għall-ħasselin tal-flus.

Tuesday, March 20, 2018

Taħt assedju

Iltaqgħu xemgħa u fjura,
Ġewwa misraħ f’nofs il-Belt,
Tħallew minn tfajla mbikkma,
Għajn ta’ tama f’dan il-għelt.


Hemm, imħares minn tliet ġganti,
Weqfin, siekta, viġilanti,
Tpoġġa nkwatru b’wiċċ ta’ mara,
B’daqqa t’għajn tfakkarna x’ġara.


Qalb l-istorbju tal-‘kultura’,
Tinstema’ talba ta’ kultant,
Waqaf xwejjaħ, ħalla kitba,
Martu żejnet b’werqtejn rand. 


Mal-lejl ġew idejn moħbija,
Fl-ikreh dlam, bħal fil-Bidnija,
Ħarbtu, kissru, frak u biċċiet,
U l-ġganta tal-mafkar bkiet.


Iżda malli sebħet l-għodwa,
Xemgħat u fjuri ġew oħrajn,
Id-dnub b’rabja tqalleb f’soddtu,
Mhux se nħalluh jagħlaq għajn m’għajn.

Tuesday, March 13, 2018

​Il-pensjoni Parlamentari: il-kwistjoni għadha mhix magħluqa

Dan il-blogg kien ippubblikat minn Newsbook

Matul din il-ġimgħa inxtegħel dawl fuq il-privileġġ li jgawdu l-Parlamentari tagħna meta jiġu biex jirtiraw mix-xogħol.

Id-diskussjoni qamet għax il-Gvern ried jestendi l-privileġġi eżistenti għal dawk li jkunu eletti fil-Kamra darba biss u għal persuni oħra bħall-Membri tal-Parlament Ewropew, is-Segretarji Permanenti, l-Ispeaker u oħrajn.

L-Oppożizzjoni għall-ewwel qablet, imbagħad irtirat l-appoġġ tagħha. Din il-mossa wasslet biex il-Gvern jirtira l-proposta minnufih.

Jidher li dan l-iżvilupp intlaqa’ tajjeb ħafna mill-poplu u l-politiċi ġustament ftaħru li għamlu dan il-pass għax ‘semgħu lin-nies’. Iżda l-argumenti li kkonvinċew lill-Oppożizzjoni u konsegwentement lill-Gvern jirtiraw mill-pożizzjoni li ħadu oriġinarjament, ma kinux relatati mal-proposta li dawn il-privileġġi jkunu estiżi.

Jekk iddur dawra ma’ dak li nkiteb u ntqal minn opinjonisti u mill-poplu fuq il-mezzi soċjali, issib li l-oġġezzjoni ewlenija hija dwar l-eżistenza tal-privileġġ innifsu.

In-nies għandhom raġun. M’hemm ebda loġika li biha tista’ tispjega għaliex meta niġu għall-pensjoni, il-Parlamentari jkunu privileġġati fuq il-bqija tal-poplu. Din kienet l-għajta tan-nies f’dawn il-ġranet u din l-għajta għadha ma nstemgħetx. Għalhekk, il-kwistjoni għadha miftuħa beraħ.

Jekk il-Parlamentari jħossu li huma mħallsin ftit għall-kontribut li qed jagħtu lill-pajjiż, is-soluzzjoni m’għandhomx jeħduha meta jirtiraw billi jkollhom drittijiet tal-pensjoni ferm aħjar minn tal-bqija. Is-soluzzjoni għandha tingħatalhom waqt li għaddejjin bil-ħidma tagħhom, billi l-ħlas li jirċievu jkun jixraq tassew għall-ħidma li qed jagħmlu.

Id-drittijiet tal-pensjoni għandhom ikunu l-istess għal kulħadd. Din hija l-għajta tal-poplu li l-Parlamentari tagħna semgħu u li fuqha għandhom jaġixxu.