Matul din il-ġimgħa inxtegħel dawl fuq il-privileġġ li
jgawdu l-Parlamentari tagħna meta jiġu biex jirtiraw mix-xogħol.
Id-diskussjoni qamet għax il-Gvern ried jestendi
l-privileġġi eżistenti għal dawk li jkunu eletti fil-Kamra darba biss u għal
persuni oħra bħall-Membri tal-Parlament Ewropew, is-Segretarji Permanenti,
l-Ispeaker u oħrajn.
L-Oppożizzjoni għall-ewwel qablet, imbagħad irtirat l-appoġġ
tagħha. Din il-mossa wasslet biex il-Gvern jirtira l-proposta minnufih.
Jidher li dan l-iżvilupp intlaqa’ tajjeb ħafna mill-poplu u
l-politiċi ġustament ftaħru li għamlu dan il-pass għax ‘semgħu lin-nies’. Iżda
l-argumenti li kkonvinċew lill-Oppożizzjoni u konsegwentement lill-Gvern
jirtiraw mill-pożizzjoni li ħadu oriġinarjament, ma kinux relatati mal-proposta
li dawn il-privileġġi jkunu estiżi.
Jekk iddur dawra ma’ dak li nkiteb u ntqal minn opinjonisti
u mill-poplu fuq il-mezzi soċjali, issib li l-oġġezzjoni ewlenija hija dwar
l-eżistenza tal-privileġġ innifsu.
In-nies għandhom raġun. M’hemm ebda loġika li biha tista’
tispjega għaliex meta niġu għall-pensjoni, il-Parlamentari jkunu privileġġati
fuq il-bqija tal-poplu. Din kienet l-għajta tan-nies f’dawn il-ġranet u din
l-għajta għadha ma nstemgħetx. Għalhekk, il-kwistjoni għadha miftuħa beraħ.
Jekk il-Parlamentari jħossu li huma mħallsin ftit
għall-kontribut li qed jagħtu lill-pajjiż, is-soluzzjoni m’għandhomx jeħduha
meta jirtiraw billi jkollhom drittijiet tal-pensjoni ferm aħjar minn tal-bqija.
Is-soluzzjoni għandha tingħatalhom waqt li għaddejjin bil-ħidma tagħhom, billi
l-ħlas li jirċievu jkun jixraq tassew għall-ħidma li qed jagħmlu.
Id-drittijiet tal-pensjoni għandhom ikunu l-istess għal
kulħadd. Din hija l-għajta tal-poplu li l-Parlamentari tagħna semgħu u li fuqha
għandhom jaġixxu.
No comments:
Post a Comment