Sunday, April 30, 2017

Tradituri ta' Jum il-Ħaddiem

Għada, f'Jum il-Ħaddiem, Joseph Muscat qed jistiednek tmur il-Belt Valletta tkażbar u tinsulenta ħaddiema li ma tħallsitx il-paga u ċċapċap u ġġorr fuq l-idejn lill-miljunarji li jagħmlu strutturi finanzjarji 'l bogħod minn xtutna biex ma jħallsux taxxa, jaħslu l-flus maħmuġin u jisirqu flus il-poplu.

Għada int mistieden biex bil-preżenza tiegħek tagħti l-approvazzjoni għal dal-moviment li tradixxa l-valuri u l-prinċipji vera Laburisti u li sar jirrappreżenta dak kollu li l-moviment xellugi twieled biex jiġġieled.


Azerbajġan fil-Mediterran

Elezzjoni bikrija, sena qabel żmienha, mhi se ssolvi xejn mill-kriżi politika li Joseph Muscat daħħal lill-pajjiż fiha.

Il-gazzetta 'Illum" irrapurtat li l-elezzjoni se ssir f'Ġunju
Jekk kif qed jingħad li se jiġri Muscat iħabbar elezzjoni ġenerali għal Ġunju jkun iffisser biss li huwa ma jistax ikompli jiggverna. Din tkun l-ikbar ammissjoni ta' Muscat li mhux kapaċi jwettaq il-mandat sħiħ li tah il-poplu erbgħa snin ilu minħabba kriżi ta' korruzzjoni li ġabha kollha kemm hi b'idejh.

B'elezzjoni issa, Muscat ikun iċċertifika l-falliment totali tal-Gvern tiegħu, li minkejja li beda l-leġislatura b'maġġoranza enormi, ma jkunx irnexxielu jwassal sal-aħħar. U l-għaliex ta' dan jafu kulħadd.

Agħar minn hekk, Muscat ikun qed jipprova juża l-għodod tad-demokrazija biex mingħalih jinħafrulu dnubietu u d-dnubiet ħoxnin tal-klikka korrotta ta' Kastilja.

Sistema demokratika mhix biss dwar min jirbaħ maġġoranza ta' voti jew siġġijiet fil-Parlament. F'demokrazija ebda maġġoranza, kbira kemm hi kbira, ma tibdel dak li hu ħażin f'tajjeb.

Ebda maġġoranza ma tiddeċiedi kontra min għandhom jittieħdu passi kriminali u kontra min le. F'demokrazija ebda maġġoranza ma tista' ssikket il-vuċijiet tar-raġuni, il-vuċijiet ta' dawk li jridu ġustizzja, ta' dawk li jridu li l-liġijiet ikunu l-istess għal kulħadd.

Jekk Muscat bi ħsiebu jsejjaħ elezzjoni biex isir omnipotenti, biex ikun 'il fuq mil-liġi, biex iwerwer lil min għandu l-poteri jieħu passi kontrieh jew kontra sħabu, ikun qiegħed biss jinsulenta u jikser il-prinċipji bażiċi tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt; ikun qiegħed jibda l-proċess biex jagħmel minn Malta, Ażerbajġan fil-Mediterran.

Saturday, April 29, 2017

Bħalissa l-Prim Ministru qed jiltaqa' ma' kriminal misjub ħati mill-Qorti, bil-provi

Waqt li l-magna tal-partit u l-partitarji ta' Muscat (mhux se nsejjħilhom iktar Laburisti b'rispett lejn il-Laburisti onesti) qed ixewwxu u jallegaw dwar il-whistleblower li xehedet ilbieraħ quddiem il-Maġistrat li Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru, Joseph Muscat wasal Brussell fejn sab jilqgħu persuna li nstab ħati bil-provi fil-Qorti ta' reat kriminali.

Kif jgħid il-Malti, ma' min rajtek xebbaħtek.


Diġa nqabdu jigdbu fuq il-whistleblower

Il-bieraħ filgħaxija Saviour Balzan qalilna li l-whistleblower li qed tallega li l-kumpanija fil-Panama Egrant hija ta' Michelle Muscat, hija eks impjegata tal-bank Pilatus li tkeċċiet f'Marzu 2015.

Dan biex imbagħad ikunu jistgħu jgħidu li ma setax ikun li rat u ħadet kopja ta' dokument datat Awwissu 2015 li fih hemm indikat li Muscat hija s-sid ta' Egrant. (ara l-kumment ta' Cyrus Engerer)


Issa dalgħodu l-gazzetta ta' Saviour Balzan 'ILLUM' qaltilna li l-whistleblower filfatt tkeċċiet minn Pilatus Bank sena wara, jiġifieri f'Marzu 2016!


Apparti li fi ftit sigħat diġa nqabdu jigdbu fuq din il-whistleblower, dan ifisser li filfatt hi setgħet rat u ħadet kopja ta' dan id-dokument li juri li Egrant hija ta' mart il-Prim Ministru.

Wednesday, April 26, 2017

Muscat ma jgħidx li Keith Schembri mhux qed jigdbilna

Meta dalgħodu l-ġurnalisti marru jistaqsu lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk jemminx lil Keith Schembri, Muscat ma qalx li hu jemmen l-iskużi banali li kiteb iċ-Chief of Staff tiegħu lbieraħ.

Minflok, Muscat għażel kliemu sewwa u ddikjara: "Jien nemmen il-verżjoni li Keith Schembri ta lili."

X'inhi din il-'verżjoni' li Keith Schembri ta lil Muscat? Hija l-istess 'verżjoni' li kiteb il-bieraħ fuq Facebook biex jiċhad dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista?

IKKLIKKJA HAWN jew ara l-filmat hawn taħt (l-ewwel 8 sekondi):

Mhux Għax Jimpurtani - 25 ta' April 2017

Ikklikkja HAWN jew ara l-programm hawn taħt:

Sunday, April 23, 2017

Hekk ikun ġudikant indipendenti?

L-Imħallef irtirat Philip Sciberras spiss jitqabbad mill-Prim Ministru Muscat biex ikun f'xi Bord ta' Inkjesta.

L-aħħar inkjesta li kien involut fiha kienet dik li ma sabet xejn irregolari minn Beppe Fenech Adami. Għax peress illi kien hemm isem Beppe fin-nofs, Muscat ħatar inkjesta bi tliet imħallfin, ħatarha minnufih u fiha poġġa lil sieħbu Sciberras l-'indipendenti'.

L-eks imħallef dalgħodu wriena kemm tassew huwa 'indipendenti'. Fil-faċċata ta' quddiem tat-Torċa Sciberras ġie kkwotat li qed jiġġudika l-allegazzjoni dwar' Egrant, Michelle Muscat u t-tixħim mill-Ażerbajġan bħala 'reċta falza ta' min hu bla argument'.

It-Torċa tkompli tgħid li skont Sciberras din l-istorja hija biss 'frott ta' għira'. B'referenza ċara għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Sciberras juża l-kliem imċekken, inferjuri, għajjur, negattiv, agressiv, pwerili u tal-ħabba gozz fost aġġettivi oħra.

Illum m'għad hemm ebda dubju dettat mir-raġuni kemm l-eks Imħallef Sciberras jista' jkun ġudikant indipendenti u imparzjali.

Wednesday, April 12, 2017

Glenn Bedingfield rebaħ il-Pulitzer

Għadu kif tħabbar li l-blogger ta' Kastilja Glenn Bedingfield rebaħ l-iktar premju prestiġġjuż fid-dinja fil-ġurnaliżmu, jiġifieri l-'Pulitzer'.

Qabel tibdew tifirħulu u tinnominawh għal Ġieħ ir-Repubblika kunu afu li, ovvjament, qed ngħaddikom biż-żmien.

Il-verità hija li l-Pulitzer intrebaħ mit-tim ta' ġurnalisti li kixef l-iskandlu internazzjonali 'Panama Papers' li sħab Bedingfield f'Kastilja huma fost il-protagonisti tiegħu.

Il-verità hija li wieħed minn dawn il-ġurnalisti huwa Malti u li issa sar l-ewwel ġurnalist Malti fl-istorja li qatt ingħata dar-rikonoxximent.

Dan il-ġurnalist jismu Matthew Caruana Galizia u ovvjament, għall-istazzjon 'nazzjonali' din l-aħbar mhix aħbar u ma qalulnix biha.

Issa biex forsi jħajjru lil TVM jagħmlu rapport fuq il-'Pulitzer', l-organizzaturi qed jikkunsidraw li vera jagħtu premju lil Glenn. Aktarx se jippremjawh għall-iktar fake news li waqqgħet lil min kitibha għan-nejk fl-2016!

Għax dan Glenn, bl-għajnuna tal-gazzetti tal-General Workers Union, kien qalilna li l-istejjer dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama kienu biss attakk vendikattiv Nazzjonalista bbażat fuq informazzjoni mixtrija b'eluf kbar ta' Ewro minn negozjant Malti li wara snin ipappiha tilef xi kuntratt fil-qasam tal-enerġija u ried ipattiha lil Konrad Mizzi u Keith Schembri!

Ejja ngħiduha kif inhi, ħadd ma ħaqqu dal-Pulitzer daqs dal-kandidat stilla tal-Labour!