Thursday, November 26, 2015

L-eżempju li jkaxkar ‘l isfel

L-imġieba ta’ dawk li f’soċjeta' għandhom l-iktar poter hija l-mudell li minnu l-kumplament jieħdu eżempju. Iffaċċjat bil-kliem ta’ theddid ta’ Deputat tiegħu fil-Parlament - Niġi għalik u nifqgħek - il-Prim Ministru kellu biss triq waħda x’jieħu, iġgħelu jirriżenja jew ikeċċieh.

Dan ma ġarax. Anzi, ġara bil-kontra.

Fil-kamra l-aktar 'onorevoli' f'pajjiżna rajna spettaklu meskin. Wieħed wara l-oħra, uħud mid-Deputati u Ministri tal-Gvern raw kif għamlu biex ibenġlu u jiskużaw dan l-aġir oxxen.

Dan jibgħat messaġġ lis-soċjeta tagħna li nqisu ferm iktar gravi mill-kliem ta’ Debono Grech fih innifsu.

B’dak li għamel jew aħjar, b’dak li m’għamilx, il-Prim Ministru qed jgħid lill-poplu li attitudni ta’ bulli fis-soċjeta' tagħna hija skużabbli.

Bin-nuqqas ta’ azzjoni tal-Prim Ministru tilfu n-nisa u l-irġiel tal-affari tagħhom, dawk l-uffiċjali pubbliċi, l-għalliema, il-pulizija, il-wardens, it-tobba, l-infermiera u l-kumplament li ta’ kuljum ikollhom jiffaċċjaw lill-bullijiet bħal Debono Grech - li f’pajjiżna mhumiex ftit - u jistennew bi dritt li lil min fdaw bis-setgħa jipproteġi lilhom u mhux lill-aggressur.

Illum qrajna wkoll kif id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela ġie mċanfar minn Maġistrat għax qed jaħli l-ħin tal-Qorti bl-iskop li jtawwal kemm jista’ jkun il-każ dwar is-siġġijiet fil-Parlament. Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ u x’jgħid dwar il-kredenzjali demokratiċi tal-Partit Laburista, hawn għandna messaġġ ieħor favur il-bulli.

Hija frustrazzjoni kbira għal bosta nies li għandhom każ il-Qorti meta jiġri li l-parti l-oħra toqgħod tilgħab dal-logħob biex każ jitwal u l-ġustizzja ddum ma ssir jew ma ssirx.

Kull ma kien jonqos għal dawn il-bullies kien li jsibu l-konfort tal-partit fil-Gvern li jġib ruħu eżatt 
bħalhom.

Għal darb’oħra, l-eżempju tal-Gvern ikaxkar ‘l isfel.

Għal darb’oħra, jirbaħ il-bulli u jitilfu n-nies tal-affari tagħhom.

2 comments:

  1. Ididfferenza taf x'inhi li dawn in-nies mil-esperjenza jistmaw in-nies zibel u jahsbu li hadtiehor muntun.

    ReplyDelete
  2. Sewwa jghidu "Ma min rajtek xebbahtek"
    iL lupu libes ta. naghaga sakem ha dak li ried.
    Ara ma jfettlilkhomx tqiegheduh fil presepju ghax herba jghamlilkhom.

    ReplyDelete