Wednesday, October 19, 2011

Il-konsistenza ta’ Gino Cauchi

Kont bi ħsiebni nżerżaq żewġ linji fuq kemm hu ipokrita` l-Membru Parlamentari Laburista Gino Cauchi imma f’wiċċi se jibqa’. Se jkolli nagħlaq ħalqi u nibla kollox.

Bil-libsa ta’ shadow minister Laburista għax-xandir Gino Cauchi bħalissa qed imexxi kampanja kontra dawk li jippreżentaw xi programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon tal-istat u għandhom l-ardir jistqarru pubblikament l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Tgħidx kemm tkaża Gino għax Lou Bondi stqarr li Joseph Muscat għadu ma kkonvinċiehx biżżejjed u jekk issir elezzjoni għada jivvota lill-PN. Tant ħadha bi kbira dan Gino li sejjaħ press conference u talab l-intervent tal-Awtorita` tax-Xandir.

Issa jien niftakar li Gino Cauchi kien jaħdem għal snin twal bħala ġurnalist u preżentatur tal-aħbarijiet ta’ TVM. Fl-istess żmien li Gino kellu dan il-job huwa kien ħareġ għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, kien ġie elett u kien saħansitra ntgħażel minn sħabu l-kunsilliera biex ikun is-Sindku.

B’dan f’moħħi ġejt niġri nikteb kemm hu vili dan Gino Cauchi. Kont se ngħid li dan Cauchi vera m’għandux żejt f’wiċċu biex jitkaża b’Bondi għax qal lil min se jivvota, meta fiż-żmien li hu kien parti mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ TVM kien qed jgħid lin-nies jivvotaw lilu nnifsu!

Imma balleċ se jkolli nagħlaq ħalqi. Għax meta ikkontesta u ġie elett fil-Kunsill Lokali ta’ Pembroke Gino Cauchi għamel dan bħala kandidat indipendenti!

Allura bħal ma kien raġel Gino li meta kien jaħdem ma’ TVM qatt ma ċċappas mal-politika partiġġjana u dejjem żamm ruħu indipendenti (anke bħala kandidat), jien se nkun raġel ukoll u qed niskuża ruħi pubblikament talli għal ftit ħin ħsibt u kont bi ħsiebni nikteb li Gino Cauchi huwa ipokrita` mill-kbar nett.




3 comments:

  1. ghall labour li tkun indipendenti tfisser li tkun labour imma ma turix x'int...

    u hekk jippretendu li kullhadd ikun.

    ReplyDelete
  2. il-blog tieghek huwa inutli..xorta nihu gost naqrah fosri xi darba nara blog article sura. imma s issa ma rnexxilekx tikkonvinci bal siehbek lou

    ReplyDelete
  3. Biex taghmel xi haga, trid tkun taf taghmilha, imma mid-dehera ma tantx taf taghlqu halqek int, pero` ha nghidlek habib, hekk messek ghamilt ghax kont taqta' figura ahjar!!

    ReplyDelete