Sunday, October 30, 2011

Tibqgħux kompliċi tal-ħallelin


Ġej Budget ieħor. U fuq il-venda kulħadd jispekula biex ħiereġ Tonio Fenech. Budget li jħejji t-triq għall-elezzjoni? Budget bħal ta’ barra, b’iktar taxxi? Budget li fih se jitwettqu xi nofs tużżana wiegħdi li ilhom fuq l-ixkaffa mill-2008?

Għidtilhom id-dritt bħal dejjem: Jien niġi naqa u nqum tinżammx il-wiegħda ta’ GonziPN li jnaqqas it-taxxa ta’ min jaqla’ l-aktar minn 35% għal 25%. Min f’pajjiżna għandu l-problemi biex jgħix x’aktarx diġa ma jħallasx ċenteżmu income tax. Imma xorta għandu l-problemi. U huma l-problemi ta’ dawn in-nies li Fenech (u Gonzi) għandhom jindirizzaw. Jekk hemm xi ftit bżar, Tonio Fenech għandu jroxxu fil-platt ta’ dawn in-nies, anki jekk ikollu lil kulħadd jgħajjru li ma żammx kelmtu mal-middle (upper) class.

Issa wħud mill-problemi finanzjarji ta’ dawn in-nies mhumiex xi ħlejqa tal-Gvern, imma huma r-riżultat ta’ serq sfaċċat li qed jitħalla għaddej qisu mhu xejn. Diġa ktibt fuq employers li jimpjegaw lill-ħaddiema tagħhom ma’ iktar minn kumpanija waħda biex ma jtuhomx ċenteżmu bir-rata legali tal-overtime. Inżid biss li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed insir naf minnhom dawn.

Minbarra din l-oxxenita`, issa daħlet moda wkoll li minflok jimpjegawk, jibgħatuk tagħmel ktieb tal-VAT. Issir self-employed u l-employer jibda jixtri s-servizz (ix-xogħol) mingħandek. U minflok fl-aħħar tax-xahar itik payslip, int ittih irċevuta! U hekk jiffranka l-overtime, il-leave, is-sick leave, il-bolla, il-ħdud u l-festi u kollox. Nispera li fil-Budget ma nismax lil Tonio jiftaħar kemm żdiedu s-self-employed għax nibda nħabbat rasi mal-ħajt u jaf inweġġa serjament!

In-Nazzjonalisti ta’ fuq il-venda kienu qishom fuq il-qamar jisimgħu dawn l-argumenti. Qaluli: “Il-Gvern x’għandu x’jaqsam ma' dan kollu? X’tort għandu Gonzi miskin!”

“Tiċċajta għandux x’jaqsam” weġibthom.

Number One. Il-Gvern għandu l-obbligu jagħmel liġijiet biex dan ma jiġrix u għandu jara li dawn il-liġijiet jiġu rispettati. Id-Dipartiment tax-Xogħol għandu jqum qawma mir-raqda li rieqed u għandu jkollu r-riżorsi biex jinvestiga, jaqbad u jirregolarizza lil kull min illum qed jabbuża. Fin-nuqqas ta’ dan il-Gvern jidher li din is-sitwazzjoni togħġbu u jridha tibqa’ tiddakkar (kif fil-fatt qed jiġri).

Number Two. Il-Gvern għandu jara li kull min huwa subcontracted miegħu ma jħaddimx nies b’dawn il-metodi li mhumiex għajr serq sfaċċat. Naf b’bosta postijiet tal-Gvern (jew sussidjarji tal-Gvern) miżgħudin b’dawn l-arranġamenti. B’konverzazzjoni qasira ma’ xi cleaner jew xi security guard f’xi bini tal-Gvern tindunaw x’qed ngħid minnufih.

Number Three. Trid tispiċċa s-sistema li l-Gvern jagħti l-kuntratti skont il-prezz. Sal-lum is-sistema hija li kuntratt jintrebaħ dejjem mill-irħas offerta. Dan qed iwassal biex il-kuntratturi joffru prezzijiet redikoli għas-servizzi li jkunu qed joffru. Imbagħad jiġri li jieħdu l-kuntratt u l-flus iġibuhom minn fuq dahar il-ħaddiema tagħhom.

Allura f’dan il-Budget nistenna li l-Gvern li tant jiftaħar bix-xogħol li rnexxielu jżomm u joħoloq f’pajjiżna, issa jibda jara li min qed jagħmel dan ix-xogħol ikun imħallas skont il-liġi. Tonio Fenech u l-Prim Ministru m’għandhomx ikunu kompliċi ta’ dawn il-ħallelin bil-ġlekk u l-ingravata. Iż-żmien fewdali ilu li spiċċa u l-poplu tagħna m’għażilx l-Unjoni Ewropea u lill-PN biex jerġa jeħodna fih.

7 comments:

  1. Prosit Norman. M'hemmx wisq xi zzid ma dak li ghidt. Prosit u Grazzi.

    ReplyDelete
  2. norman nistqar li ma stajtx tolqot il-musmar fuq rasu. tkelliemt fuq il-weghdha ta` taxxa u nasal biex naqbel ma l-argument tieghek , imma jien dejjem argumentajt li lest li naghmel sagrificji imma meta haddiehor jithanzer nibda ingor u neqred. iva gej il-budget u nitamma li unions talbu xi haga bazika dil- li paga minima tolha minn 3.84 euros is-siegha fil-gimgha ghal 5 jew 6 euro siegha. f` dan il-pajjiez hawn hafna abbuz u nispera li ministru fenech iqum minn din ir-raqda u jinduna li hawn hafna nies qed jithalsu bil-karawet. nispera li nhar 14 ta nov nisiemu lil ministru ihabbar li dawn nies ma jkomplux ibaghatu , bhal ma nistena li gvern ma jkompliex jatti tenders b`chip labour. nawgura.

    ReplyDelete
  3. "Dan qed iwassal biex il-kuntratturi joffru prezzijiet redikoli għas-servizzi li jkunu qed joffru. Imbagħad jiġri li jieħdu l-kuntratt u l-flus iġibuhom minn fuq dahar il-ħaddiema tagħhom"

    jekk tkun self employed, tigik ghar… ghax dejjem hemm xi ddisprat lest ikisser il-prezzijiet, jew xi hadd beda jahdem frisk u ma' jafx kemm hemm spejjez mohbija wara salarju… Tiddispra tikellem ma' haddiema tal-gvern li jahsbuk qed tiraq jekk titlob prezz ragjonevoli.

    Dawn il-metodi qed ikissru l-intrapriza z-zghira. Jista' jdum johrog b'incentivi, jekk m'hemmx hlas suriet in-nies, hadd m'hu se jidhol ghall-intrigu.

    ReplyDelete
  4. issa sirt nifhem il-glied ta' Mintoff mal-klassi tas-sinjuri (m'hux qed nirreferi ghall-middle class).

    ReplyDelete
  5. ghad irrid insib partit onest u li jirrispetta lil klassi tan nofs ghax ta fuq jisirqu u ta taht jixrobu u ic cuc tal middle class ihallas!

    ReplyDelete
  6. Prosit ta' dan il-posting Norman:
    http://andrewazzopardi.org/2011/11/06/tibqghux-komplici-tal-hallelin-norman-vella/

    ReplyDelete