Sunday, October 16, 2011

Il-lingwa tal-Laburisti

Peress illi naf b’bosta (fosthom jien) li ma joqgħodux jaħlu ħinhom jaqraw kull artiklu li jinkiteb, inħoss li għandi niġbed l-attenzjoni għal artiklu li ġie publikat il-bieraħ (is-Sibt) fil-gazzetta "indipendenti" ta’ Tony Zarb. L-iktar li impressjonani f’dan l-artiklu mhuwiex il-kontenut (li huwa ribattibbli mill-bidu sal-aħħar u miżgħud gideb) imma l-lingwaġġ ta’ mibgħeda, vendikazzjoni u istigazzjoni li bih twassal dan il-kontenut. Se nirriproduċieh sħiħ mingħajr ċensura.


Peppi l-ġurdien fin-nassa
minn Joe Fava

Fil-każ tal-Ġurdien Peppi Azzopardi, iżjed ma jgħaddi żmien, iżjed qed jagħtina raġun. Minn dawn il-kolonni ilni nirrepeti li l-eħrex għadu li għandu l-PL hu Peppi Azzopardi. U huwa anke l-iżjed wieħed perikoluż għax jipprova jilbes il-ġild ta’ ħaruf meta fil-fatt huwa bhima feroċi. Tiskanta kemm kienu dawk li tqarrqu bid-doppja faċċja tal-ġurdien medjatiku. Saħansitra kienu tal-fehma li jekk tqabbel liż-żewġ infami ta’ Where’s Everybody?, ikollok tammetti li n-Nanu ta’ Għawdex hu iżjed ta’ minaċċja fix-xandir milli huwa l-Ġurdien Griż. Il-verità hi bil-kuntrarju. Filwaqt li l-isfaċċataġni u l-ksuħat konġenitali tan-Nanu mħalltin mal-identifikazzjoni totali tiegħu ma’ GonziPN neħħewlu kull kredibbiltà, Peppi kien iżjed għaqli għax dejjem ipprova jisgiċċa mill-akkuża li hu attivist u strument medjatiku tal-PN.

Kif tafu intom, għeżież ħbieb tiegħi, jien qatt ma waqqaft inwissikom li fil-qasam tax-xandir il-veru għadu hu l-ġurdien Peppi u li biex il-PL ikun jista’ jiġġieled elezzjoni demokratika u nadifa hu indispensabbli li jiġi eliminat. Hu probabbli li minkejja l-isforzi tal-ġurdien u tal-brimb l-ieħor li jinseġ l-għanqbuta tinten ta’ RCC, xorta waħda r-rabja popolari se tiknes min-nofs lill-GonziPN fl-elezzjoni li ġejja. Anke wara li jkollna r-rebħa tant mixtieqa ma rridux inserrħu moħħna u ninsew il-qerq medjatiku u l-ħsara li għamlilna l-ġurdien il-griż. Ma ninsewx li kien proprju dan il-ġurdien moqżież li matul l-amminsitrazzjoni Laburista ta’ Dr Alfred Sant (1996 – 98) ikkonduċa kampanja televisiva martellanti li xewxet lill-poplu, nislet konsenturi fil-partit tagħna u fl-aħħar kienet strumentali biex twaqqa’ l-gvern wara 22 xahar. Irridu nkunu għamilna patt ta’ suwiċidju kollettiv biex wara r-rebħa ma nillikwidawx lil din il-kreatura abjetta.

JPO qabdu fin-nassa

Jien qatt ma kelli bżonn nistenna lil JPO biex ifornini bi provi konkreti ta’ kemm il-ġurdien griż hu infilsat fis-sistema tal-għanqbuta li ilu jinseġ għal dawn l-aħħar 25 sena RCC. Għaraft x’inhu u min hu sa minn mindu feġġ l-ewwel darba fuq ix-xena politika Maltija. Beda bin-Numri u bil-Ħitan tas-Sejjiegħ, li llum ilu li nesa għax issa anke hu jappartjeni għall-klassi tal-miljunarji. Imbagħad kien jintrabat mal-gradinati ta’ Kastilja apposta biex jipprovoka u jiġi msawwat biex jilgħabha tal-martri. Imbagħad tela’ EFA u mill-ewwel daħal fix-xandir pubbliku u beda jaħleb sakemm ingħaqad man-nanu ta’ Għawdex biex ftit ftit kisbu monopolju assolut fil-PBS. Tbissimt x’ħin ħabib antik tiegħi t-Tabib Frank Portelli pprova jiddefendi lill-ġurdien moqżież għax insista li hu dejjem jiddefendi lil min ikun bersaljat. Le, ħabib tiegħi, l-ġurdien jaf jiddefendi biss il-bejta tiegħu. Għalih jgħoddu l-kliem ta’ tbeżbiża li Ġesù Kristu kien ta lill-oqbra mbajda ta’ żmienu: Jekk qed tfittxu qalbhom, tafu fejn għandkom issibuha. Fil-borża tagħhom.

Dħakt iżjed milli tbissimt meta l-ġurdien ipprova jiddefendi sehmu fin-nasba li RCC ħejja għal Alfred Sant lejlet l-elezzjoni tal-2008. Kont naf li l-ġurdien il-griż ma jafx x’inhi mistħija għax ilu li tilef il-fakultà tad-dekor. Tilifha, l-ewwelnett għax mhux uman iżda rodent u t-tieni għax kull meta jħares fil-mera, jgħajjat: Mammona, deus meus est. Il-kilba għall-poter, ir-regħba għall-flejjes, l-irbit mal-kuntratti li jagħtih GonziPN huma inċentivi biżżejjed biex ma jħalluhx jistħi. Biex inkompli, il-Ġurdien moqżież iddefenda ruħu mill-akkużi kontrih li ħarġu mix-xhieda ta’ JPO billi qal li hu għen lil kull min talbu. U bħala eżempju ġab l-invit ta’ Dr Joseph Muscat appena sar mexxej tal-PL biex jgħin lill-midja tagħna tikkomponi sistema ta’ etika ġurnalista.

Ara sa’ fejn għandu ħila jasal il-ġurdien! Jikkompara invit m’għand ġentlom biex jurih li m’hemmx ‘hard feelings’ minkejja l-passat odjuż tiegħu ħa sehem ewlieni f’‘ambush’ vili fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-eqqel tal-kampanja elettorali. Meta sfidat u ppressat mill-kelliema Laburisti, il-ġurdien sal-lum għadu ma innegax li hu minbarra li ħarreġ lil JPO, m’għamilx l-istess lill-esponenti oħrajn Nazzjonalsiti u lil GonziPN innifsu. It-traġedja anti-demokratika minsuġa mill-ġurdien moqżież tikkonsma ruħha fl-att finali li dan il-maħmug kien għamilha ta’ moderatur f’dibattitu pre-elettorali bejn Gonzi u Sant. Min se jażżarda jiċħad li m’għamilx prova wara l-oħra ma’ Gonzi għad-dibattitu biex javżah kif kien se jaġixxi u biex jonsbu lil Alfred Sant?

Jeħtieġ li nkomplu nippressaw bl-attakki tagħna fuq il-ġurdien li kliem JPO qabad fin-nassa. Ma nistriħux qabel ma neliminawh mix-xena medjatika. Nerġa’, akkost li ndejjaqkom, infakkarhom fit-twissija għaqlija tas-Senatur Ruman Katun ix-Xiħ: Carthago delenda est. U aħna nirrepetu: PEPPUS DELENDUM EST.

8 comments:

  1. "kien għamilha ta’ moderatur f’dibattitu pre-elettorali bejn Gonzi u Sant."

    Din hija gidba mill-bidu sal-ahhar li jista' jinduna biha kulhadd. Peppi Azzopardi qatt ma kien moderatur/prezentatur f'xi dibattitu pre-elettorali bejn Gonzi u Sant u dan ghas-semplici raguni li Sant qatt m'accetta l-istediniet li sarulu.

    ReplyDelete
  2. "Ma ninsewx li kien proprju dan il-ġurdien moqżież li matul l-amminsitrazzjoni Laburista ta’ Dr Alfred Sant (1996 – 98) ikkonduċa kampanja televisiva martellanti li xewxet lill-poplu, nislet konsenturi fil-partit tagħna u fl-aħħar kienet strumentali biex twaqqa’ l-gvern wara 22 xahar."

    Kulhadd jaf li kien Dom Mintoff li waqqa' l-Gvern ta' Sant u zgur mhux Peppi Azzopardi li qabel l-elezzjoni tal-1996 kien sahansitra kiteb artiklu jheggeg lin-nies biex jivvotaw lill-Partit Laburista!

    ReplyDelete
  3. "delendum est" tfisser "jehtieg jinqered"

    ReplyDelete
  4. Peppi Azzopardi nhar it-Tnejn se jkun fil-programm Inkontri ta' Joe Grima (ONE TV - 20:30).

    ReplyDelete
  5. in-nazzjonalisti li qed jahsbu li jivvotaw lil labour ghandom hafna min xiex joqodu attenti. l-ilpup lebsin ta naghag huma dawn li qed jghidu li huma moderni u mibdula. imnalla jkun xi artiklu bhal dan biex niftakru min huma dawn in-nies u xiridu jamlu bil-poter.

    ReplyDelete
  6. Norman din m'hijiex il-lingwa tal-Laburisti. Dawn ftit laburisti cwiec li ma jridux jitghallmu u kull meta jitkellmu jaghmlu hsara biss lill-laburisti l-ohrajn. Int taf daqsi li zgur Joseph Muscat ma jaqbilx ma dawn in-nies u lanqas jien ma naqbel u jien laburist daqshom u iktar minnhom. Grazzi.

    ReplyDelete
  7. Jibdlu l-isem, jibdlu l-leader, jibdlu l-arma, imma MA JINBIDLU QATT.

    ReplyDelete
  8. @Anonymous: Ghaliex Joseph Muscat rega haddan lura dawn in-nies u ghaliex jipermetti li artikli bhal dawn u programmi bhalma rajna fuq Super one.

    ReplyDelete