Lejliet id-dimostrazzjoni kbira ta' appoġġ bla kundizzjoni li se ssir għada lil Joseph Muscat, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista ħareġ il-kanuni kontra dawk l-untouchables li skontu 'taqqbu l-vapur' tal-Gvern Laburista.
It-timing tal-istqarrija ta' Jason Micallef fih x'tomgħod. Jason jaf x'se jiġri għada, jaf għaliex se jiġri u jaf għal xiex se jwassal. U dan kollu jafu għax hu diġa' għadda minnu.
Ħa mmorru lura 13-il sena. Kien l-ewwel ta' Mejju 2003. Il-Partit Laburista kien għadu kif tilef l-elezzjoni ġenerali wara li tilef ir-referendum għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Mexxej Laburista Alfred Sant kien għadu kif irreżenja mill-kariga u ħabbar li mhux se jerġa jikkontesta.
Il-klikka li kienet tmexxi l-Partit Laburista indunat li għall-kariga ta' mexxej kien se jidħol l-avukat Ġorġ Abela.
Wara li telaq minn Deputat Mexxej ħames snin qabel, Abela kien tkeċċa vilment mill-GWU u mpenja ruħu b'mod indipendenti favur is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, Lil Abela, il-magna tal-Partit Laburista kienet tarah theddida. Ma riduhx jersaq 'l hemm, akkost ta' kollox.
Waslet il-ġurnata tal-ewwel ta' Mejju. Wasal Jum il-Ħaddiem. U bħal kull sena, il-Partit Laburista organizza d-dimostrazzjoni tiegħu fil-Belt Valletta. Din id-dimostrazzjoni l-magna tal-partit dawwritha f'turija ta' appoġġ lill-eks Mexxej Alfred Sant. Ħeġġew lill-partitarji jattendu u tawhom f'idejhom posters jappellaw lil Alfred Sant jerġa jaħsibha u jirritorna bħala Mexxej.
U hekk ġara. Alfred Sant reġa bdielu u reġa kkontesta għal Mexxej. Ġorġ Abela ma resaqx 'l hemm. Iddeċieda li ma jieħux sehem f'tellieqa li r-riżultat tagħha kien diġa miktub.
Fl-2003 għaddiet tal-klikka. Għaddiet ta' dawk li riedu jżommu l-kontroll tal-Partit Laburista, fosthom ta' Jason Micallef li ftit wara nħatar Segretarju Ġenerali. U għaddiet tagħhom billi użaw u abbużaw b'dawk l-aktar leali - il-partitarji.
Illum Jason Micallef qed jara lill-klikka l-ġdida li ħakmet lill-Partit Laburista (u warrbet lilu) tagħmel l-istess kif kienu għamlu hu u sħabu tlettax-il sena ilu.
Micallef jaf ukoll x'se jkun ir-riżultat finali ta' dak li se jiġri għada. Jaf li wara għada dak li ġara fl-2008 se jiġri fl-2018 u dan ma jridux jiġri, akkost ta' kollox.
History repeating itself
ReplyDeleteTragedia Laburista!
ReplyDelete