Saturday, April 30, 2016

Għada Jum il-Ħaddiem mhux Jum Joseph Muscat

Il-magna tal-Partit Laburista bħalissa qed taħdem bla heda biex tħeġġeġ kemm jista' jkun partitarji, ħafna minnhom ħaddiema, biex għada jinġabru l-Belt Valletta ħalli jingħata sinjal kbir ta' appoġġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Jinsew jew iridu jnessu dawn it-talin li ħatfu lill-Gvern u lill-Partit Laburista li għada hija l-festa tal-ħaddiema kollha u mhux ta' Joseph Muscat.

Il-ħaddiema - dawk li suppost twieled biex jirrapreżenta u jaħdem għalihom dan l-istess partit.

Il-ħaddiema - dawk li jaqilgħu l-għixien ta' kuljum bl-għaraq ta' xbinhom, b'onesta' u bi tbatija.

Il-ħaddiema - dawk li jħallsu sal-inqas ċenteżmu taxxa u li qatt ma kienu ħolmu li tista' tiftaħ pompa tal-petrol li tkun bnejt kontra l-permess u mbagħad tbiegħ nofs dar fil-Belt Valletta lill-Gvern għal aktar minn 3 miljuni.

Il-ħaddiema - dawk li meta jitilfu x-xogħol jew ifallu jkollhom jerġgħu jibdew mill-bidu u ma jsibu lil ħadd li jagħtihom xi 4 miljuni u aktar b'daqqa ta' pinna bħal ma ngħataw tal-Cafe' Premier.

Il-ħaddiema - dawk li l-ftit li jġemmgħu jiddepozitawh fil-banek għal imgħaxxijiet daqs il-loqom u qatt ma kienu semgħu b'shell companies fil-Panama, trusts fi New Zealand, banek f'Dubaj u f'ma nafx kemm-il pajjiż ieħor qabel daħlu f'Kastilja Konrad Mizzi u Keith Schembri u l-konsulent finanzjarju tagħhom.

Il-ħaddiema - dawk li għada, fl-ewwel ta' Mejju, kellha ssirilhom festa; dawk li dil-festa nsterqitilhom biex issir festa għal min qed jitradixxi l-fiduċja tagħhom u qed jaħdem biss għall-interessi tal-ftit ta' madwaru.

No comments:

Post a Comment