Sunday, October 30, 2011

Tibqgħux kompliċi tal-ħallelin


Ġej Budget ieħor. U fuq il-venda kulħadd jispekula biex ħiereġ Tonio Fenech. Budget li jħejji t-triq għall-elezzjoni? Budget bħal ta’ barra, b’iktar taxxi? Budget li fih se jitwettqu xi nofs tużżana wiegħdi li ilhom fuq l-ixkaffa mill-2008?

Għidtilhom id-dritt bħal dejjem: Jien niġi naqa u nqum tinżammx il-wiegħda ta’ GonziPN li jnaqqas it-taxxa ta’ min jaqla’ l-aktar minn 35% għal 25%. Min f’pajjiżna għandu l-problemi biex jgħix x’aktarx diġa ma jħallasx ċenteżmu income tax. Imma xorta għandu l-problemi. U huma l-problemi ta’ dawn in-nies li Fenech (u Gonzi) għandhom jindirizzaw. Jekk hemm xi ftit bżar, Tonio Fenech għandu jroxxu fil-platt ta’ dawn in-nies, anki jekk ikollu lil kulħadd jgħajjru li ma żammx kelmtu mal-middle (upper) class.

Monday, October 24, 2011

Helena Dalli mhix tgħid il-verita'

Helena Dalli fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista qed titkaża li qabel l-elezzjoni tal-2008 Peppi Azzopardi ltaqa’ ma’ Jeffrey Pullicino Orlando u wara mar jagħmilha ta’ moderatur f’dibattitu bejn il-Prim Ministru Gonzi u l-Kap tal-Oppozizzjoni Sant. Din hija invenzjoni.

Wednesday, October 19, 2011

Il-konsistenza ta’ Gino Cauchi

Kont bi ħsiebni nżerżaq żewġ linji fuq kemm hu ipokrita` l-Membru Parlamentari Laburista Gino Cauchi imma f’wiċċi se jibqa’. Se jkolli nagħlaq ħalqi u nibla kollox.

Bil-libsa ta’ shadow minister Laburista għax-xandir Gino Cauchi bħalissa qed imexxi kampanja kontra dawk li jippreżentaw xi programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon tal-istat u għandhom l-ardir jistqarru pubblikament l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Tgħidx kemm tkaża Gino għax Lou Bondi stqarr li Joseph Muscat għadu ma kkonvinċiehx biżżejjed u jekk issir elezzjoni għada jivvota lill-PN. Tant ħadha bi kbira dan Gino li sejjaħ press conference u talab l-intervent tal-Awtorita` tax-Xandir.

Tuesday, October 18, 2011

Mistoqsijiet kruċjali lil Joseph Muscat

Fil-programm Inkontri tal-bieraħ Joe Grima stqarr kemm ħassu skandalizzat bil-mistoqsijiet li Peppi Azzopardi għamel lil Joseph Muscat meta f'Gunju li għadda kien mistieden fil-programm Xarabank. Skont Joe Grima, huwa skandlu li lill-Kap tal-Oppozizzjoni tistaqsieh x'se jagħmel meta jkun Prim Ministru u kif bi ħsiebu jsolvi l-problemi tal-pajjiz.

Il-ġurnalist indipendentissimu

Fi blog li ktibt din il-ġimgħa pruvajt nispjega li l-kelma indipendenti mhix sinonima ta’ Laburist. Imma lil tal-ONE TV ħadd ma qalilhom b’din l-iskoperta tiegħi u llejla reġgħu fattruha.

Allura ġara li fil-programm tal-prime time il-preżentatur preżenta lil Godfrey Grima bħala ġurnalist indipendenti. Apparti li l-preżentatur inzerta ħu l-indipendentissimu Godfrey. Apparti li ħu Godfrey inzerta kien Ministru fi żmien fejn ix-xandir tant kien indipendenti (Laburist) li kien projbit li jissemma isem Eddie Fenech Adami. Apparti dan kollu, illejla jista’ jkun li b’indipendenti Joe Grima ma riedx iffisser biss Laburist imma Laburist minn tal-leader.

Sunday, October 16, 2011

Il-lingwa tal-Laburisti

Peress illi naf b’bosta (fosthom jien) li ma joqgħodux jaħlu ħinhom jaqraw kull artiklu li jinkiteb, inħoss li għandi niġbed l-attenzjoni għal artiklu li ġie publikat il-bieraħ (is-Sibt) fil-gazzetta "indipendenti" ta’ Tony Zarb. L-iktar li impressjonani f’dan l-artiklu mhuwiex il-kontenut (li huwa ribattibbli mill-bidu sal-aħħar u miżgħud gideb) imma l-lingwaġġ ta’ mibgħeda, vendikazzjoni u istigazzjoni li bih twassal dan il-kontenut. Se nirriproduċieh sħiħ mingħajr ċensura.

Saturday, October 15, 2011

Air Show: Xi jgħidu l-Kunsilli u l-MPs?


Illum kellna inċident ieħor f’Air Show, din id-darba fiċ-Ċina.

Ma rridx nagħti l-impressjoni li kull meta se jkun hemm xi inċident se nkun qed nifraħ bih biex ningħata raġun għal dak li ktibt f’dan il-blog qabel l-Air Show ta’ Malta. Pero` rrid ngħid li fost min ikkummenta f’dan il-blog biex jiddefendi l-akrobaziji tal-ajruplani, kien hemm min qal li dawn ma jsirux fuq id-djar tan-nies. Din mhix għajr gidba faħxija.

Friday, October 14, 2011

Devil’s Double Malta Experience


Latif Yahia - dak li kien imġiegħel ikun is-sosja ta’ iben Saddam Hussein, Uday, u li fuq l-istorja tiegħu inħadem il-film ‘The Devil’s Double’ – il-ġimgħa l-oħra kien hawn Malta fuq stedina ta’ Xarabank.

Illum iddeċieda li jaqsam l-esperjenza tiegħu f’Malta fi blog li jġib l-isem ‘Malta the diamond in the Mediterranean’. Jien qrajtu u int tista’ taqrah ukoll billi tagħfas hawn.

Dawk li fl-1987…

Għadni kif għaddejt siegħa nara lil Eddie Fenech Adami jiġi intervistat minn Lou Bondi. Fil-programm intwerew filmati ta’ avvenimenti u diskorsi li jmorru lura fis-snin. Tarahom, tismagħhom u lanqas temmen li l-iktar antiki fosthom ma jmorrux lura iktar minn tletin sena. Politikament, kulturalment u soċjalment dan il-poplu, dan il-pajjiż, ma jintagħrafx.

Insomma, jien u narahom ftakart f’xi wħud li jkunu fuq il-venda u li qed iqabblu l-elezzjoni li ġejja mal-elezzjoni tal-1987. Jgħidulek “Il-bżonn għall-bidla jinħass issa kif kien jinħass f’dik l-elezzjoni!”

Thursday, October 13, 2011

Indipendenti ma tfissirx Laburist


Ma nagħtix tort lil dawk il-Laburisti li jaħsbu li biex tkun ‘indipendenti’ trid tkun bilfors taħsibha bħalhom (jew bħal mexxeja tagħhom).

Dawn kull filgħodu jaqraw l-orizzont li ssejjaħ lilha nfisha ‘ġurnal indipendenti ta’ kuljum’. Allura għalihom ‘kitba indipendenti’ hija dik li jaqraw fl-orizzont u mhux, per ezempju, dik li tinkiteb f’dan il-blog.

Biex iktar iħawwduhom, meta twieldu l-Kunsilli Lokali l-kandidati Laburisti kienu jsejjħu lilhom infushom ‘kandidati indipendenti’. Niftakar li fuq il-ballot paper ma kontx issib l-arma Laburista (l-antika). Imma ħdejn l-iskola kont issib jistennewk in-nies tal-każin biex jinfurmawk lil min minn dawk fil-lista tal-‘indipendenti’ għandek tagħti l-unu.

Franco: Jew tivvota Labour jew bla bla bla

L-Assistent Parlamentari li Gonzi ħoloqlu uffiċju f’Kastilja wara li għamillu home visit - Franco Debono ta’ Ħal Għaxaq - qed jgħedded li jekk Austin Gatt ma jerfax responsabbilta` politika għall-bużullotti tal-Arriva (u għar-rotot ġenjali ta’ Transport Malta) hu se jastjeni meta tal-Labour iressqu mozzjoni fil-Parlament kontra s-Sur Aħna Baqalna 20 sena u Intom Oqgħodu Ġerruh.

Franco, ma nafx indunajtx li l-mozzjoni tal-Labour titlob dak li qed titlob int… jiġifieri li Austin Gatt jerfa’ responsabbilta` politika, whatever that means. Ladarba inti qed tgħid li taqbel ma’ din il-mozzjoni tal-Labour, m’għandekx għażla oħra għajr li tivvota favur tagħha. Elementari Watson!