Monday, March 31, 2014

Ħelsien

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 31 ta' Marzu 2014

Max huwa ġurdien kbir, jew far, li ltqajt miegħu f’wieħed mill-aħħar programmi ta’ TVHEMM qabel xkanawni ‘l barra mill-PBS. Dan l-aħħar erġajt rajt l-istorja tiegħu fuq You Tube.

Id-destin ta’ dan il-ġurdien kien li jmut f’eta’ żgħira. Kien qed jitrabba biex iservi ta’ ikla għal serp. Iżda min qed irabbi lil Max iddeċieda li jeħilsu minn dan id-destin u beda jrabbieh bħala annimal domestiku. F’kemm ilni ngħidlek dan il-ġurdien sar il-pet ta’ din il-familja.

Ħa ngħiduha kif inhi, far addomestikat ma tiltaqax miegħu ta’ kuljum. Allura ma setax jonqos li kellu jolqot għajnejn il-producers li kienu jaħdmu miegħi u stiednuh fil-programm.

Niftakarni nibda l-programm billi nintroduċi lil Max hu u jdur f’idejja, fuq il-laptop, fuq spallti u kullimkien. U l-għada kulħadd ikellimni fuqu. Dan il-far li kienet miktuba għalih li jispiċċa fl-istonku ta’ serp, spiċċa protagonist fi programm tat-televixin.


KAĊĊA

Reġa’ fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa. Iltaqjt ma’ kaċċaturi li ħadu gost li din is-sena wara ħafna snin, il-Gvern Laburista ddeċieda li jħallihom jisparaw anke fil-Ħdud u l-festi. Iżda ltqajt ukoll ma’ kaċċaturi li din iż-żieda xejn ma ħadu gost biha.

Dawn tal-aħħar irraġunaw li b’iktar sparar fil-ġranet meta l-familji joħorġu jgawdu l-kampanja Maltija, se jiżdiedu dawk li jħarsu bl-ikrah lejhom u lejn id-delizju tagħhom. Qaluli li dak li se jiġri din is-sena se jkun qed isaħħaħ l-argumenti ta’ min qed jiġbor il-firem biex titwaqqaf għal kollox il-kaċċa fir-Rebbiegħa.

STORBJU

Bħal-lum ġimgħa l-MEPA approvat il-proġett tal-power station il-ġdida li se jkollha ġirien magħha tanker b’ħażna ta’ gass daqs ħames koppli tal-Mosta. Jekk xbajt tisma’ fuq dan it-tanker ngħidlek li nifhmek, iżda tista’ tkompli taqra għax mhux fuqu se nikteb.

Ġara li għal-laqgħa pubblika li matulha l-Bord tal-MEPA iddeċieda dan il-permess kontroversjali, kif mistenni, inġabru ħafna nies. Ġara wkoll li ħafna minn dawn in-nies infexxu f’ibbuwjar, insulti u storbju ieħor kull x’ħin fetaħ ħalqu xi ħadd mill-Partit Nazzjonalista u persuni oħra li kienu qed jopponu jew iqanqlu xi dubji dwar dan il-proġett.

M’għandix dubju li ħafna minn dawn in-nies intalbu jiġu għal din il-laqgħa minn persuni qrib il-Gvern Laburista bl-iskop li jintimidaw lil kull min jazzarda jlissen kelma kontra l-proġett.

Hija ħasra li dawk li tant sejjħu lilhom infushom “progressivi” għadhom ma fehmux jew ma jridux jifhmu kif taħdem demokrazija moderna.

IL-MINA

Il-Ħamis li għadda l-Ministru Joe Mizzi inawgura l-proġett tal-mina l-ġdida fi Triq Diċembru 13. Dan kien proġett ieħor ta’ Gvern Nazzjonalista li tlesta taħt il-Labour. Dan il-proġett sewa €7 miljuni, li 85% minnhom tħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Għad-diskors tal-inawgurazzjoni, wara dahar il-Ministru Joe Mizzi poġġew biċċa perspex bi kliem abjad fuq sfond ċelesti tgħid “Gvern li jaħdem”. Ma kitbux li dan il-Gvern huwa magħmul mill-istess nies li ma ridux li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea; l-istess nies li qalulna li rebaħ il-Partnership; l-istess nies li fil-Parlament ivvotaw kontra t-trattat ta’ sħubija. Kieku kitbu dan kollu fuq il-perspex, il-mina jkollhom bżonnha biex jistaħbew fiha.

Meta nagħmel dan l-argument ġieli nsib min jgħidli li dan huwa argument “tal-bieraħ” għax illum l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hija aċċettata minn kulħadd, inkluż mill-Partit Laburista. Lil dawn infakkarhom li ftit tal-ġimgħat ilu, il-kandidat stilla tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ftaħar li llum qed jiltaqa’ ma’ ħafna nies li jgħidulu kemm kellu raġun il-Partit Laburista meta qalilna li l-aħjar għażla hija l-Partnership.

IL-LISTA

Flimkien mal-Viċi Kap Beppe Fenech Adami u mad-Deputat Ryan Callus ħadt sehem f’konferenza għall-aħbarijiet dwar kif il-Gvern Laburista ħadem il-wegħda “tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna.”

Qabel bdejna ftehmna la ma ndumux ħafna nitkellmu. Biex ma nirrepetux, ftehmna wkoll min se jkun qed jgħix xiex. Iddeċidejna li Beppe kellu jaqra l-lista li ħejjejna ta’ nies qrib il-Partit Laburista u tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ġew premjati b’karigi u jobs imħallsin tajjeb ħafna.

Ġara li Beppe ma setax iżomm mal-ftehim li ma ndumux. Tant dam jaqra din l-imbierka lista li qata’ nifs kulħadd, tiegħu inkluż!


No comments:

Post a Comment