Din il-ġimgħa ġew deċiżi żewġ libelli. Fl-ewwel
każ il-Qorti ordnat lill-eks Mexxej Laburista, illum Kandidat għall-Parlament
Ewropew, Alfred Sant iħallas elf Ewro lill-eks Ministru Ninu Zammit. F’każ
separat l-eks Ministru Joe Grima, illum mibgħut Speċjali tal-Prim Ministru
fl-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, instab ħati fil-konfront ta’ Richard
Cachia Caruana u se jkollu jtih ħamest elef Ewro.
Il-każ bejn Alfred Sant u Ninu Zammit imur
lura sitt snin u nofs. Kienet is-sena 2007 u kienet qed toqrob l-elezzjoni
ġenerali. Ninu Zammit kien sar wieħed mit-targets tal-kampanja Laburista. Illum
ġie pruvat li dak li kien qal Sant u li kien ġie ripetut ad nauseum fuq is-Super One ma kienx ħlief eżerċizzju ta’ tfiegħ
ta’ tajn. Illum nafu li dak li ntqal dakinhar ma kienx il-verità.
Inqis din is-sentenza bħala ċertifikat ieħor
li juri kemm il-kandidat stilla Alfred Sant u l-mezzi tax-xandir tal-Partit
Laburista mhumiex kredibbli u ma jistgħux jitwemmnu. L-ikbar ħrafa li qatt qalulna
tmur lura ħdax-il sena. Kien id-9 ta’ Marzu 2003. Dakinhar Sant u sħabu pruvaw
ibellugħuhielna li l-maġġoranza tal-poplu Malti ivvotat kontra s-sħubija ta’
Malta fl-Unjoni Ewropea. Qatt ma fhimt kif dakinhar kien hemm min emmen u rrepeta
din il-gidba.
La jgħaddu l-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa huwa
mistenni li l-partiti jibdew il-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
M’għandix dubju li l-Partit Laburista se jkun qed jirrakkonta bosta ħrejjef oħra
bħal dawk li ntqalu fuq Ninu Zammit u Cachia Caruana. U m’għandix dubju li
fl-istess nifs li jkunu qed jitfgħu t-tajn bl-addoċċ ikunu qed jgħajjru lilna
“negattivi”!
KONTIJIET
Bħal lum ġimgħa kont mistieden fi programm
flimkien mal-Kandidat Laburista Charlon Gouder. Bdejna niddiskutu l-proġett
tal-power station il-ġdida u t-tanker tal-gass fil-port ta’ Marsaxlokk. Fl-argumenti
tiegħu l-kandidat Laburista prova jorbot dan il-proġett mar-roħs li tħabbar
fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ħrafa oħra. Il-verità hi li ż-żewġ affarijiet
m’għandhom x’jaqsmu xejn ma xulxin.
Ir-roħs fil-kontijiet jista’ jsir biss permezz
tal-proġett tal-interconnector bejn Malta u Sqallija u permezz taż-żieda
fl-effiċjenza fil-produzzjoni tal-elettriku li ġabet il-power station tal-BWSC,
żewġ proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej.
Hija ħaġa ovvja li d-dawl u l-ilma mhux se
jorħos minħabba proġett li għadu lanqas biss beda. Għal darb’oħra ma nifhimx
kif ħrafa bħal din tista’ titwemmen.
KAROZZI
Mhix ħrafa ż-żieda
qawwija li qed jesperjenzaw dawk li jmorru jħallsu l-liċenzja tal-karozza.
F’ħafna djar li nidħol fihom qed nara ireċevuti li juri għoli li kultant jaqbeż
il-mitt Ewro u iktar. Jekk niftakar sewwa, fid-diskors tal-Budget il-Ministru
Scicluna kien semma’ li dawn se jogħlew biss b’xi għaxar Ewro.
PASSAPORTI
Il-kitba kienet
fuq il-ħajt. Kienet ħaġa ovvja li ladarba l-Kummissjoni Ewropea tapprova l-iskema
ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea li ħareġ biha l-Gvern ta’ Muscat, il-pajjiżi
Ewropew l-aktar fi kriżi se jitħajru jagħmlu l-istess. Bdiet il-Bulgarija,
kompla l-Portugall u minjaf kemm għad irridu nisimgħu b’aktar.
Il-Prim Ministru
tagħna kien mingħalih li se jkun hu biss li jbiegħ iċ-ċwievet għall-Unjoni
Ewropea, iżda mar żmerċ. Pajjiżi oħrajn se jkunu qed jikkompetu mal-iskema
Maltija bi programmi u prezzijiet orħos u iktar vantaġġużi. X’aktarx il-biljun
li wiegħed Muscat dalwaqt jingħaqad mal-lista tal-ħrejjef.
MILAN
Xi ħadd iħobb
lit-tim tal-Milan qalli li minn dakinhar li fl-istadium ta’ San Siro tfaċċa
l-Prim Ministru ta’ Malta, ir-rossoneri ma
ħadux ir-ruħ u tilfu kważi l-partiti kollha li lagħbu! Gawdew l-Atletico
Madrid, il-Juventus, l-Udinese u tim li nissimpatizza miegħu jien, Parma. Dawn
kollha ħadu punti massimi minn fuq dahar il-Milanisti fl-aħħar xahar.
Ma’ dan il-ħabib
tiegħi spiċċajt niddefendi lill-Prim Ministru Muscat. Għidtlu ċar u tond li jien
ma nemminx bl-għajn. Ngħid għalija, dawn kollha ħrejjef.
No comments:
Post a Comment