“Għal uliedna” hija frażi li spiss tingħad mill-politiċi. Hija ħaġa pożittiva li f’dak kollu li nagħmlu naħsbu wkoll f’dawk li għad iridu jitwieldu. Allaħares viżjoni politika ma tkunx tħares lil hinn mit-tmiem ta’ mandat politiku. Iżda min huma u fejn qegħdin dawn “uliedna”?
Huwa stat ta’ fatt
li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed insiru pajjiż u kontinent anzjan. F’Malta,
bħal fil-kumplament tal-Unjoni Ewropea, il-popolazzjoni qed tikber fl-eta’. Qed
jiżdied in-numru ta’ anzjani filwaqt li qed jonqos in-numru ta’ tfal.
Allura jekk vera
rridu naħdmu għal “uliedna”, l-ewwel u qabel kollox lil dawn “uliedna” rridu
nwellduhom! Biex ngħidu kollox, għandna bżonn li dawn “uliedna” anki għax ‘il
quddiem iridu jkunu huma li jaħdmu għalina.
Peress illi t-tfal
ma jiġux bil-vapuri, jeħtieġ ninvestu f’aktar inċentivi u għajnuniet biex il-familji
żgħażagħ ma jaqtgħux qalbhom iwelldu u jrabbu lil dawn “uliedna”.
CHILD CARE
Dan il-ħsieb
żviluppajtu meta din il-ġimgħa żort Child Care Centre fuq stedina tal-Uffiċju tal-Parlament
Ewropew f’Malta. Is-servizz ta’ child
care kiber ħafna fl-aħħar snin u huwa mistenni jkompli jikber fis-snin li
ġejjin.
Qabel kien jeżisti dan
is-servizz, il-ġenituri li riedu jkomplu bil-karrieri tagħhom kellhom
‘problema’ għax ma kellhomx fejn iħallu lil uliedhom waqt il-ħin tax-xogħol.
Anke l-pajjiż kellu ‘problema’ għax ħafna minn dawn ir-riżorsi umani ma kienux
qed ikunu produttivi. Permezz ta’ dawn il-problemi inħolqot opportunita ta’
investiment f’dawn iċ-ċentri, li ssarrfet f’ħafna postijiet tax-xogħol ġodda.
L-istorja tal-iżvilupp
taċ-child care turina li dak li
jidher bħala ‘problema’ spiss jista’ jkun trasformat f’opportunita.
KREATTIVITA
Fiċ-child care u fl-edukazzjoni bikrija t-tfal
għandhom spazju kbir fejn jesprimu ruħhom. Però, aktar ma jikbru dawn it-tfal
iktar se jiddaħħlu fil-kaxxa ta’ kurrikulu li ħafna jiddeskrivuh bħala
soffokanti.
Nistqarr li ma
naqbilx ma’ sistema edukattiva li tkun sempliċiment qed tħejji lit-tfal
għall-postijiet tax-xogħol li nafu bihom illum. Nemmen li ċ-ċavetta
għall-ħolqien tax-xogħol ta’ għada tinsab f’edukazzjoni li tagħti l-għodda
tal-kreattività u tal-ħsieb kritiku. Se jkunu dawk l-aktar innovattivi u li se
jkunu kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba li se jagħmlu l-iktar suċċess.
SANT
Illejla fuq l-istazzjon
nazzjonali se jixxandar dokumentarju dwar wieħed mill-kandidati Laburisti għall-elezzjoni
tal-Parlament Ewropew – l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Alfred Sant.
Dokumentarju u
mhux, ikolli nistqarr li huma ħafna dawk li niltaqa’ magħhom li jsemmuli
l-kandidatura ta’ Sant b’xofftejhom ftit imkemmxa. Dawk li bħali ivvotaw
għall-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għadhom ma nsewx lil Sant ixejjer
il-vot tiegħu fuq is-Super One hu u jgħidilna li r-referendum intrebaħ mill-vapur
tal-partner (il-Partnership).
Ma nsejniex lanqas
li kien jgħidilna li l-Maltin fil-Parlament Ewropew se jkunu qed isaħħnu
s-siġġu u li pajjiżna se jkun qisu makku f’ħalq balena. Kieku kelli noqgħod
niftakar u nikkwota dak li kien jgħid Sant dwar l-Unjoni Ewropea ikolli bżonn
il-kolonni u l-paġni kollha ta’ din il-gazzetta għal ġimgħa sħiħa.
Iżda nkunu
qed nagħmlu żball u inġustizzja mal-istorja jekk inwaħħlu din il-politika
żbaljata tal-Labour ma’ Alfred Sant biss.
Għax Sant dak
iż-żmien ma kienx waħdu. Mhux hu biss ried icaħħadna milli nkunu parti
mill-proġett Ewropew. Pereżempju niftakar lil ċertu Joseph Muscat jagħmel
programm fuq is-Super One jismu 'Made in Brussels'. Dan il-programm kien kollu kemm
hu propaganda kontra l-isħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Apparti dan
il-programm fuq it-televixin, Muscat kien ukoll jikteb regolarment fil-ġurnali.
Niftakar li kien saħansitra kiteb f’ġurnal Iżlandiż biex iħeġġeġ lil dan
il-poplu wkoll jibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea. Imbagħad, malli dħalna
fl-2004, Muscat sar Membru Parlamentari Ewropew.
Lanqas Muscat ma
kien waħdu. Nista’ nsemmi pataflun ta’ ismijiet ta’ Ministri, Segretarji
Parlamentari, kandidati u uffiċjali Laburisti li ħadmu biex pajjiżna jibqa’
barra mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk għandna noqgħodu attenti li ma naqgħux
fin-nassa li nwaħħlu kollox f’Sant. Tkun ħaġa komda ħafna għall-oħrajn li kienu
(u għadhom) miegħu li jfarfru r-responsabbiltà kollha ta’ din il-politika żbaljata
fuq persuna waħda.
No comments:
Post a Comment