Monday, March 10, 2014

Kliem

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 10 ta' Marzu 2014 

Lejlet ir-Randan, fl-aħħar sigħat tal-Karnival, fl-ispirtu tas-satira politika li bih kienu maħkuma l-gżejjer Maltin, fettili nagħmel ċajta żgħira jien ukoll. Ktibt ċirkolari, taparsi maħruġa mill-Gvern, li fiha ħabbart li ċertu kliem se jkun qed jibdel it-tifsira tiegħu. Ktibt li dan qed isir biex il-poplu jkun jista’ jifhem aħjar il-ħidma tal-Gvern.

Skont din iċ-ċirkolari l-kelma “meritokrazija” se tibda tfisser “sistema li tagħżel skont kemm tkun qrib tal-Partit Laburista u/jew tal-Prim Ministru Joseph Muscat”.  Il-kelma “permanenti” m’għandhiex tibqa tiftiehem “għal dejjem” imma għandha tfisser “sal-għada tal-elezzjoni”. Kliem ieħor li skont din iċ-ċirkolari (fittizja) se jibdel it-tifsira huwa “Korruzzjoni”, “Tagħna Lkoll” u l-famuża “Roadmap”.



ELUF

Ġara li din iċ-ċirkolari għamlet suċċessun. Fuq Facebook rawha bl-eluf u qaluli li tgħidx x’iddur mehmuża mal-emails.

Bħal kull ħaġa li tagħmel suċċess, din iċ-ċirkolari ġabet magħha xi ftit tal-konsegwenzi. Fl-ewwel jiem tar-Randan kelli nbaxxi rasi għal ħafna kliem baxx mibgħut u ndirizzat lili minn bosta ‘progressivi’ li b’xi mod jew ieħor ħassewhom offiżi minn din iċ-ċirkolari.

Issa biex ngħid kollox, minkejja li l-ispirtu li biha nkitbet iċ-ċirkolari kien wieħed satiriku, ħafna mill-affarijiet miktuba fiha qed jiġru bis-serjetà. Allura jista’ jkun li s-suċċess ta’ din iċ-ċirkolari aktar ġej mill-fatt li ħafna nies qraw fiha verità li qed jgħixu u jmissu magħha ta’ kuljum. Jista’ jkun li minflok daħku, ħafna nies bkew x’ħin qrawha.

HUMPTY DUMPTY

Din il-verità li Muscat jibdel it-tifsira tal-kliem kif jaqbillu u kif jgħoġbu ttihom ġewwa wisq lil dawk l-aktar fanatiċi tal-Labour. Tgħidx kemm qaluli xorti meta azzardajt inqabbel din l-imġieba ta’ Muscat mal-imġieba tal-karattru Humpty Dumpty.

Min meta kien tfal qara l-ktieb ‘Through the Looking-Glass’ jaf li meta dan Humpty Dumpty ltaqa’ ma’ Alice qalilha “Meta ngħid kelma, dik il-kelma tkun tfisser dak li niddeċiedi jien li tfisser, xejn iktar u xejn inqas.”

Ma taqblux miegħi li Muscat hekk ukoll jagħmel? Ma taħsbux li meta Muscat qal “Malta tagħna lkoll” u “tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna” kien qed ifisser xi ħaġa differenti minn dak li fhimna aħna?

Allura jkolli ngħid li aktar għandhom biex jieħdu għalihom dawk li ġew ingannati mill-kliem li kien jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat qabel l-elezzjoni.

IL-ONE AND ONLY

Din it-taqbila mal-kliem ta’ Humpty Dumpty fettilli nagħmilha l-ewwel darba f’diskors fil-każin Nazzjonalista ta’ Marsaxlokk. F’dan id-diskors tkellimt l-aktar dwar il-ħaddiema, il-ħolqien tax-xogħol, il-qagħad, il-vendikazzjonijiet li qed isiru fiċ-ċivil, it-telfien ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u l-prekarjat. Għamilt ukoll proposti konkreti lill-Gvern biex ikun iktar effettiv fil-ġlieda kontra kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u illegali.

Minn dan kollu One News għażel li jirrapporta biss il-biċċa fejn jien qabbilt l-imġieba tal-Prim Ministru mal-imġieba ta’ Humpty Dumpty. Jidher ċar li għall-istazzjon tal-Partit Laburista huwa iktar importanti dak li jingħad dwar Joseph Muscat minn dak li jingħad biex titjieb il-ħajja tal-ħaddiema. Hu l-One and Only. Il-kumplament tal-kliem li ntqal fuq in-nies tax-xogħol ma jfisser xejn għalihom.

MARIE-LOUISE

Marie-Louise Coleiro Preca se tkun id-disa’ President ta’ Malta. M’għandix dubju li bħall-oħrajn li servew qabilha, hija se tqum għall-okkażjoni u se tkun President ta’ kulħadd.

Bil-mod kif ġab ruħu l-Prim Ministru Joseph Muscat wera’ biċ-ċar li jrid li l-President tkun tiegħu biss.

Għal darb’oħra rrombla minn fuq l-Oppożizzjoni u lil Simon Busuttil bagħat għalih biss biex jinformah b’deċiżjoni li kienet diġa’ ttieħdet.

Nifhem li r-reazzjoni għal aġir bħal dan ma jistax ikun ħlief rabja. Iżda fl-opinjoni tiegħi, aħna bħala Oppożizzjoni, għandna għal darb’oħra nuru lil Muscat kif isiru l-affarijiet minn min tassew għandu għal qalbu l-għaqda nazzjonali.

Nemmen li dak li naqas li jagħmel Muscat għandna nagħmluh aħna billi niddikjaraw bla tlaqlieq li Marie-Louise se tkun il-President tagħna wkoll u għalhekk, tagħna lkoll.



No comments:

Post a Comment