Monday, March 17, 2014

Reunion

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 17 ta' Marzu 2014

Joe Grima, Joe Debono Grech u John Dalli tal-Gudja. Jekk tinzertahom flimkien taħseb li tkun ħbatt ma’ xi reunion tal-Grupp Parlamentari Laburista ta’ żmien Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici. Dan l-aħħar dawn it-tliet irġiel mogħnija b’ħafna esperjenza ingħataw kariga mill-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Tal-ewwel inħatar Mibgħut Speċjali tal-Prim Ministru fl-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fil-Ġnus Magħquda, l-ieħor Konsulent tal-Ministru għal Għawdex u tal-aħħar sar Membru tal-Bord tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Jidher li dik li l-Prim Ministru Muscat kien isejjaħ “ġenerazzjoni rebbieħa” mhix il-ġenerazzjoni tal-lum, imma l-ġenerazzjoni tal-bieraħ u tal-bieraħ t’lura. 

MINTOFF

La qbadniha fuq il-bieraħ ma nistax ma nżerżaqx ftit linji fuq l-irkant li sar biex jinbiegħu mijiet ta’ oġġetti li kienu tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff.

Smajt li minn dan l-irkant inġabret kemxa ġmielha. Ma smajtx iżda li dan l-irkant sar b’risq xi istituzzjoni li taħdem mal-fqar jew ma’ dawk l-inqas ixxurtjati fis-soċjetà tagħna.

Imma forsi ma smajtx kollox. Forsi f’idejn min ġew dawn il-flejjes żamm konsistenti mal-ħafna diskorsi dwar iż-“żgħir” u l-“batut” li smajna meta miet il-Perit. Forsi, Ma nafx.

IL-MARSA

Ħadt gost nisma’ esponenti tal-Gvern Laburista jiftaħru li dalwaqt se tingħalaq il-power station tal-Marsa. L-għeluq ta’ din il-power station se jfisser inqas tniġġis, arja iktar nadifa u inqas mard.

Din il-power station se tkun tista’ tingħalaq darba għal dejjem bis-saħħa tal-investiment u l-proġetti li saru mill-Gvern Nazzjonalista, ewlieni fosthom l-interconnector bejn Malta u Sqallija. Dan il-proġett seta’ jsir biss permezz ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea, li l-Labour tant oppona.

Meta dalwaqt jieqfu joħorġu d-dħaħen miċ-ċumnija tal-Marsa, il-Labour u l-Prim Ministru Joseph Muscat mhu se jkollhom l-ebda mertu.

MARLENE

Bid-Deputat Laburista Marlene Farrugia qed nisimgħu ta’ spiss. Apparti xi avventura mal-bram f’baħar kiesaħ silġ, Marlene hija l-uniku Deputat fuq in-naħa tal-Gvern li ma tiddejjaq xejn tesprimi ruħha fil-pubbliku meta ma taqbilx ma’ xi ħaġa.

Issib min jgħid li Marlene tkun qed tagħmel pjaċir lilna tal-Partit Nazzjonalista meta titkellem. Il-verità hi li Marlene tkun sempliċiment qed taqdi dmirha lejn il-kostitwenti tagħha u lejn dak li temmen li hu s-sewwa.

Għalija Marlene hi l-iktar Deputat li qed tagħmel ġid lill-Gvern ta’ Muscat. Għax Gvern li jkun imdawwar b’ħafna yes-men (jew pupazzi) li minflok jiftħulu għajnejh ikomplu jgħaffġu miegħu, huwa Gvern li ma jdumx wisq ma jidħol gas down ġol-ħajt.

ROTI

Prosit tassew lill-għalliema, l-istaff u l-istudenti tal-Liceo tal-Ħamrun li dan il-weekend reġgħu organizzaw b’suċċess edizzjoni oħra tal-Maratona bir-Roti. Kien ħu l-mara tiegħi, għalliem f’din l-iskola, li kaxkarni l-ewwel darba għal din il-maratona.  Minn dakinhar, kull sena attendejt bi pjaċir.

Apparti l-attività ewlenija tar-roti u attivitajiet oħra ta’ divertiment, jiġri li fl-iskola jseħħu bosta reunions ta’ eks studenti tal-Liceo. Bejn tazza luminata, xi borża chips u ħobża biż-żejt, ilkoll isibu ħafna x’jirrakkontaw lil xulxin. Nistqarr li nieħu gost nisma’ l-istejjer ta’ dawn in-nies, anke jekk mhux dejjem ikunu stejjer bi tmiem feliċi.

L-għan ewlieni (u uffiċjali) ta’ maratoni bħal din huwa l-ġbir ta’ fondi. Iżda meta tkun hemm tinduna li għal dawn iż-żgħażagħ din l-attività sservi wkoll ta’ formazzjoni. M’għandix dubju li l-esperjenza ta’ dan il-weekend kienet ta’ valur għall-bini tal-karattru ta’ dawn l-istudenti bil-qabda iktar mill-ħafna priedki li jsirulhom. Għaldaqstant inħoss li attivitajiet bħal din għandhom ikunu nkoraġġiti u appoġġati bis-sħiħ.

IS-SIĠĠIEWI

Għada filgħaxija se nieklu platt għaġin fil-Każin Nazzjonalista tas-Siġġiewi. Mhux se nħallsu ħafna. 5 kollox. Kull ċenteżmu li se jibqa’ minn din l-ikla bejn il-ħbieb se jmur b’risq il-proġett kbir li qed isir fil-każin.

Nhar il-Ħamis filgħodu qbiżt qabża s’hemm u sibt grupp ta’ rġiel mimlijin trab u entużjażmu. Kienu qed jaħdmu bla waqfien (u bla ebda ħlas) biex ilestu l-kisi tal-ħitan bil-ġibs. Il-każin mistenni jkun lest biex jiftaħ mill-ġdid f’Ġunju li ġej. Inbassar li se jkun wieħed mill-isbaħ każini fil-gżejjer Maltin.

Għada filgħaxija nistiednek taqbeż qabża s’hemm, tara b’għajnejk dak li qed isir u tagħti daqqa t’id billi tiekol platt għaġin magħna. Kif tista’ ma tikolx?

No comments:

Post a Comment