Monday, April 28, 2014

Biża

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 28 ta' April 2014

Reġgħet qed tinħass il-biża. Iċ-ċaqlieq inġustifikat u vendikattiv f’kull livell f’diversi Dipartimenti, awtoritajiet u kumpaniji tal-Gvern, il-mod li bih qed jingħataw ċerti direct orders, l-attakki medjatiċi u l-intolleranza għal ideat jew twemmin differenti qed iġġiegħel aktar nies toqgħod lura milli teżerċita d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni.

Spiss niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli li qed jibżgħu anke sempliċiment jagħmlu Like fuq xi ħaġa politika li tkun inkitbet fuq Facebook. Qisna qed nerġgħu lura għal żminijiet fejn jekk tixtri u taqra dan il-ġurnal, li saħansitra kellu jibdel ismu għal ‘In-Tagħna’, tbati l-konsegwenzi.

Minn dak li għaddejt minnu jien fl-aħħar sena, nifhem li din il-biża hija għal kollox ġustifikata.

TAĦT IĊ-ĊINTORIN

L-esperjenza personali li kelli qabel l-elezzjoni mal-Prim Ministru Joseph Muscat reġgħet kienet fl-aħbarijiet (mhux tal-PBS) wara li fil-Qorti kienet konfermata t-theddida li Muscat kien għamel lili u lil Peppi Azzopardi.

“Għal kull daqqa li nħossu li qed tagħtu lill-Partit Laburista, jien se ntikom tnejn, b’saħħti kollha, taħt iċ-ċintorin” kien qalilna Muscat.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia kien preżenti fil-laqgħa li matulha ntqal dan id-diskors. Fil-Qorti, bil-ġurament, huwa ammetta li Muscat qal kliem f’dan is-sens.

Farrugia ddeskriva dan l-inċident bħala xi ħaġa normali li tiġri bejn politiċi u ġurnalisti. Ngħid għalija, qatt ħlief dakinhar ma kien hemm politiku li kellimni b’dak il-mod. Jekk dak it-tip ta’ diskors għal Muscat u Farrugia huwa diskors normali ta’ politiku, għalija u għal ħafna oħrajn mhuwiex.

SORPRIŻA

Fil-Qorti Farrugia ta wkoll spjegazzjoni l-għaliex Muscat għamel din it-theddida. Qal li fl-ewwel dibattitu bejn Muscat u Lawrence Gonzi f’Xarabank (2008) kienet daħlet telefonata b’mistoqsija dwar propjetà rekwiżizzjonata mill-Gvern Laburista tas-snin tmenin li mbagħad ingħatat lill-Partit Laburista. Farrugia qal li Muscat kien irrabjat minħabba din is-“sorpriża” u ma riedx li fid-dibattitu li kien se jsir ftit ġranet wara tiġri l-istess ħaġa.

Fi ftit kliem Farrugia kien qed jistqarr li Muscat ma riedx iwieġeb għad-domandi leġittimi tal-pubbliku. Muscat ma riedx jiffaċċja mistoqsijiet li ma jkunx jaf bihom. Muscat ma riedx jisma’ x’għandhom x’jgħidulu n-nies. Muscat jibża jiffaċċja n-nies. U lil dawk li ma jibżgħux minnu, Muscat jipprova juża l-poter biex ibeżżagħhom.

ŻAMM KELMTU

Minkejja t-theddida ta’ Muscat jien bqajt nagħmel xogħoli. U xogħoli dejjem għamiltu bl-aħjar mod possibbli. Iċ-ċertifikat għal dak li għamilt fix-xandir nazzjonali tahuli l-Partit Laburista stess li qatt ma lmenta fuq żbilanċ jew imparzjalità fil-programmi li kont responsabbli għalihom jien.

Meta qaċċtuni mix-xandir, tlaqt mingħajr ma kont qlajt la ilmenti u wisq anqas libelli. Tlaqt minn hemm nadif tazza.

Minkejja l-wiegħda tal-meritokrazija, minkejja l-wiegħda ta’ Malta Tagħna Lkoll, miegħi Muscat żamm kelmtu. Id-daqtejn taħt iċ-ċintorin waslu.

Ftit ġranet biss wara li flimkien ma’ sħabi rbaħna żewġ awards għall-ġurnaliżmu ġiet it-tneħħija tiegħi mill-PBS. Ġranet wara li ftaħt kawża kontra l-Prim Ministru minħabba din il-vendikazzjoni politika, ġejt arrest għalxejn fl-ajruport wara allegazzjoni falza marbuta ma’ uffiċjali qrib l-istess Prim Ministru.

Iżda minkejja d-daqqiet taħt iċ-ċintorin, minkejja li Muscat prova jsikkitni, minkejja li Muscat ma jridnix inkun vuċi għan-nies bħal ma kont fuq ix-xandir nazzjonali, illum għadni bilwieqfa u għadni nitkellem kull fejn nara l-ħażin.

U dan għadni nista’ nagħmlu biss grazzi għall-fiduċja li wera fija l-Partit Nazzjonalista.

SPORT

Mad-Deputat Robert Cutajar ħadt sehem fit-tnedija tal-Konferenza Nazzjonali għall-Isport li se ssir bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju b’inizjattiva tal-fergħa Tim Sport tal-Partit Nazzjonalista. 

F’din il-konferenza stampa għidt li għandna naħdmu biex kulħadd ikollu aċċess għall-isport. Meta ngħid “kulħadd” nifhem ukoll persuni li mhux soltu nassoċjawhom mal-isport, inklużi dawk l-aktar anzjani u anke persuni b’diżabilità. 

Minbarra l-benefiċċji għas-saħħa fiżika u mentali, l-isport għandu wkoll funzjoni soċjali u għandu jservi ta’ opportunità għal aktar ugwaljanza u integrazzjoni.

L-Unjoni Ewropea wkoll qed tagħti importanza akbar lill-isport, tant li fl-aħħar budget inkludiet għall-ewwel darba nefqa speċifika għalih. Għaldaqstant issa nistgħu anke nużaw fondi Ewropej biex inkabbru il-parteċipazzjoni fl-isport, kemm fil-livell kompettitiv u anke fil-livell dilettantesk.

No comments:

Post a Comment