Monday, April 7, 2014

Kampanja

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 7 ta' April 2014

Bħal-lum ħmistax tibda l-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Kif mistenni, lilna l-kandidati qed isirulna ħafna intervisti. Waħda mill-iktar mistoqsijiet li qed jistaqsuna hija jekk naħsbux li f’din l-elezzjoni n-nies hux se tivvota dwar issues lokali jew issues Ewropej. Jien dejjem inwieġeb li l-vot huwa tal-individwu u dan għandu dritt jużah kif irid u għal liema raġuni jrid.

B’danakollu nistqarr li d-distinzjoni li spiss issir bejn dak li hu ‘lokali’ u ‘Ewropew’ mhix kbira daqs kemm inpinġuha. Pereżempju l-ħolqien tax-xogħol huwa issue lokali daqs kemm hu issue Ewropea. L-istess l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, il-governanza tajba, l-ambjent, l-enerġija, il-kompetittività, l-immigrazzjoni, il-biedja, s-sajd, il-kaċċa, in-negozji ż-żgħar, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-istandards u mitt ħaġ’oħra.

Ħafna mill-affarijiet li mmissu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum f’Malta u Għawdex huma riżultat dirett ta’ dak li jiġi deċiż fl-istituzzjonijiet Ewropej. Għalhekk huwa importanti li f’dawn l-istituzzjonijiet ikollna vuċijiet b’saħħithom li jifhmu l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Huwa mportanti wkoll li min ikun fil-Parlament Ewropew jitkellem f’isem in-nies u fl-interess tan-nies li jirrappreżenta u mhux ikun paljazza ta’ Gvern u ta’ Prim Ministru li jridu jirromblaw minn fuq kulħadd.

SEAMAP

Is-sistema ta’ ‘priority boarding’ li se jdaħħal il-Gvern Laburista fil-Gozo Channel tfisser li min jiflaħ u lest iħallas iżjed għall-biljett tal-vapur se jkun jista’ jaqbeż il-kju. Fi ftit kliem il-Gvern Laburista jrid li min ma jiflaħx iħallas jintefa' lura jew jibqa’ l-art.

X’jimpurtah mill-anzjani li għandhom appuntament il-Mater Dei, mill-ħaddiema li jridu jaslu fil-ħin għax-xogħol u mill-istudenti li jridu jaqsmu għal-lezzjonijiet. Għall-Gvern Laburista mhux importanti x’għandek bżonn, imma kemm tista’ tħallas. Dik ġustizzja soċjali!

U bilħaqq, min se jkun qed iħallas għall-biljetti biex in-nies tal-Ministeri u l-uffiċjali tal-Gvern jaqbżuna? Ma nagħmlux mod li jien u int se nkunu qed inħallsulhom biex jaqbdu l-vapur qabilna?

Din hija r-roadmap (jew is-seamap) tal-Gvern Laburista għal Għawdex.

SPLUŻJONI

Bħal lum ġimgħa f’Washington l-Amerika splodiet ħażna tal-gass bħal dik li se jpoġġi l-Gvern Laburista fil-bajja ta’ Marsaxlokk. L-isplużjoni ma kienetx waħda kbira. Weġġgħu biss ftit impjegati tal-impjant.

Ġara wkoll li dawk kollha li jgħixu sa 3.2 kilometri ‘l bogħod minn din il-ħażna kellhom jiġu evakwati minn djarhom. Jekk tkejjel 3.2 kilometri minn fejn il-Gvern Laburista se jpoġġi t-tanker tal-gass ma tolqotx biss il-popli ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa imma wkoll dawk li jgħixu Ħal Far, Wied il-Għajn u ż-Żejtun.

Ma nifhimx kif hawn min għadu jmeri lill-Partit Nazzjonalista, Alternattiva Demokratika u oħrajn li qed jgħidu li t-tanker għandu jitpoġġa ‘l barra mill-port, ‘il bogħod mir-residenti.

BIRŻEBBUĠA

Wara li l-MEPA tat il-barka tagħha għat-tanker tal-gass fil-bajja ta' Marsaxlokk, nhar il-Ħamis ħarġet permess ieħor għal ġol-istess bajja. Issa fil-Freeport se jkun jista’ jsir ukoll xogħol ta' sandblasting u żebgħa fuq bastimenti u rigs taż-żejt. Dan huwa xogħol li normalment isir ġo tarzna.

Rajtha stamba kif minkejja li l-Kunsill Laburista ta’ Birżebbuġa kien u għadu kontra li jinħareġ dan il-permess u minkejja li anke r-rappreżentant tal-Partit Laburista fuq il-Bord tal-MEPA ivvota kontrih, il-membri l-oħra tal-Bord maħtura mill-Gvern Laburista kollha taw l-approvazzjoni tagħhom. Ma nagħmlux mod li l-Gvern Laburista qed jirrombla anke fuq il-Partit Laburista?

IL-PERIT

Wieħed mill-iktar residenti illustri ta’ Birżebbuġa, l-eks Ministru Karmenu Vella dalwaqt se jkun qed jeħles minn dan l-inkwiet kollu.

Il-Perit Vella se jkun il-persuna nominata mill-Prim Ministru biex jieħu post Tonio Borg u jsir ir-raba’ Kummissarju Ewropew minn Malta, dejjem jekk jgħaddi mill-eżami tal-Parlament Ewropew.

Jidher li dan l-eżami qed jinkwieta ħafna lill-Perit u lill-Prim Ministru tiegħu. Meta staqsejt għaliex din in-nomina saret sebgħa xhur qabel iż-żmien ir-risposta li ngħatajt kienet li Karmenu Vella għandu bżonn dan il-perjodu biex iħejji ruħu.

Ma nafx għaliex kont naħseb li l-persuna li kienet responsabbli mill-kitba tal-programm elettorali ta’ partit (u issa Gvern) f’pajjiż li ilu għaxar snin membru tal-Unjoni tkun tifhem biżżejjed kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Imma jien ma nifhimx biżżejjed kif jaħdem il-Partit Laburista. Studja Karm!

No comments:

Post a Comment