Ikolli
nammetti li bħala salesman lill-Prim
Ministru Joseph Muscat ma jirbaħlu ħadd.
Kull
min jgħix f’dawn il-gżejjer żgur inzerta darba jew oħra xi reklam, avviż jew billboard mill-aħħar produzzjoni
tal-Gvern tiegħu “Issa Nista’”. Din il-kampanja mhi xejn għajr propaganda partiġġjana
u qarrieqa mħallsa minn flus il-poplu.
Minkejja
dan, illum iddeċidejt li nagħti daqqa t’id lil Muscat u lil sħabu f’din il-kampanja.
Allura se nissuġġerixxi xi reklami ġodda li jistgħu isiru fil-ġranet li ġejjin.
Il-Prim
F’xi
wħud mill-filmati nissuġġerixxi li jieħu sehem il-Prim Ministru nnifsu. Nistgħu
nagħmlu wieħed li fih ikun jgħid “Issa nista’ nikri l-karozza tiegħi lili
nnifsi.”
Għandi ħafna iktar ideat għall-Prim imma se nieqaf hawn għax persważ li għandu ħafna aħjar minni għall-pariri.
Lill-wisq maħbuba martu Michelle ukoll nistgħu intuha parti. Naraha tagħmel wieħed li fih tgħid “Issa nista’ mmur nara lill-business partner tiegħi fi New York fejn tajniha job ta’60 elf Ewro fis-sena”
Eksijiet
Lill-eks
Ministri u lil dawk mhux daqstant kuntenti b’Muscat mhux ta’ min iħallihom
barra. Lill-Ministru Karmenu Vella nimmaġinah f’filmat fil-bajja s-sabiħa, bi
tbissima kbira fuq fommu hu u jgħid “Issa nista’ nserraħ moħħi mit-tanker tal-gass u mit-tarzna fil-Freeport għax jien daqt indabbar rasi
minn Birżebbuġa u nerħilha għal Brussell.”
Lill-eks
Segretarju Parlamentari Għawdxi Franco Mercieca nistgħu niffilmjawh waqt li qed
jopera f’xi sptar privat hu u jgħid “Issa nista’ nopera kemm irrid u kemm jogħġobni
u nieħu paga tal-Gvern, il-paga tal-privat u l-onorarja tal-Parlament.”
Lit-Tabib
Godfrey Farrugia nimmaġinah jieħu sehem f’wieħed li fih jgħid “Issa nista’ nagħmel
tined kemm irrid.”
Ministri u Deputati
Għall-Għawdxin
ma nistgħux ma nagħmlux wieħed b’Justyne Caruana. Inqabbduha tgħid “Issa
nista’ nivvjaġġa bil-ħelikopter meta nsiefer fuq xogħol tal-Parlament.”
U
biex ma noħolqux żbilanċ nagħmlu wieħed ukoll bil-Ministru Anton Refalo jgħid
“Issa nista’ ngħid lill-vapur tal-Gozo
Channel ireġġa lura biex jgħabbini.”
Fuq
il-billboard ta’ Manuel Mallia
m’hemmx għalfejn ikun hemm ħafna kliem. Biżżejjed ikollu miktub “Issa nista’
nagħmel li rrid.”
Nissuġġerixxi
wkoll li nirriċiklaw lil xi wħud minn
dawk li ħadu sehem fil-billboards ta’
qabel l-elezzjoni.
Pereżempju
lill-kantant William Mangion għandna nagħmluh fuq billboard ġdid fjamant u fuqu niktbu “Issa nista’ nsiblek garaxx
biex toqgħod iddoqq fih.”
Atturi
Il-parir
tiegħi hu li nsibu xi atturi jagħmluha ta’ nies komuni. Per eżempju nsibu lil
xi ħadd jgħid “Issa nista’ nxaħħam impjegat tal-Enemalta biex ibagħbasli l-meter tad-dawl u jekk ninqabdu hu jmur
il-ħabs u jien kemm inħallas lura dak li nkun frankajt”
Insibu
wkoll attur Għawdxi jgħid “Issa nista’ nħallas iktar għall-biljett tal-vapur,
naqbeż il-kju u nħallik l-art”
Nissuġġerixxi
li tinstab xi koppja u niffilmjawha fil-kċina tagħha tgħid “Issa nista’ nserraħ
moħħi li l-prezzijiet tal-gass, petrol u diesel se jibqgħu għoljin għal tlett
xhur.”
Ċiniżi
Għal
xi billboards minnhom nistgħu nsibu
xi tliet atturi Ċiniżi. Wieħed minnhom nagħmluh fuq billboard jgħid “Issa nista’ nixtri passaport li jtini aċċess għall-pajjiżi
kollha tal-Unjoni Ewropea.”
Ieħor
nagħmluh jgħid “Issa nista’ nieħu lill-ħaddiema tal-Enemalta fl-impjanti kollha
li għandna madwar id-dinja.”
Lit-tielet
Ċiniż inqabbduh jistaqsi mistoqsija “Issa nista’ nixtri xi biċċa mill-isptar
jew mill-Air Malta”
La
qbadniha fuq iċ-Ċinizi, ta’ min nagħmlu billboard
bil-Ministru Konrad Mizzi jgħid “Issa nista’ nsib job fenomenali ta’ tlettax-il elef ewro fix-xahar lill-mara tiegħi
fiċ-Ċina.”
Kandidati
Dan
l-islogan ta’ “Issa Nista’” tant narah effettiv li se nissuġġerixxi li din
il-kampanja tintuża wkoll mill-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew.
Lil
Cyrus Engerer nistgħu inpoġġuh fuq billboard
jgħid “Issa nista’ nistieden lill-Isqof id-dar u nagħtih xow.”
Lill-kandidat
Joseph, ħu Manwel Cuschieri, nistiednuh jieħu sehem f’wieħed li fih jammetti
“Issa nista’ ninsieh is-siġġu li ċedejt lil Joseph Muscat.”
Ma
jistax jonqos li jkollna billboards u
reklami li fihom jidher il-kandidat stilla Alfred Sant. B’wiċċu minn quddiem
ikun jista’ jgħid “Issa nista’ nsir Membru Parlamentari Ewropew u jien u nsaħħan
is-siġġu noqgħod ngħidilhom kemm kelli raġun ngħid li f’Malta rebaħ il-Partnership.”
Il-kollezzjoni
kollha tal-billboards il-ġodda
tal-kampanja “Issa Nista’” se tkun għall-wiri fuq il-paġna tal-Facebook tiegħi www.facebook.com/vellanorman
No comments:
Post a Comment