Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista kkonfermaw li Glenn Bedingfield se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali fuq it-tieni distrett elettorali.
Bedingfield li llum jaħdem fl-Uffiċju tal-Prim Ministru f'pożizzjoni ta' fiduċja qed jiġi proġettat bħala persuna qrib ħafna ta' Joseph Muscat.
Il-kampanja elettorali personali ta' Bedingfield se tikkonċentra l-aktar fuq il-
core vote tal-partit li kif deher fl-aħħar sondaġġi qed iħossu mwarrab minn Kastilja.
Fl-aħħar xhur Bedingfield żied il-preżenza tiegħu fuq ir-radju tal-partit u żied il-preżenza tiegħu ukoll fuq l-internet bi
tweets u kitbiet kontroversjali li jinżlu għasel mal-Laburisti l-aktar akkaniti.
Dan kollu qed jagħmlu bil-barka u bl-appoġġ ta' Muscat.
Fil-Partit Laburista dawn il-manuvri qed jitqiesu bħala attentat minn Kastilja biex tonqos drastikament is-saħħa tal-Ministru Joe Mizzi fit-tieni distrett. Qed jingħad li f'Kastilja xejn m'huma kuntenti b'Joe Mizzi imma jafu li Mizzi huwa popolari ħafna mal-
core vote tal-partit fit-tieni distrett. Għaldaqstant huma qed jaraw f'Bedingfield kandidat idejali li jappella għal dawn il-votanti u li jista' jnaqqar biċċa sew mill-voti ta' Mizzi.

Fl-elezzjoni tal-2013 Joe Mizzi kien it-tieni l-aktar kandidat Laburista li ġab voti (755) wara l-Mexxej Joseph Muscat (13,968).
Joe Mizzi kien elett fit-tieni count wara li kien l-iktar kandidat li wiret voti mingħand l-istess Joseph Muscat (3,591).
Fl-2013 minn dan id-distrett kienu eletti wkoll il-Ministru Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo. Fl-elezzjoni każwali kien elett ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.