Wednesday, February 3, 2016

It-tifel ma kellu qatt jidher fil-media

Irid ikun każ eċċezzjonali biex nikteb xi ħaġa bi kritika lejn kollega jew kollegi fil-mezzi tax-xandir. Dan huwa wieħed minnhom.

Qed nirreferi għall-każ ta’ missier Malti li allega li ibnu nħataf minn ommu barra l-pajjiż. Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ għax mhux l-iskop ta’ din il-kitba.

Irrid biss nirrimarka li ebda ġurnalist u ebda mezz tax-xandir, inkluż dak li naħdem miegħu jien, ma kellhom qatt ixandru ritratti u/jew filmati tat-tifel. It-tifel kellu jkun protett miċ-ċirku medjatiku.

Qatt ma kellu jkun espost bħala t-tifel ‘maħtuf minn ommu’ jew bħala t-tifel li qed jgħix sitwazzjoni mill-aktar ikkumplikata bejn il-ġenituri tiegħu.

Il-kunsens tal-missier u l-fatt li ċertu ritratti kienu diġa pubbliċi fuq is-siti soċjali mhix skuża. Ir-responsabbilta' tagħna l-ġurnalisti tmur lil hinn minn hekk.

Kull ma kellu jsir biex ikun protett it-tifel kien sempliċi ċirku, kif qed nuża jien, biex jitgħattielu wiċċu.

Kont nistenna li l-Kummissarju tat-Tfal u l-Aġenzija Appoġġ jitkellmu fuq dan il-każ, iżda s’issa kellna biss silenzju. Nistenna wkoll li l-liġijiet tagħna jħarsu iktar lill-minorenni, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, kultant anke mill-ġenituri tagħhom stess.

3 comments:

  1. Jien bqajt skantata kif l intervisti saru quddiem it tifel . Dizgustanti !

    ReplyDelete
    Replies
    1. Min jaf x'hass it tifel meta infired minn ma ommu!Nahseb dan aktar kas ta egoizmu u pika milli imhabba lejn it tifel.

      Delete