F’Ottubru li għadda, lejn l-aħħar tal-ġurnata tax-xogħol tiegħi, ġejt arrestat. L-allegat reat kien li azzardajt nieħu ritratt tal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern u tal-Communications Coordinator tal-Ministru Manuel Mallia. Ġew għalija żewġ spetturi, u numru ta’ pulizija. Arrestawni u ssekwestrawli ħwejġi mingħajr ma kellhom lanqas prova waħda. Kif kompliet l-istorja tiegħi minn hemm ‘l quddiem naħseb jaf kulħadd.
Ftit xhur wara, fil-każ
tal-arloġġi tad-dawl imbagħbsa, il-pulizija mhix tagħmel l-istess kif għamlet
miegħi, minkejja li l-allegat reat hu ferm iktar gravi. Għax naħseb li ħadd
m’għandu dubju li r-reat ta’ tixħim u korruzzjoni huwa ferm iktar gravi minn
allegat reat dwar teħid ta’ ritratt!
Imma għand min
xaħħam lill-ħaddiema tal-Enemalta biex ibagħbsulu l-arloġġ tad-dawl ma mar
l-ebda spettur, l-ebda surġent u l-ebda kuntistabbli. Jidher li dawn li għamlu dil-biċċa
korruzzjoni ħadd mhu se jieħu passi kontra tagħhom. Għaliex? Għax hekk irid
il-Prim Ministru Joseph Muscat.
IL-KUMMISSARJU
Issa sa fejn naf jien
l-ebda Prim Ministru u l-ebda Gvern ta’ pajjiż demokratiku m’għandu l-poter li
jwaqqaf lill-pulizija milli tagħmel xogħolha u tinvestiga u tressaq il-Qorti lil
min ikun wettaq reat.
M’għandix dubju li
l-Kummissarju tal-Pulizija dan jafu sewwa. Il-Kummissarju jaf li jgħid x’jgħid
il-Prim Ministru hu jista’ (u għandu) jkompli jinvestiga lil min xaħħam
lill-impjegati tal-Enemalta u fejn issib biżżejjed provi li twettaq ir-reat ta’
korruzzjoni jista’ (u għandu) jressaq lill-persuni konċernati l-Qorti.
HEMM WISQ
Li hemm wisq minn
dawn (qed jingħad li hemm madwar elf) mhix skuża biex ma ssirx ġustizzja.
Tajjeb infakkar li meta taħt Gvern Nazzjonalista kienu nkixfu
każijiet ta’ korruzzjoni tal-massa li kienu jirrigwardaw il-ħruġ ta’ liċenzji
tal-baħar u anke liċenzji ta’ vetturi, il-pulizija tħalliet fil-libertà li
tinvestiga u tressaq il-Qorti lil kull min kien involut. Fil-fatt kien ġara li
nfetħu mijiet ta’ każijiet il-Qorti, kemm kontra min ixxaħħam, kif ukoll kontra
min xaħħam.
Li llum Muscat ma
jridx li jsir hekk iqajjem bosta mistoqsijiet. Tgħid hemm xi wħud minn dawn li
jrid jipproteġihom? Tgħid Muscat qed jilgħab xi logħba politika u qed jieħu din
il-pożizzjoni biex dawn li xaħħmu jħossuhom safe
jivvotaw biss lill-Partit Laburista?
Li hu żgur hu li
m’għandux ikun Muscat li jiddeċiedi kontra min għandhom jittieħdu passi u
kontra min m’għandhomx. Din li jrid Muscat mhix ġustizzja. Din li jrid Muscat
mhix demokrazija.
FLUS LURA
Issa se tiltaqgħu ma’ partitarji ta’ Muscat li
se jgħidulkom li lil dawn tal-arloġġ imbagħabas il-Gvern se jkun qed jehdilhom
il-flus li ffrankaw (serqu) mill-kontijiet bl-interessi (jew multa). Dan huwa veru
u dejjem hekk sar meta xi ħadd fil-passat inqabad jisraq l-elettriku.
Iżda dawn mhux ir-reat ta’ serq tal-elettriku
biss wettqu. Dawn wettqu wkoll ir-reat li xaħħmu impjegati tal-Enemalta. Muscat
irid li dawn jagħmlu tajjeb għas-serq imma ma jridx li dawn iħallsu
għall-korruzzjoni.
F’GĦAWDEX
L-Għawdxin
inkwetati li gżirithom qed issir dar tal-anzjani kbira. Għandhom raġun. Meta
timxi fit-toroq Għawdin u tħabbat il-bibien f’xi ġurnata fost il-ġimgħa rari
tiltaqa’ ma' nies ta’ età żagħżugħa. Dawk iktar anzjani jgħidulek b’rassenjazzjoni
li uliedhom u ulied uliedhom ħallew djarhom biex jistudjaw jew jaħdmu f’Malta
jew f’xi pajjiż ieħor.
Iżda wħud minnhom
jgħidulek li meta kienu żgħażagħ anke huma kellhom iħallu lil Għawdex,
għall-istess raġunijiet tal-lum. Jirrakkontaw u juruk ritratti fl-Amerika,
l-Kanada, l-Awstralja u bosta pajjiżi oħra madwar id-dinja.
Allura nistaqsi, din
hi xi ħaġa ‘normali’ għal Għawdex? U ż-żgħażagħ Għawdxin tal-lum x’iridu? Iridu
jistudjaw, jaħdmu u jrabbu l-familji tagħhom f’Għawdex jew jippreferu
jiċċaqalqu?
Ċertament f’Għawdex
hemm nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u nuqqas kbir ta’ investiment privat, l-aktar
f’dawk l-oqsma
mhux relatati mat-turiżmu. Ċertament ukoll f’Għawdex hemm il-fenomenu ta’
‘brain drain’ li jfisser li ħafna żgħażagħ li jkunu tħarrġu u studjaw qed jippakkjaw
kollox biex imorru jfittxu opportunitajiet band’oħra.
Ċertament
is-soluzzjonijiet għal Għawdex huma ferm iktar kumplessi minn skont fuq
il-prezz tal-vapur darba kultant.
No comments:
Post a Comment