Monday, February 10, 2014

Erbgħa

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 10 ta' Frar 2014


Fil-librerija ltqajt ma’ poster li jmur lura għall-kampanja elettorali tal-1987. Fih jidher il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Karmenu Mifsud Bonnici juri erbat iswaba lill-fotografu.

Għal mument minflok Mifsud Bonnici immaġinajt lill-Prim Ministru tal-lum Joseph Muscat ixejjer in-numru erbgħa. Ħsibt li minflok poster elettorali dan jista’ jkun reklam għall-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza verżjoni numru erbgħa li ħareġ biha l-ġimgħa l-oħra.

Għax dak li ma jinżel għarkubtejh quddiem ħadd, dak li għandu maġġoranza ta’ 9 deputati fil-Parlament; dak li qal li ħa nota imma se jibqa’ jirrombla, dak l-istess Prim Ministru kellu jerġa’ jbiddel din l-iskema biex issa għandna r-raba’ verżjoni tagħha. Tħossok qisek qed tara xi sequel bħal Rocky 4 u Superman 4.

XHUR U RJIEĦAT

L-isfortuna għal pajjiżna hi l-passat ma jistax jitħassar. F’dawn l-aħħar erbgħa xhur pajjiżna ġie umiljat mal-erbgħa rjieħat tad-dinja. Il-balbuljata li għamlu Muscat u sħabu dehret fil-gazzetti u fl-aħbarijiet tal-globu kollu. Ir-reputazzjoni tagħna ttapnet. Ir-reklam negattiv li sarilna żgur mhux se jġib investiment u postijiet tax-xogħol ġodda ‘l hawn.

Dan kollu seta’ ġie evitat kieku l-Prim Ministru tassew wettaq politika ta’ gvern li jisma’.

IL-LONDON BUS

Aħna u nitkellmu fuq kemm tkellmu fuqna barra minn xtutna ftakart f’episodu li ġara ftit aktar minn sena ilu.

Tiftakru x’għaġeb kienu għamlu tal-Labour meta s-Sindku ta’ Londra Boris Johnson qal ċajta fuq il-bendy buses waqt konferenza tal-Partit Konservattiv? Fuq l-aħbarijiet tal-ONE din iċ-ċajta konna narawha kuljum. Kienet tkun diskussa f’kull programm li kien jeżisti u saħansitra ispirat lil Labour jagħmel billboard minnha.

Tgħid minjaf kieku minflok sindku wieħed kellhom 560 MEP u l-Kummissjoni Ewropea x’jikkwotaw x’kienu jagħmlu?

IL-MIZZI BUS

La qbadniha fuq il-bus, nistaqsi jekk xi ħadd innotax xi titjib fis-servizz tal-linja kemm ilu li ħadha f’idejh il-Ministru Joe Mizzi?

Jien jidhirli li mhux talli ma sarx progress, talli l-affarijiet sejrin għall-agħar. U għall-ġieħna, issa l-kont qed inħallsuh aħna mit-taxxi tagħna.

WHEELCHAIRS

Waħda mill-affarijiet li nnutajt fil-buses li Joe Mizzi ddeċieda li juża minflok il-bendy buses li issa qegħdin ‘4 sale’ hija li dawn mhumiex low floor. Għaldaqstant dawn mhumiex aċċessibbli għall-wheelchairs tal-persuni b’diżabilita’.

Ukoll, bħal-lum ġimgħa kont fuq programm ta’ Radio 101 u ċempel missier ta’ persuna b’diżabilità li tattendi ċ-ċentru ta’ matul il-ġurnata ta’ Ħal Far. Qalli li t-trasport li jiġi provdut minn dan iċ-ċentru iktar ma jaħdimx milli jaħdem. Meta staqsa l-għaliex ir-risposta li ħa kienet li għandhom vann wieħed li qed tiġrilu ħsara spiss u li m’għandhomx flus biex jirranġawh.

Il-persuni b’diżabilita u l-ġenituri tagħhom jixirqilhom ferm aħjar minn hekk.

MEPS

Dawk li ħadmu kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea dejjem irnexxielhom itellgħu iktar siġġijiet fil-Parlament Ewropew minn dawk li ħadmu għas-sħubija. Hija inġustizzja storika li l-Partit Nazzjonalista qatt ma rnexxielu jtella’ iktar minn żewġ MEPS. Anke wara li Gvern Nazzjonalista ħadem biex iġib is-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew ġara li s-siġġu ‘extra’ ħaduħ tal-Labour biex issa għandhom erbgħa.

Issa qed jgħidulna li fl-elezzjoni ta’ Mejju se niġu tlieta bi tlieta. Qishom qed jagħmluha fatta. Għalija dan id-diskors mhux għajr gimmich elettorali biex jimmobilizzaw iktar il-vot Laburista. Din l-istess bħal meta qabel l-elezzjoni ġenerali Joseph Muscat kien jgħid li l-Partit Laburista huwa underdog. FMejju li ġej kull vot se jkun essenzjali biex naslu għar-riżultat li jixraq lill-Partit Nazzjonalista. Ejja ma nħallu lil ħadd ibellgħalna r-ross bil-labra.

No comments:

Post a Comment