Monday, February 17, 2014

Bibien

Artiklu ippublikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 17 ta' Frar 2014

Minkejja li mhux possibbli li nħabbat kull bieb li hawn fil-gżejjer Maltin, kuljum qed inżur xi raħal jew belt u nagħmel ftit ‘door to door’. Kien privileġġ kbir nidħol f’ħafna minn dawn id-djar bit-televixin. Inħoss li huwa privileġġ ferm akbar li dak li jkun jiftaħlek u jistiednek tpoġġi bilqiegħda fuq is-sufan tiegħu.

Minkejja d-differenzi fl-opinjoni li jista’ jkun hemm, nistqarr li dawk kollha li fetħuli laqgħuni tajjeb ħafna, tkellmu miegħi b’onesta u semgħuni b’interess. Niskuża ruħi li mhux dejjem stajt inkompli magħhom meta offrewli xi grokk. Kieku kelli nixrob dak kollu li offrewli kien ikolli mmur lura d-dar b’taxi!

MA NIFHIMX

F’ħafna mid-djar li nidħol fihom nitpaxxa nisma’ dwar it-tfal u n-neputijiet waqt li nkun qed niġi muri sensiela ta’ ritratti mwaħħlin mal-ħitan jew poġġuti fuq xi biċċa għamara. Hija għafsa ta’ qalb kbira meta l-istorja li jgħidulek ma tkunx dwar xi tieġ, gradwazzjoni jew magħmudija imma tkun dwar mard jew saħansitra mewt.

Fil-Fgura ltqajt ma’ koppja li snin ilu tilfu lill-uniku wild tagħhom b’inċident tat-traffiku. Fil-Qrendi ltqajt ma’ omm li tilfet lil binha b’inċident f’kamra tan-nar. Il-ħarsa ta’ dawn l-ommijiet huma u jirrakkontawli dak li għaddew minnu ma nista’ ninsiha qatt.

Ma ninsiex lanqas funeral ta’ tarbija ta’ sena u nofs li attendejt għalih ftit aktar minn ġimgħa ilu. Qatt ma fhimt u x’aktarx qatt ma jien se jirnexxieli nifhem l-inġustizzja ta’ ħajja daqstant qasira.

SAN PAWL

L-esperjenza ta’ kandidat tieħdok ukoll fil-festi. Biex ngħid kollox, għalija hija ħaġa normali li nżur il-festi. Mhux għax jien xi dilettant tal-armar, tal-baned jew tal-logħob tan-nar, imma sempliċiment għax l-ambjent tal-festa Maltija jogħġobni.

Bħal lum ġimgħa mort għall-festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Il-paniġierku ta’ Dun Lawrenz Zammit spiċċa rrapportat fil-gazzetti kollha, l-aktar għall-pożizzjoni netta li dan il-Kanonku ħa kontra l-proposta tal-liġi tal-unjoni ċivili.

Jagħmel tajjeb il-kleru li jesprimi ruħu dwar is-soċjetà Maltija u l-iżvilupp tagħha. Ma naqbilx ma’ min jgħid li l-Knisja m’għandiex tindaħal fi kwistjonijiet ċivili.

Mill-banda ‘l oħra l-politiku m’għandu qatt jagħti widen biss għal dak li qed tgħid istituzzjoni jew persuna waħda, iżda għandu jisma’ u jiżen dak li għandu xi jgħid kulħadd.

BORG OLIVIER

Inzerta li fl-istess ġurnata tal-paniġierku ta’ Dun Lawrenz, James Debono ippubblika fuq il-website tal-Malta Today storja li ġrat ftit aktar minn 40 sena ilu.

Hu u jqalleb fid-dokumenti tal-kabinett ta’ Ġorġ Borg Olivier, James sab li fl-1969 l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien talab lill-Gvern biex jgħaqqad skwadra speċjali ta’ pulizija biex titħares il-moralita pubblika. Fost affarijiet oħra, l-Arċisqof ried li din l-iskwadra tħarrek lil dawk in-nisa li jilbsu l-bikini fuq ix-xtut tagħna u lil dawk il-koppji li jażżardaw joqgħodu jitgħannqu u jitbewwsu quddiem in-nies.

Illum din it-talba tidher eżaġerazzjoni. Il-bikini sar xi ħaġa tal-bieraħ u ħadd m’għadu jieqaf jistagħġeb jekk jinzertak titgħannaq jew titbewwes mal-maħbub/a  tiegħek.

Għal uħud li qed jaqraw dan l-artikolu dan l-istat ta’ fatt iqisuh bħala “rigress”. Għalija huwa sempliċiment “stat ta’ fatt” li rridu ngħixu bih u miegħu, jogħġobna jew le. Politiku tajjeb u rebbieħ huwa dak li jirnexxielu jantiċipa l-bżonnijiet tas-soċjetà ta’ għada u mhux dak li għadu jiġġieled il-kawża li ntilfet il-bieraħ.

REPORTER

F’San Pawl dehert ukoll fil-programm Reporter, fuq TVM. Proprjament dan il-programm kien irrekordjat xi tliet ijiem qabel fil-bini l-ġdid tal-PBS imsejjaħ ‘Creativity Hub’.

Kienet l-ewwel darba li dħalt f’dan il-bini minn meta l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat neħħieni f’Ġunju li għadda. Grazzi għall-fiduċja li qed juri fija l-Partit Nazzjonalista, dawk li mingħalihom kienu ħelsu minni kellhom jerġgħu jitqannew b’wiċċi u b’leħni fuq l-istazzjon nazzjonali.

Tassew każ li l-bieb li għalaqli f'wiċċi Joseph Muscat reġa' fetaħuli beraħ Simon Busuttil.

No comments:

Post a Comment