Monday, February 3, 2014

Smigħ

Artiklu ppublikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 3 ta' Frar 2014

Wegħduna gvern li jisma’. Minflok tawna Ministru li jissemma’. Domt ftit mhux ħażin nogħrok għajnejja nhar il-Ħamis filgħodu x’ħin fuq l-Independent qrajt kif il-Ministru Manuel Mallia nqabad jissemma’ wara l-bieb tal-uffiċju tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.


Mallia huwa l-Ministru li taħtu jaqgħu l-Korp tal-Pulizija, l-Armata u s-Servizzi Sigrieti fost oħrajn. Żgur m’għandix għalfejn noqgħod nispjega x’informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva għandhom aċċess għaliha dawn id-dipartimenti. Kulħadd jaf ukoll bil-poteri li dawn għandhom biex isiru jafu dwarek, dwari u dwarna lkoll.

Nistaqsi, Ministru li ma ddejjaq xejn jissemma’ konverzazzjoni wara bieb fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, tista’ tafdalu f’idejh it-tmexxija ta’ nies li għandhom aċċess għall-konverzazzjonijiet li jkollna ta’ kuljum bit-telefowns u l-kompjuters tagħna?

GĦAMLET TAĦTHA

Jekk l-istorja tal-Ministru Mallia kelli naqraha tlieta jew erbgħa darbiet biex nemmen li ma kontx qed noħlomha, il-clip ta’ Justyne Caruana smajtha xi għoxrin darba biex nipprova nifhem x’għamlet “taħtha” meta kienet fuq it-taxi ħelikopter tal-Armata.

Wara ħafna smiegħ, ninsab konvint li lill-RTK Justyne qaltilhom li tant twerwret fuq il-ħelikopter li bil-biża’ għamlet taħtha. Nittama għal dawk is-suldati li kienu fl-ajru ma’ Justyne li din il-biċċa tax-xogħol ma ġratx tassew u li din kienet biss eżaġerazzjoni tad-Deputata Għawdxija.

Sakemm inneħħi d-dubju, jekk xi darba ninzerta ngħabbi lil Justyne se noqgħod attent ħafna li ma nbeżżahiex.

MILL-OPPOŻIZZJONI

Meta tkun qed iddur id-djar tisma’ ħafna stejjer. Huwa stat ta’ fatt li għad hawn ħafna eks votanti tal-Partit Nazzjonalista irrabjati għal affarijiet li ġraw meta l-partit kien fil-Gvern.

Waħda li qed nisma’ spiss hija li biex tinqeda u tieħu dak li bi dritt huwa tiegħek taħt Gvern Nazzjonalista kien ikun iktar effettiv li tkellem ċertu Deputati u Kandidati tal-Partit Laburista (dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni) milli lill-Ministri tal-Gvern. L-ismijiet ta’ ċertu deputati jispikkaw iktar minn oħrajn f’dawn il-ġrajjiet. Jidher ċar li mill-Oppożizzjoni l-Partit Laburista kien irnexxielu joħloq xibka ta’ klijenteliżmu f’diversi dipartimenti, awtoritajiet u kumpaniji tal-gvern.
                                                 
SANDRO

Din il-ġimgħa smajna wkoll li l-iżviluppatur u president tal-iżviluppaturi Sandro Chetcuti qed jagħmel xogħol volontarju għall-Partit Laburista.

Tgħid jekk Sandro jfettillu jmur dawra bil-jott ma’ xi uffiċjal tal-Partit Laburista se jsib xi ġurnalist tal-ONE jistennieh jasal bil-kamera u bil-mikrofonu?

MERITOKRAZIJA

It-Tlieta filgħaxija kont mistieden niddiskuti l-meritokrazjia fil-programm Taħt il-Lenti fuq NET TV. Kellna nkunu jiena, Arnold Cassola ta’ Alternattiva Demokratika u kandidat jew rappreżentant tal-Partit Laburista. Iżda ġara li għal dan il-programm il-Partit Laburista ma bagħat lil ħadd. Is-siġġu baqa’ vojt u l-leħen Laburista baqa’ ma nstemax.

Possibbli minn 12-il kandidat għall-Parlament Ewropew, minn 22 Ministru u Segretarju Parlamentari li jagħmlu l-ikbar kabinett fl-istorja, mill-uffiċjali kollha li għandu l-Partit Laburista, ħadd ma kien jimmeritah jirrappreżenta l-Labour f’dan il-programm? Jew forsi ħadd minn dawn ma jrid jidher jew jinstema’ jiddefendi kif mexa l-Gvern ta’ Joseph Muscat f’dawn l-għaxar xhur.

REX

Nhar l-Erbgħa erġajt dħalt il-Qorti. Kompla s-smiegħ tal-kawża li qed nagħmel kontra l-Prim Ministru u l-Kap taċ-Ċivil li fiha qed insostni li fil-konfront tiegħi twettqet diskriminazzjoni politika. Fost il-kummenti u l-messaġġi li wasluli laqatni l-aktar dak tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, li daħħal fl-istorja anke lill-kelb tiegħu Rex.

Mario kiteb hekk “Kumbinazzjoni il-file personali tax-xogħol ta’ Norman mar il-Ministeru ta' Manwel Mallia. Kumbinazzjoni is-Segretarju Permanenti maħtur minn Joseph Muscat kellu ħafna telefonati. Kumbinazzjoni l-Kummissarju Peter Paul Zammit maħtur mill-Prim Ministru Muscat ried lil Norman lura jittimbra l-passaporti. Anki l-kelb tiegħi Rex jaf li it-transfer ta' Norman ma kienx kumbinazzjoni iżda vendikazzjoni.”

No comments:

Post a Comment