L-istorja tal-fabbrika
tal-kanċer li tant qalilna Joseph Muscat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali ma
kienetx għajr fabbrikazzjoni. Illum għandna l-provi li dak li tant għajjar bih lill-Gvern Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali ma
kienx għajr gidba ħoxna.
Nhar l-Erbgħa l-Eurostat ippubblikat figuri li
juru li s-sena li għaddiet l-emissjonijiet fl-arja ta’ carbon dioxide (CO2) naqsu b’6.8%. Dan ifisser tnaqqis ta’ 184,000
tunnellata ta’ emissjonijiet fl-arja tagħna.
U dan kollu ġara bl-investiment li Gvern Nazzjonalista għamel f’power station ġdida li tant kienet ikkritikata mill-Partit Laburista.
U dan kollu ġara bl-investiment li Gvern Nazzjonalista għamel f’power station ġdida li tant kienet ikkritikata mill-Partit Laburista.
L-iktar li tiddiżgustani f’din l-istorja
kollha hija li Muscat ma skrupla xejn juża l-marda tal-kanċer, li tant iġġib
tbatija, biex jagħmel il-kampanja qarrieqa tiegħu.
Fiż-żmien li ġej nistennew li l-emissjonijiet
ikomplu jonqsu wkoll bis-saħħa ta’ investiment li Gvern Nazzjonalista għamel
bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej – l-interconnector bejn Malta u Sqallija.
Grazzi għal dawn l-investimenti l-Enemalta
qiegħda wkoll tiffranka l-flus. Kien il-Gvern Laburista stess li stqarr li
l-power station li ħalla Gvern Nazzjonalista tant hija iktar effiċjenti li
permezz tagħha l-Enemalta qed tiffranka miljun Ewro fil-ġimgħa.
UNJONI EWROPEA
Il-Prim Ministru jrid jiffabbrika wkoll
l-istorja li għaddejna minnha. Il-ġimgħa l-oħra reġa’ qal li fl-2003 il-Partit
Laburista kien irrikonoxxa l-għażla tal-poplu favur sħubija fl-Unjoni Ewropea. Joseph
Muscat irid inessina l-famuża dikjarazzjoni ta’ sieħbu Alfred Sant li kien ħareġ
jgħid li r-referendum intrebaħ mill-Partnership.
Muscat iridna nħassru l-memorja li għadha ċara
f’moħħna taċ-ċelebrazzjonijiet li saru dakinhar quddiem il-kumpless tas-Super
One (fejn kien jaħdem hu) fil-Marsa.
Muscat iridna ninsew ukoll li d-Deputati
kollha tal-Partit Laburista fil-Parlament kienu ivvotaw kontra t-Trattat ta’
Sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dan minkejja r-riżultat tar-referendum u minkejja li
dan ir-riżultat kien konfermat b’elezzjoni ġenerali. Joseph Muscat innifsu kien
ta partir lid-Deputati tal-Labour biex jivvotaw kontra fil-Parlament.
Wara li ttieħed il-vot, Joseph Muscat kiteb fil-ġurnal
‘l-orizzont’ u stqarr li “ħadt pjaċir li
l-Grupp Parlamentari Laburista ddeċieda li jivvota kontra t-Trattat tas-Sħubija
ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Kont ilni ġimgħat sħaħ nikteb favur li l-partit
jieħdu din il-pożizzjoni, jiġifieri li jivvota kontra… B’din il-pożizzjoni,
qegħdin inkunu fidili lejn dawk kollha li vvotaw għall-Partit Laburista. Ħriġna
ta’ nies ta’ kelma ma’ dawn il-persuni.” (25 ta’ Ġunju 2003)
PROTESTA
Fabbrikazzjoni oħra
ta’ Muscat hija li Gvern Laburista raħħas il-prezzijiet tal-fuels u tal-gass. Il-verità hi li l-prezzijiet
li għadu kif ħabbar b’tant pompa l-Prim Ministru huma ferm iktar għoljin minn
meta l-istess Joseph Muscat, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, niżżel in-nies
jipprotestaw fit-toroq tal-Belt Valletta qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Illum il-prezz ta’
litru petrol huwa 13-il ċenteżmu iktar minn dakinhar. Illum litru diesel iqum
15-il ċenteżmu iktar minn dakinhar. Illum ċilindru gass ta’ 12-il kilogramma jqum
€1.10 iktar minn dakinhar.
Minfuq Joseph
Muscat iridna ngħidulu grazzi!
EŻAĠERAZZJONI
Flimkien mal-Viċi Kap
Beppe Fenech Adami, mad-Deputat Marthese Portelli u mal-Kandidat Kevin
Plumpton, ħadt sehem f’konferenza għall-aħbarijiet quddiem Kastilja. Lejliet
iltqajna biex niddiskutu dak li konna se nħabbru lill-ġurnalisti. Ma konniex se
nkellmuhom fuq żewġ ċenteżmi imma fuq 8 miljuni u nofs – 8 miljuni u nofs aktar
fis-sena minn flusek biex Muscat isostni l-ikbar kabinett fl-istorja ta’
pajjiżna.
Aħna u niddiskutu
ftakart fi programm li kont għamilt qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. F’isem
il-Partit Laburista kien qed jieħu sehem dak li kien il-Whip tal-Grupp
Parlamentari, Carmelo Abela. Id-diskussjoni kienet dwar il-ħlas tal-politiċi.
Niftakarni nargumenta
ma’ Carmelo Abela li jekk il-Ministri ma jieħdux l-onorarja, iżda jiżdied
in-numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari, il-poplu se jkun qed iħallas
iktar. Għidtlu li jekk ikun hemm bejn 15 u 20 membru fil-Kabinett l-ispiża se
tkun ferm akbar. Niftakar lil Abela joġġezzjona għal dan in-numru. Qalli biex
ma neżaġerax għax jekk neżaġera tikber in-nefqa.
Ftit ġimgħat wara dan
il-programm Muscat ħatar kabinett ta’ 23 Ministri u Segretarji Parlamentari.
Spiża ta’ 100 miljun Ewro f’ħames snin. X’eżaġerazzjoni!
NILTAQGĦU
F’dawn il-ġimgħat ta’ kampanja elettorali qed
nieħu gost ħafna niltaqa’ magħkom u nisma’ dak li għandkom xi tgħidu. Żort kull
lokalità f’Malta u Għawdex iżda ovvjament ma stajtx niltaqa’ ma’ kulħadd. Għal
dawk li jixtiequ jiltaqgħu miegħi qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se
nkun qed norganizza l-aħħar żewġ laqgħat f’każini tal-Partit Nazzjonalista kif
ġej: Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Mejju se nkun iż-Żurrieq u t-Tlieta 20 ta’ Mejju se
nkun Ħaż-Żebbuġ. Iż-żewġ laqgħat jibdew fit-8pm.
Naturalment se nkun qed nattendi wkoll
għall-attivitajiet kollha li se jkun qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista
f’dawn il-ġranet. Narakom!
No comments:
Post a Comment