F’attività tal-Partit Laburista fl-Imqabba, il-Prim Ministru Joseph Muscat għammed lill-bijografu tiegħu Cyrus Engerer bħala “suldat tal-azzar”. Dr Muscat għamel din id-dikjarazzjoni l-għada li l-istess Cyrus Engerer instab ħati ta’ reat kriminali u għalih ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi.
L-ewwel darba li ntużat
il-frażi “suldati tal-azzar” kien fis-snin sittin. Il-Perit Duminku Mintoff, dak
iż-żmien mexxej tal-Partit Laburista, kien sejjaħ hekk lil dawk li vvotaw
lill-partit tiegħu minkejja li l-Arċisqof kien qalilhom li jekk jagħmlu hekk
ikunu qed jagħmlu dnub.
Il-ġlieda
politiko-reliġjuża tas-snin sittin seħħet f’Malta ferm differenti minn dik li qed
ngħixu fiha llum. Biżżejjed ngħidu li dak iż-żmien pajjiżna kien għadu kolonja
tar-Renju Unit u li l-influwenza tal-Knisja fuq il-poplu kienet bil-qabda ikbar
milli hi llum. Mhux l-iskop ta’ dan l-artiklu li niddiskuti l-istorja li seħħet
fis-snin sittin jew li ngħid min kellu l-aktar raġun u min kellu l-aktar tort.
Li hu żgur hu li dawk
li Mintoff iddeskriva bħala suldati tal-azzar kienu nies li emmnu f’ideal u
ġġieldu għalih. Is-suldati tal-azzar ma kienux nies misjuba ħatja ta’ reati
kriminali. Għaldaqstant inħoss li din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tinsulenta
bil-kbir lil dawn in-nies, lil dak li rrapreżentaw, lil dak li emmnu u li ġġieldu
għalih tul ħajjithom.
Dan il-Prim Ministru
għandu ħabta jinsulenta l-memorja storika tagħna. Bid-dikjarazzjonijiet li
jagħmel inħoss li qisu jrid jikteb l-istorja ta’ pajjiżna mill-ġdid, biex jagħmilha
ddoqq iktar għal widnejh.
F’din il-kampanja
elettorali qalilna li l-ħamsa u għoxrin sena li matulhom il-poplu tagħna għażel
gvernijiet Nazzjonalisti kienu snin ta’ “kastig”. Għall-preċiżjoni, il-Prim
Ministru Muscat kien qed jgħid lill-Laburisti li min minnhom ma jmurx jivvota
fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt se jkun qed “jagħmel pjaċir lil min ikkastigah
għal 25 sena sħaħ”.
B’dan id-diskors lil Dr
Muscat waqgħatlu għal kollox il-maskra ta’ politiku moderat u nkixef
il-politiku estremisti li tassew hu.
Il-Prim Ministru kixef
ukoll idejh dwar kif tassew jaħsibha fuq l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni
Ewropea. Qalilna bla tlaqlieq li jqis il-frott tal-isħubija bħala “kastig”. Bi
kliemu Joseph Muscat ikkonferma li għadu jaħsibha l-istess bħal meta kien
qalilna li l-isħubija fl-Unjoni Ewropea se tkun “is-salib tal-millennju”. Għadu
jaħsibha l-istess bħal meta ftaħar li l-vot tiegħu għar-referendum dwar sħubija
fl-Unjoni Ewropea poġġieh frame.
Għadu jaħsibha bħal meta kien jippreżenta l-programm “Made in Bussels”.
Bil-maqlub, il-Partit
Nazzjonalista jemmen bis-serjetà li Malta hija aħjar fl-Unjoni Ewropea.
Aħna nemmnu li Malta tkun
aħjar jekk int u familtek, bi dritt, tiġu l-ewwel u mhux tal-familja, tal-billboards
u tal-qalba. Malta aħjar hija Malta fejn l-opportunitajiet ikunu hemm għal
kulħadd, fejn ix-xogħol ikun hemm għal kulħadd.
Malta aħjar hija Malta
mibnija fuq is-serjetà u mhux fuq il-gimmicks
u l-press conferences ta’ żewġ
ċenteżmi. F’Malta aħjar il-libertà u d-diversità fl-opinjonijiet politiċi tkun
iċċelebrata u mhux imkasbra bi transfers, diskriminazzjoni u vendikazzjonijiet.
Malta aħjar hija Malta
mibnija fuq ir-rispett u t-tħaris tas-sewwa
u tal-verità. Jien irrid inkun suldat tal-azzar li naħdem
għal Malta Aħjar.
No comments:
Post a Comment