L-aħbar it-tajba li tant żammna mdendlin nistennew il-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienet xejn għajr prova oħra ta’ kemm dan il-Gvern qed jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien.
Ibda biex il-konferenza
għall-aħbarijiet li għamel nhar l-Erbgħa l-Prim Ministru ħaditni lura fi
tfuliti. Dak iż-żmien il-Gvern kien jgħoxa jħabbar lill-poplu l-prezz ta’ landa
corned beef, bott tonn taż-żejt u l-kumplament tax-xirja. Kien ukoll f’dak
iż-żmien, xi tletin sena ilu, l-aħħar li smajt Prim Ministru jitkellem fuq
il-milleżmi.
Ngħid id-dritt, dak
iż-żmien ma konniex nafu aħjar. Iżda mur għidli li tletin sena wara kelli
nerġa' nara Prim Ministru Malti jsejjaħ lill-ġurnalisti biex iħabbar roħs
fil-petrol ta’ 7 milleżmi (tal-Lira Maltija).
Biex tkompli tgħaxxaqha
dawn is-7 milleżmi li raħħas huma l-istess 7 milleżmi li l-Prim Ministru kien
għolla xahar qabel. Din iż-żieda fil-prezz tal-petrol kienet tħabbret b’sempliċi
stqarrija maħruġa mill-Enemalta fl-aħħar ta’ Marzu. Xahar eżatt wara l-Prim
Ministru ħass li kellu jsejjaħ lill-ġurnalisti u jarma warajh il-bnadar ta’
Malta u tal-Unjoni Ewropea biex iħabbar li raħħas il-petrol bl-istess 7
milleżmi li hu stess, b’sempliċi stqarrija, kien għolla xahar qabel.
L-ingann huwa ikbar
minn hekk. Bi ftit minuti ta’ riċerka fuq l-internet sibt li l-prezzijiet li
kien għadu kif ħabbar il-Prim Ministru huma ħafna iktar għoljin minn meta
l-istess Joseph Muscat, bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien niżżel in-nies
jipprotestaw fit-toroq tal-Belt Valletta għax il-prezzijiet tal-fuel kienu għoljin
eżagerati.
Fil-fatt il-prezz ta’
litru petrol illum huwa 13-il ċenteżmu iktar minn meta Joseph Muscat bħala Kap
tal-Oppożizzjoni niżżel in-nies jipprotestaw fit-toroq f’Jannar 2011. Il-prezz
tad-diesel ukoll huwa iktar għoli. Meta Muscat bħala Kap tal-Oppożizzjoni
niżżel in-nies jipprotestaw fit-toroq id-diesel kien 15-il ċenteżmu orħos għal
kull litru milli hu llum.
Dakinhar li l-prezz
kien ferm orħos mil-lum, Joseph Muscat kien qal lill-folla rrabjata li l-prezz
huwa għoli minħabba l-ineffiċjenza tal-Gvern u l-korruzzjoni fost oħrajn.
Nhar l-Erbgħa l-Prim
Ministru ftaħar li dawn il-prezzijiet se jibqgħu kif inhuma sal-aħħar tas-sena
– la se jogħlew u lanqas se jorħsu – jiġri x’jiġri fis-swieq u fir-rati
tal-kambju. Dan ifisser li l-Prim Ministru assigura li sal-aħħar ta’ Diċembru
lkoll kemm aħna se nkunu qed inħallsu prezz ferm iktar għoli għall-fuel minn
meta hu sejjħilna biex nipprotestaw fi Triq ir-Repubblika.
Nhar l-Erbgħa l-Prim
Ministru ħabbar ukoll tnaqqis fil-prezz tal-gass. Qalilna li dan it-traħħis se
jkun effettiv biss sal-aħħar ta’ Settembru. Issa lkoll nafu li bejn illum u l-aħħar ta’ Settembru l-konsum tal-gass
fid-djar jonqos drastikament u allura tonqos ukoll id-domanda għalih. Fl-ewwel
lezzjoni bażika tal-ekonomija jgħallmuk li meta d-domanda tonqos, il-prezz
jonqos magħha. Allura Muscat mhu qed jagħmel assolutament xejn speċjali. Anzi,
il-probabiltà hi li meta nerġgħu niġu bżonn il-gass f’Ottubru se nsibuh ferm
iktar għoli milli ħabbar il-Prim Ministru nhar l-Erbgħa.
Iżda anki dwar il-prezz
tal-gass ‘imraħħas’ fittixt u sibt l-ingann. Il-prezz tal-gass il-ġdid li ħabbar il-Prim
Ministru Muscat ukoll huwa iktar għoli minn meta hu bħala Kap tal-0ppożizzjoni
niżżel in-nies jipprotestaw fit-toroq. Fil-fatt ċilindru gass ta’ 12-il
kilogramma llum iqum €1.10 iktar minn dakinhar.
F’attività oħra li
saret nhar il-Ġimgħa, il-Prim Ministru ħabbar xi miżuri u inizjattivi li
biħsiebu jieħu taħt dik li sejjaħ bħala ‘politika nazzjonali tax-xogħol’.
Proposta li malli
taraha taħsibha aħbar tajba hija dik li min jaqla’ biss il-paga minima jingħata
‘top-up’ fi flus mingħand il-Gvern. Bdanakollu, jekk din il-miżura tiġi
implimentata kif intqal nhar il-Ġimgħa tkun qed tinħoloq inġustizzja bejn
id-diversi kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom dħul baxx.
Dan il-għaliex
il-ħaddiema li llum jaqilgħu biss ftit iktar mill-paga minima, se jispiċċaw
isiru dawk li jaqilgħu l-inqas. Per eżempju, jekk din it-‘top-up’ tkun ta
€1,500 fis-sena, dawk li llum jaqilgħu biss €500 iktar mill-paga minima se jispiċċaw
jaqilgħu €1,000 inqas minn min qiegħed fuq il-paga minima.
Proposta oħra li
tolqot l-għajn hija dik li l-leave tal-maternità jitħallas kollu kemm hu
mill-Gvern. Pero’, biex dan ikun jista’ jsir il-Gvern qed jgħid li se jkolli jgħolli
l-bolla li titħallas minn min iħaddem fuq kull ħaddiem.
Personalment
naqbel fil-prinċipju li l-leave tal-maternità għandu jitħallas mill-istat, kemm
fis-settur pubbliku, kif ukoll fil-privat, iżda ma naħsibx li dan huwa l-mument
opportun li fih jiżdied il-ħlas tal-bolla lil min iħaddem.
No comments:
Post a Comment