Rapport ta' inewsmalta
Norman Vella, li kien wieħed mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista
fl-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda għall-Parlament Ewropew, qal li l-PN
għandu problemi kbar li jinħtieġu soluzzjonijiet kbar. Huwa saħaq ukoll
li t-telfa tal-PN din id-darba kienet saħansitra akbar minn dik
tal-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Fi status li tella' fuq Facebook dallejl, Vella qal hekk: “Inqis
it-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt bħala
telfa ikbar minn dik tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Indipendentement minn x'għamel u m’għamilx il-Gvern Laburista f’din
l-ewwel sena tiegħu, huwa stat ta’ fatt li l-partit tagħna għandu
problemi kbar mal-elettorat. Problemi kbar jeħtieġu soluzzjonijiet kbar.
Kuraġġ.”
Mistoqsi fuq Facebook stess minn xiex jaħseb li l-PN għandu jibda,
Vella wieġeb li, “X'naħseb jien mhux importanti. L-iktar importanti
f'dan l-istadju hu li naċċettaw li għandna problemi li jeħtieġu
soluzzjoni u li nkunu lesti għall-bidliet li hemm bżonn isiru.”
Żied jgħid li, “Jeħtieġ nifhmu iktar is-soċjetà Maltija u l-ħtiġijiet u
l-aspirazzjonijiet tagħha u nipprovdu politika u viżjoni għaliha
filwaqt li nibqgħu viġilanti għal dak kollu li jkun qed jagħmel
il-Gvern.”
Vella qal li kieku ma jemminx f'Simon Busuttil ma kienx jikkontesta
l-elezzjoni. B'referenza għal dak li qal Busuttil ilbieraħ fiċ-ċentru
tal-għadd tal-voti, Vella sostna li “jeħtieġ iktar żerriegħa li jekk
jista' jkun ittina l-frott f'inqas żmien.”
No comments:
Post a Comment