Monday, May 5, 2014

Telefonata

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 5 ta' Mejju 2014

“Hello, hawnhekk mill-Partit Laburista. Qed inċempillek biex nistaqsik għandekx bżonn xi ħaġa?”

Jekk int wieħed jew waħda li rċevejt din it-telefonata kun af li m’intix waħdek. F’dawn il-ġranet iltqajt ma’ bosta persuni li qaluli li ċemplulhom tal-Labour jistħarrġu l-bżonnijiet tagħhom. It-telefonata dejjem tispiċċa b’appell biex fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju tivvota lill-kandidati kollha Laburisti.

Jidher ċar li l-partit li tant iħobb ipinġi lilu nnifsu modern u progressiv irid jirbaħ il-voti bil-klijenteliżmu. Il-Partit (u l-Gvern) Laburista għal darb’oħra qed juri li mhux bi ħsiebu jqassam b’ġustizzja u skont il-mertu, lil min għandu dritt, imma se jippreferi lil dawk li meta jċemplilhom jgħidulu x’għandhom bżonn. U m’għandix dubju li dawn se jkunu kollha nies tal-qalba.

PAPALI

Waqt il-kanonizzazzjoni storika ta’ żewġ Papiet fil-preżenza ta’ żewġ Papiet, l-istat u l-Gvern Malti ma kienu rappreżentati minn ħadd. Il-Kap tal-Istat Malti - il-President - iddeċidiet li ma tmurx. Bir-rispett kollu dovut, l-iskuża li ħareġ l-uffiċju tagħha għal dan in-nuqqas kompliet biss tikkonferma li ma kien hemm ebda raġuni valida għall-assenza tagħha.

Il-Prim Ministru wkoll iddeċieda li ma jmurx. Qalilna li minfloku bagħat lil martu Michelle Muscat. Għal darb’oħra bir-rispett kollu, Michelle Muscat m’għandha l-ebda rwol li tirrapreżenta lill-Gvern Malti. L-okkażjoni ma kienetx xi magħmudija jew preċett li għaliha kien mistieden Joseph Muscat, imma kienet waħda li għaliha kien mistieden il-Prim Ministru ta’ pajjiżna bħala l-Kap tal-Gvern Malti.

Għaldaqstant, jekk il-Prim Ministru ma riedx imur, kellu jibgħat minfloku lil xi ħadd li jirrappreżenta lill-Gvern Malti (bħall-Viċi tiegħu) u mhux xi ħadd li jirrappreżenta lil Joseph Muscat bħala individwu.

Kien biss il-Parlament li kien rappreżentat fil-Vatikan. Iżda ġara li meta l-ispeaker Anġlu Farrugia kien biss ftit passi bogħod mill-Papa Franġisku, fettillu jċempel lis-segretarja. Dr Farrugia kien beżżul biżżejjed li nqabad f’ritratt ippubblikat minn ġurnal Taljan hu u jagħmel din id-daqsxejn ta’ telefonata. Kif jgħidu, waqa’ waħda għaċ-ċajt papali.

SAĦĦA MENTALI

F’dawn l-aħħar ġimgħat ġejt wiċċ imb’wiċċ ma’ ħafna familji Maltin u Għawdxin li għaddew jew għaddejjin minn tbatijiet kbar minħabba problemi ta’ saħħa mentali. Il-mard kollu ikrah u kollu jġib miegħu tbatija kbira. Il-mard mentali mhux inqas. Problema ta’ saħħa mentali tħarbat il-ħajja kollha tal-pazjent, tal-familja tiegħu u tan-nies ta’ madwaru.

Il-mard jolqot l-oqsma kollha tas-socjeta. Il-mard m’għandux razza jew reliġjon u lanqas m’għandu kulur politiku. Għalhekk inħoss li huwa ta’ għajb u ta’ skandlu kbir li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħalla lil dan il-qasam jintrikeb mill-politika partiġġjana ta’ transfers vendikattivi, ħatriet politiċi u negliġenza anki fl-aktar affarijiet bażiċi.

Sfortunatament, l-enerġija pożittiva tal-Prim Ministru fissret li l-Isptar Monte Karmeli reġa’ beda jintuża bħala post tal-kastig għall-ħaddiema mhux tal-qalba. L-enerġija pożittiva tal-Prim Ministru fissret li f’sena tbiddlet l-istruttura tas-servizzi fil-komunità darbtejt. L-enerġija pożittiva tal-Prim Ministru fissret li kandidat Laburista nħatar biex imexxi s-settur u twarrbet persuna kompetenti u kapaċi li l-uniku ħtija tagħha hija li mhix “tal-qalba”.

L-enerġija pożittiva tal-Prim Ministru tfisser li llum għandna diversi professjonisti fis-settur, bħas-social workers, li ma jafux x’se jsir minnhom għada. L-enerġija pożittiva tal-Prim Ministru tfisser li l-aktar affarijiet bażiċi fis-settur huma nieqsa, inkluż il-mediċini li jippermettu lill-marid itaffi ftit mit-tbatija li jkun għaddej minnha.

Jekk hemm settur li żgur qatt ma kellu jkun użat għal skopijiet politiċi partiġġjani dan huwa l-qasam tas-saħħa mentali. Jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandu ebda skruplu jippolitiċizza dan is-settur, allura m’hemmx dubju li l-enerġija kollha tiegħu se jkompli jużaha biex jirrombla u jgħaffeġ minn fuq kulħadd.

PENDENTI

Waqt li kont qed indur id-djar fin-naħa t’isfel ta’ Malta ltqajt ma’ persuna li qed tbati minn infezzjoni fil-musrana. Qaltli li l-mediċina li ordnawlha mill-isptar  - Pentasa Mesalazine Enema - ilha out of stock, jew pending order, iktar minn 3 xhur. Qaltli li mingħajr din il-mediċina qed tipporga d-demm kuljum. It-tobba qalulha li mingħajr din il-mediċina qiegħda f’riskju li jiżviluppalha kanċer fil-musrana. Din il-persuna qaltli din l-istorja bid-dmugħ f’għajnejha.

Tgħid jekk taqbeż qabża sal-każin tal-Labour issibilhom minn din il-mediċina?

POŻITTIVI

“Buffu, Pulċinell, Kummidjant, Miskin, Baħnan, Nazist”.

Dawn huma ftit mill-aġġettivi li kitbu dwari ċertu individwi fis-sit propjetà tal-General Workers’ Union, inewsmalta.com taħt intervista li saret miegħi. Tassew huma nies li jgħożżu l-valuri tal-libertà tal-espressjoni. Tassew huma nies li għandhom għal qalbhom il-valuri tad-demokrazija. Tassew huma nies b’mentalità Ewropeja. Tassew huma nies mimlijin “enerġija pożittiva”!

No comments:

Post a Comment