Monday, May 19, 2014

Kastig

Artiklu ppubblikat fil-gazzetta IN-NAZZJON tat-Tnejn 19 ta' Mejju 2014

F’din il-kampanja elettorali mimlija “enerġija pożittiva”, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-25 sena li pajjiżna u l-poplu tagħna għamel taħt tmexxija ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti bħala “kastig”. Biex inkun preċiż huwa qal lill-folla ta’ partitarji Laburisti miġbura f’Ħal Tarxien li min minnhom ma jmurx jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej se jkun qed “jagħmel pjaċir lil min ikkastigah għal 25 sena sħaħ”.

Din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tfisser li kull min ivvota lill-Partit Nazzjonalista fl-1992, fl-1998, fl-2003 u fl-2008 għażel Gvern li kien qed jikkastigah. Fost dawn il-“kastigi” hemm il-kisba tad-demokrazija, il-pluraliżmu fix-xandir, il-ħolqien ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol, il-kisba tal-libertà, l-eluf ta’ proġetti li mmodernizzaw lil pajjiżna, il-twelid u t-tisħiħ tal-kunsilli lokali, il-liberalizzazzjoni tal-ekonomija, l-eluf ta’ operazzjonijiet u servizzi oħra tas-saħħa fi sptar u faċilitajiet state of the art, il-ftuħ tal-Università għal kulħadd, il-ftuħ mill-ġdid tal-MCAST u l-bini ta’ iskejjel ġodda mimlijin apparat u faċilitajiet moderni u mitt ħaġa oħra.

Fost dawn il-“kastigi”, 10 snin ilu kellna wkoll l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

UNJONI EWROPEA

Fil-kampanja referendarja għall-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea Joseph Muscat kien sejjaħ is-sħubija “is-salib tal-millennju”. Wara r-referendum Muscat ftaħar li l-vot tiegħu poġġieh fi frame. Illum, 10 snin wara, Muscat bħala Prim Ministru ta’ pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea qed isejjaħ l-isħubija “kastig”.

Għall-Prim Ministru l-mijiet ta’ kilometri ta’ toroq ġodda li saru bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej huma “kastig”. Għal Muscat l-MCAST il-ġdid u l-isptar tal-kura tal-kanċer li dalwaqt se jiftaħ hu huma riżultat ta’ “kastig”. Għall-Prim Ministru l-eluf ta’ studenti Malti li qed jistudjaw f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea qed jiġu “kastigati”.

Skont il-Prim Ministru l-investiment enormi li sar fit-tisfija tad-drenaġġ li b’riżultat tiegħu għandna l-iktar baħar nadif fil-Mediterran huwa “kastig”. L-istess jaħsibha l-Prim Ministru dwar l-investiment qawwi bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej fl-Università, fil-qasam tas-saħħa, fil-provvista tal-enerġija, fit-trattament tal-iskart, fl-ispazji pubbliċi, fir-restawr ta’ bini u wirt storiku u fis-swar tal-bliet tagħna fost ħafna proġetti oħrajn.

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa “kastig” il-fatt li llum għandna l-munita Ewro fil-but. Skont Dr Muscat huwa “kastig” il-fatt li llum għandna suq ta’ 500 miljun ruħ fejn nistgħu nbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħna mingħajr xkiel. Għall-Prim Ministru huwa “kastig” li llum tista’ tivjaġġa liberament u anke taħdem fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Skont Joseph Muscat huma “kastig” l-għajnuniet għall-industriji tagħna u l-ħolqien ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol li nħolqu f’niċeċ ġodda li ma kienux ikunu possibbli kieku għażilna triq oħra għal pajjiżna.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat imissu jistħi li għamel dikjarazzjoni bħal din. Il-Prim Ministru m’għandu l-ebda dritt jipprova jibdel l-istorja li għixna flimkien. Muscat m’għandu l-ebda dritt jinsulenta l-memorja tagħna b’dan il-mod.

ELITE

Din il-ġimgħa qrajna li wħud mill-billboards li kien qed juża l-Gvern issa qed jintużaw minn ditti privati biex jirreklamaw il-prodotti tagħhom. Il-gazzetta The Malta Independent ippubblikat ritratt ta’ wieħed minn dawn il-billboards li sebaħ b’reklam ta’ ditta tat-tonn taż-żejt stampat fuqu. Din id-ditta jisimha ‘Elite’. Bil-Malti il-kelma ‘Elite’ tista’ tinqaleb għal ‘tal-qalba’.

Tassew ma setgħux isibu slogan iktar addattat għal billboard tal-Gvern Laburista.

KURAĠĠ

Dan huwa l-aħħar artiklu tiegħi qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. L-islogan li għażilt għal din il-kampanja huwa ‘Kuraġġ’. Għażilt din il-kelma għax kienet l-iktar waħda li għidtuli intom meta matul dawn ix-xhur kont qed naqla’ d-daqqiet taħt iċ-ċintorin mingħand il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

“Kuraġġ” għidtuli meta ltqajtu miegħi u taptaptuli fuq dahari. “Kuraġġ” ktibtuli fuq Facebook u fuq il-messaġġi li bgħattuli fuq il-mobile.

Kontu intom li għamiltuli kuraġġ meta l-Gvern Laburista neħħieni mix-xandir u fetaħ attakk feroċi fuqi bil-media biex jiġġustifika d-deċiżjoni vendikattiva li kien ħa.

Kontu intom li għamiltu kuraġġ lili u lill-familja kollha tiegħi meta sar rapport falz fuqi u ġejt arrestat għalxejn fuq il-post tax-xogħol ftit ġranet biss wara li ftaħt kawża ta’ diskriminazzjoni politika kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-kuraġġ li għamiltuli rrid issa nroddu lura. Kien għalhekk li ddeċidejt li nidħol għall-kandidatura għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

NHAR IS-SIBT

Dan huwa mument diffiċli għall-Partit Nazzjonalista. Dan il-partit ġej minn telfa elettorali kbira u qed jikkompeti ma’ magna ta’ propaganda qawwija, sinjura u bla skrupli. Kien jeħtieġ ħafna kuraġġ biex wara sena fl-Oppożizzjoni nidħlu għal sfida elettorali nazzjonali daqstant diffiċli bħall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

B’kuraġġ, il-ħdax-il kandidat, it-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-mijiet ta’ voluntiera Nazzjonalisti f’dawn l-aħħar ġimgħat ħadmu bla waqfien biex nhar is-Sibt nikbu r-riżultat li jixirqilna. Issa jmiss lill-kumplament tal-poplu li nhar is-Sibt isib il-kuraġġ u jagħmel id-differenza, bil-vot tiegħu.

Nhar is-Sibt jeħtieġ li nagħtu sinjal ċar lill-Gvern Laburista u nuruh li jagħmel x’jagħmel mhux se jintimidana. Bil-vot tagħna rridu ngħidulu ċar u tond li mhux se nħalluh jirrombla aktar minn fuqna.

Nhar is-Sibt se nagħżlu r-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew. Il-vot tagħna huwa l-vuċi tagħna. Jeħtieġ nagħżlu vuċijiet kuraġġużi, li ma jbaxxux rashom għad-diktat tal-Gvern, imma jkunu tassew rappreżentanti b’saħħithom tal-poplu kollu, anke f’livell ta’ Unjoni Ewropea.

Il-vot tagħna għandu jservi wkoll bħala vot ta’ fiduċja fil-ħidma ta’ tiġdid li wettaq il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sena. Jeħtieġ nagħtu prova li dan il-partit huwa ħaj, mimli enerġija u entużjażmu u li huwa lest biex jerġa’ jkun partit rebbieħ.

Bħalma kkonvinċejna ‘l bieraħ jien konvint li nistgħu nikkonvinċu llum u għada. Bħalma rbaħna ‘l bieraħ jien konvint li nistgħu nirbħu għada.

Kuraġġ.


No comments:

Post a Comment