Sunday, October 30, 2011

Tibqgħux kompliċi tal-ħallelin


Ġej Budget ieħor. U fuq il-venda kulħadd jispekula biex ħiereġ Tonio Fenech. Budget li jħejji t-triq għall-elezzjoni? Budget bħal ta’ barra, b’iktar taxxi? Budget li fih se jitwettqu xi nofs tużżana wiegħdi li ilhom fuq l-ixkaffa mill-2008?

Għidtilhom id-dritt bħal dejjem: Jien niġi naqa u nqum tinżammx il-wiegħda ta’ GonziPN li jnaqqas it-taxxa ta’ min jaqla’ l-aktar minn 35% għal 25%. Min f’pajjiżna għandu l-problemi biex jgħix x’aktarx diġa ma jħallasx ċenteżmu income tax. Imma xorta għandu l-problemi. U huma l-problemi ta’ dawn in-nies li Fenech (u Gonzi) għandhom jindirizzaw. Jekk hemm xi ftit bżar, Tonio Fenech għandu jroxxu fil-platt ta’ dawn in-nies, anki jekk ikollu lil kulħadd jgħajjru li ma żammx kelmtu mal-middle (upper) class.

Monday, October 24, 2011

Helena Dalli mhix tgħid il-verita'

Helena Dalli fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista qed titkaża li qabel l-elezzjoni tal-2008 Peppi Azzopardi ltaqa’ ma’ Jeffrey Pullicino Orlando u wara mar jagħmilha ta’ moderatur f’dibattitu bejn il-Prim Ministru Gonzi u l-Kap tal-Oppozizzjoni Sant. Din hija invenzjoni.

Wednesday, October 19, 2011

Il-konsistenza ta’ Gino Cauchi

Kont bi ħsiebni nżerżaq żewġ linji fuq kemm hu ipokrita` l-Membru Parlamentari Laburista Gino Cauchi imma f’wiċċi se jibqa’. Se jkolli nagħlaq ħalqi u nibla kollox.

Bil-libsa ta’ shadow minister Laburista għax-xandir Gino Cauchi bħalissa qed imexxi kampanja kontra dawk li jippreżentaw xi programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon tal-istat u għandhom l-ardir jistqarru pubblikament l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Tgħidx kemm tkaża Gino għax Lou Bondi stqarr li Joseph Muscat għadu ma kkonvinċiehx biżżejjed u jekk issir elezzjoni għada jivvota lill-PN. Tant ħadha bi kbira dan Gino li sejjaħ press conference u talab l-intervent tal-Awtorita` tax-Xandir.

Tuesday, October 18, 2011

Mistoqsijiet kruċjali lil Joseph Muscat

Fil-programm Inkontri tal-bieraħ Joe Grima stqarr kemm ħassu skandalizzat bil-mistoqsijiet li Peppi Azzopardi għamel lil Joseph Muscat meta f'Gunju li għadda kien mistieden fil-programm Xarabank. Skont Joe Grima, huwa skandlu li lill-Kap tal-Oppozizzjoni tistaqsieh x'se jagħmel meta jkun Prim Ministru u kif bi ħsiebu jsolvi l-problemi tal-pajjiz.

Il-ġurnalist indipendentissimu

Fi blog li ktibt din il-ġimgħa pruvajt nispjega li l-kelma indipendenti mhix sinonima ta’ Laburist. Imma lil tal-ONE TV ħadd ma qalilhom b’din l-iskoperta tiegħi u llejla reġgħu fattruha.

Allura ġara li fil-programm tal-prime time il-preżentatur preżenta lil Godfrey Grima bħala ġurnalist indipendenti. Apparti li l-preżentatur inzerta ħu l-indipendentissimu Godfrey. Apparti li ħu Godfrey inzerta kien Ministru fi żmien fejn ix-xandir tant kien indipendenti (Laburist) li kien projbit li jissemma isem Eddie Fenech Adami. Apparti dan kollu, illejla jista’ jkun li b’indipendenti Joe Grima ma riedx iffisser biss Laburist imma Laburist minn tal-leader.

Sunday, October 16, 2011

Il-lingwa tal-Laburisti

Peress illi naf b’bosta (fosthom jien) li ma joqgħodux jaħlu ħinhom jaqraw kull artiklu li jinkiteb, inħoss li għandi niġbed l-attenzjoni għal artiklu li ġie publikat il-bieraħ (is-Sibt) fil-gazzetta "indipendenti" ta’ Tony Zarb. L-iktar li impressjonani f’dan l-artiklu mhuwiex il-kontenut (li huwa ribattibbli mill-bidu sal-aħħar u miżgħud gideb) imma l-lingwaġġ ta’ mibgħeda, vendikazzjoni u istigazzjoni li bih twassal dan il-kontenut. Se nirriproduċieh sħiħ mingħajr ċensura.

Saturday, October 15, 2011

Air Show: Xi jgħidu l-Kunsilli u l-MPs?


Illum kellna inċident ieħor f’Air Show, din id-darba fiċ-Ċina.

Ma rridx nagħti l-impressjoni li kull meta se jkun hemm xi inċident se nkun qed nifraħ bih biex ningħata raġun għal dak li ktibt f’dan il-blog qabel l-Air Show ta’ Malta. Pero` rrid ngħid li fost min ikkummenta f’dan il-blog biex jiddefendi l-akrobaziji tal-ajruplani, kien hemm min qal li dawn ma jsirux fuq id-djar tan-nies. Din mhix għajr gidba faħxija.

Friday, October 14, 2011

Devil’s Double Malta Experience


Latif Yahia - dak li kien imġiegħel ikun is-sosja ta’ iben Saddam Hussein, Uday, u li fuq l-istorja tiegħu inħadem il-film ‘The Devil’s Double’ – il-ġimgħa l-oħra kien hawn Malta fuq stedina ta’ Xarabank.

Illum iddeċieda li jaqsam l-esperjenza tiegħu f’Malta fi blog li jġib l-isem ‘Malta the diamond in the Mediterranean’. Jien qrajtu u int tista’ taqrah ukoll billi tagħfas hawn.

Dawk li fl-1987…

Għadni kif għaddejt siegħa nara lil Eddie Fenech Adami jiġi intervistat minn Lou Bondi. Fil-programm intwerew filmati ta’ avvenimenti u diskorsi li jmorru lura fis-snin. Tarahom, tismagħhom u lanqas temmen li l-iktar antiki fosthom ma jmorrux lura iktar minn tletin sena. Politikament, kulturalment u soċjalment dan il-poplu, dan il-pajjiż, ma jintagħrafx.

Insomma, jien u narahom ftakart f’xi wħud li jkunu fuq il-venda u li qed iqabblu l-elezzjoni li ġejja mal-elezzjoni tal-1987. Jgħidulek “Il-bżonn għall-bidla jinħass issa kif kien jinħass f’dik l-elezzjoni!”

Thursday, October 13, 2011

Indipendenti ma tfissirx Laburist


Ma nagħtix tort lil dawk il-Laburisti li jaħsbu li biex tkun ‘indipendenti’ trid tkun bilfors taħsibha bħalhom (jew bħal mexxeja tagħhom).

Dawn kull filgħodu jaqraw l-orizzont li ssejjaħ lilha nfisha ‘ġurnal indipendenti ta’ kuljum’. Allura għalihom ‘kitba indipendenti’ hija dik li jaqraw fl-orizzont u mhux, per ezempju, dik li tinkiteb f’dan il-blog.

Biex iktar iħawwduhom, meta twieldu l-Kunsilli Lokali l-kandidati Laburisti kienu jsejjħu lilhom infushom ‘kandidati indipendenti’. Niftakar li fuq il-ballot paper ma kontx issib l-arma Laburista (l-antika). Imma ħdejn l-iskola kont issib jistennewk in-nies tal-każin biex jinfurmawk lil min minn dawk fil-lista tal-‘indipendenti’ għandek tagħti l-unu.

Franco: Jew tivvota Labour jew bla bla bla

L-Assistent Parlamentari li Gonzi ħoloqlu uffiċju f’Kastilja wara li għamillu home visit - Franco Debono ta’ Ħal Għaxaq - qed jgħedded li jekk Austin Gatt ma jerfax responsabbilta` politika għall-bużullotti tal-Arriva (u għar-rotot ġenjali ta’ Transport Malta) hu se jastjeni meta tal-Labour iressqu mozzjoni fil-Parlament kontra s-Sur Aħna Baqalna 20 sena u Intom Oqgħodu Ġerruh.

Franco, ma nafx indunajtx li l-mozzjoni tal-Labour titlob dak li qed titlob int… jiġifieri li Austin Gatt jerfa’ responsabbilta` politika, whatever that means. Ladarba inti qed tgħid li taqbel ma’ din il-mozzjoni tal-Labour, m’għandekx għażla oħra għajr li tivvota favur tagħha. Elementari Watson!

Thursday, September 22, 2011

Min jikkopja u min jittraduċi


Ma kellix ħsieb nikteb xi sensiela dwar l-ikkopjar tal-islogans mill-partiti politiċi tagħna, imma wara li l-bieraħ skoprejt li l-islogan elettorali Laburista tal-1996 kien kopja eżatta tal-islogan użat mill-Partit Demokratiku (Malti) disa' snin qabel, kienu ħafna dawk il-Laburisti fuq il-venda li fakkruni li fl-aħħar elezzjoni l-PN ukoll ikkopja l-islogan tiegħu.

Meta tal-Labour ikkopjaw l-islogan


Fuq il-venda tgħidx kemm daħku bija u nkewni li m’għandix x’nagħmel meta għidtilhom li fuq il-You Tube sibt xi dibattiti politiċi ta’ żmien żemżem u li kultant qed nintefa’ nara xi wieħed minnhom sakemm tmur għajni bija.

Jien u nara dawn il-filmati skoprejt li l-elezzjoni tal-1987 kienet ikkontestata minn grupp ta’ erbat irġiel li sejjħu lilhom infushom il-‘Partit Demokratiku’. Dawn kellhom il-programm elettorali tagħhom bl-islogan fuq il-faċċata ta’ quddiem jgħajjat ‘Iċ-Ċittadin l-Ewwel’.

Tuesday, September 20, 2011

Joe Grima u d-DNA Nazzjonalista sal-Mewt


Dalgħodu l-eks Ministru Laburista Joe Grima kiteb ittra fil-ġurnal indipendentissimu l-orizzont biex jiċċara li hu qatt ma ssieħeb fil-grupp ta’ Facebook ‘DNA Nazzjonalist Biss u sal-Mewt’. Joe Grima qal li ismu spiċċa fil-lista tal-membri ta’ dan il-grupp mingħajr hu lanqas biss kien jaf. Allura, bir-raġun kollu Joe Grima ħass li kellu jikteb din l-ittra biex jiddisassoċja ruħu mill-kitbiet oxxeni li kienu qed jinkitbu f’din il-paġna. Għal min ma jafx x’kien qed jinkiteb f’din il-paġna ngħidlu li din kienet miżgħuda b'kummenti razzisti u kontra minoritajiet sesswali fost oxxenitajiet oħra.

Sunday, September 18, 2011

Waqa ajruplan ieħor f'Air Show


It-tieni incident fatali f'inqas minn 24 siegha.

Dan il-filmat li se taraw inġibed il-bieraħ, is-Sibt 17 ta' Settembru 2011, f'Martinsburg West Virginia.


Qabel xi hadd joqgħod jgħidli kemm ma nifhimx fl-ajruplani (vera) u fl-Air Shows (vera wkoll); Qabel tibdew tghidu li din mhix Air Show bħal dik li jkollna Malta kull sena; Aqraw kif kienet (u għadha) qed tigi reklamata hawn. Anki tuba bħali jinduna li din l-attivita` hija tewmija mal-attivita` li jkollna f'pajjizna.

Intant, il-vittmi tal-incident tal-Ġimgha f'Nevada żdiedu għal 9. (Ara l-blog ta' qabel dan)

Saturday, September 17, 2011

Jien ma rridx l-Air Show



Dawk tant dilettanti tal-akrobaziji tal-ajruplani żgur jieħdu gost iżjed jekk biex jarawhom ikollhom jaqbdu ajruplan. Ikunu iktar kuntenti huma u nkunu aktar kuntenti aħna li żgur ma rridux nissugraw li fil-qalba ta' xi raħal jiġru inċidenti bħal dak li ġara f’Nevada l-bieraħ.


F'Malta l-air show għandha tkun limitata għall-attivita li ssir fuq ir-runway fejn wieħed jista' jmur jara l-ajruplani kollha li jrid. Il-periklu fuq il-bjut tad-djar tagħna m'għandniex x'nambuh.



Tuesday, August 30, 2011

San Gaddafi protettur tal-Kristjaneżmu


Fuq il-venda n-Nazzjonalisti u l-Laburisti tgħidx x’jogħxew jinku u jgħajjru lil xulxin b’kemm il-mexxeja tagħhom kienu jitqaħħbu mar-reġim tal-Kurunell Gaddafi. “Gonzi l-aħħar wieħed li ħadlu b’idejh.” “Muscat mar jarah u ġie lura jiftaħar li tant huma ħbieb li urieh xi dokumenti sigrieti.” “Fi żmienkom kontu ġġibuh jitkellem fil-mass meetings.” “Qas ilu sebgħa snin li tajtuh medalja.” “Karmenu, li kien il-Prim tagħkom, baqa’ l-uniku wieħed fid-dinja jiddefendieh sal-aħħar.”

Saturday, August 27, 2011

Double agents fil-Kurja


Sa mill-ewwel ġurnata tal-kampanja referendarja l-Avukat Deborah Schembri deheret li se tkun l-iktar wiċċ kredibbli u konvinċenti tal-kampanja tal-IVA għad-Divorzju. U hekk kien. Meta mbagħad l-għorrief tal-Kurja iddeċidew li juruha l-bieb ta’ barra tat-tribunal ekkleżjastiku, Deborah ma baqgħetx biss dik l-avukat li taf xi tgħid u li tgħidu tajjeb u mingħajr biża, imma f’daqqa waħda saret ukoll ‘vittma’.

Thursday, August 18, 2011

L-annimali fil-kċina Presidenzjali


Fil-ġurnata li n-nassaba li niltaqa’ magħhom fuq il-venda qed jerġgħu jaħilfu li no trabokki no vote, fettilli mmur sal-Palazz ta’ San Anton. Hemmhekk għadhom kif fetħu parti oħra tal-ġonna għall-pubbliku. Din il-parti tissejjah 'Kitchen Garden'. Hemm fejn jilgħabu t-tfal, hemm fejn tieħu kafe`, hemm fejn tirrilassa ftit gratis u hemm ukoll l-annimali imsakkrin fil-gaġeġ. U meta ngħid annimali mhux qed ngħid biss tiġieġ u oħrajn li mdorrijin naraw hawn Malta, imma wkoll oħrajn li mdorrijin narawhom biss fuq in-National Geographic bħall-emu, l-llama u oħrajn.

Wednesday, August 17, 2011

Ashih Tekleab Haile fil-miżbla tat-Times

Għal dawk li fit-taħbit ta’ kuljum dan l-isem insewh, Ashih Tekleab Haile m’huwa ħadd ħlief dak ir-refuġjat Eritrean li dan is-sajf tilef ħajtu biex salva żagħżugħ Franċiż mill-għarqa f’Paradise Bay.

Il-bieraħ, inqas minn xahar wara din il-mewta traġika, fuq it-timesofmalta.com inzertajt dan il-kumment:

"Are you sure of the facts surrounding the unfortunate drowning of Ashih Tekleab Haile? Remember, the police report has not been published yet. We await it to know the true facts and not the gloss given by NGOs." Ms Louise Vella (16 ta' Awwissu 2011 - 15:56)

U jien kont mingħalija li l-vizzju li nidfnu n-nies fil-miżbla kien inqata’ darba għal dejjem.

Tuesday, August 16, 2011

Nikita u l-verġinita`


‘Nikita’ ta’ Luc Besson huwa wieħed minn dawk il-films li tissaporti toqgħod tarah biss meta taqleb kemm taqleb stazzjonijiet ma ssib xejn aħjar. Iżda dan it-thriller Franċiż tant intgħoġob li fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku għamlu minnu serje għat-televixin. Ikkopjaw, sorry, xtraw l-idea u ġebbduha kemm felħu. Biex ngħidu kollox bidlulu ftit l-isem u għamluh ‘La Femme Nikita’.

Fis-sena tad-Divorzju, f’Malta wkoll bdejna noħolqu s-serje tagħna bl-isem ta’ ‘Nikita’. Iżda n-Nikita Maltija m’għandiex x’taqsam mad-delinkwenti żagħżugħa ta’ Besson. In-Nikita tagħna ġejja mill-partit progressiv u l-gwaj tagħha beda meta nqabdet tikkopja artiklu tal-gazzetta r-roża. Le, mhux dik ir-roża tal-futbol Taljan. Din Nikita mill-Financial Times ikkopjat.

Ajma xi ħruq


Fuq il-venda jafuni sewwa. Allura qed nistenna li dalwaqt jistaqsuni x’jaħraqni l-iktar… Il-kummenti razzisti fuq it-timesofmalta.com fuq il-protesta li qed issir bħalissa mill-immigranti ta’ Ħal Safi jew il-protesta nnifisha, bit-tfiegħ tal-ġebel u t-tkebbis tan-nar b’kollox?

It-tweġiba tiegħi lesta. Lili jaħarquni l-aktar il-kummenti ta’ dawk li dejjem japrofittaw ruħhom minn xi sitwazzjoni bħal din biex jinfexxu jirremettu l-mibgħeda lejn bnedmin oħra.

Tuesday, August 9, 2011

L-Arriva bomba mat-Twin Towers


Dawn tal-Arriva ilhom jgħidulna li se jkollna servizz tal-linja bomba minn qabel ma bdew jibnu l-King Long biċ-cheap labour taċ-Ċiniżi. Issa, wara li rnexxielhom iżidu drastikament ir-rata tal-ksur tat-tielet kmandament u fl-istess nifs ħxew il-vaganzi ta’ dawk li xbajna nisimgħu kemm għandna nieħdu ħsiebhom, reġgħu ħarġu b’wiegħda oħra. “Sal-11 ta’ Settembru se nkunu bomba.”

Iva, dawn il-ġenji tal-Arriva għażlu l-għaxar anniversarju ta’ meta ajruplani mgħobbija bin-nies intużaw bħala bombi miċidjali biex jibdew ituna servizz tal-linja bomba. Imn’alla s-sidien tal-uniku skyscraper li għandna f’Malta huma mdaħħlin ma’ tal-Arriva għax kieku kien ikollna wisq kumbinazzjonijiet u fil-paniku konnha nibdew inċemplu ‘l hawn u ‘l hinn.

Sunday, August 7, 2011

Dawk li se jorgażmaw bil-qassisin


Qabel xi ħadd jakkużani li qed niċċirkola l-pornografija u jkolli mmur infittex kenn politiku, nistqarr li r-ritratt li qed jakkumpanja dan l-artiklu mhux għajr monument li jinsab fil-belt Ewropea ta’ Amsterdam. Dawk il-konservattivi tal-Eurotours xebgħu jieħdu Kattoliċissimi jippassiġġaw ħdejn din l-opra. La l-kuxjenza ta’ dawn baqgħet mhix nittiefsa b’din il-viżjoni, m’għandux ikollna nkwiet nittawlulu ftit aħna wkoll. Imma nsomma, dan l-artiklu mhux dwar iż-ż____ Olandiż u lanqas mhu dwar il-kopja kulurita tiegħu li għandna f’Ħal Luqa.

Meta qed nikteb (fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd) għadni kif rajt reklam fuq il-website tat-Times jgħid li għada l-Ħadd se jxandru intervista mal-uniku tifel (illum adult) li ġie stuprat minn wieħed minn dawk il-qassisin li din il-ġimgħa nstabu ħatja ta’ abbuż. Skont dan ir-reklam, jidher li se jkollna too much details. Issa jekk tgħiduli li din mhix tixrid ta’ pornografija bi protagonisti minorenni, jien nista’ nibda ngħid li għandi wieħed daqs tal-Olanda.

Friday, August 5, 2011

Dawk l-2,800 kannol bla krema


Tiftakruhom dawk l-2,800 kannol li ħallewhom bla krema meta ġejna biex nivvotaw għad-divorzju? X’paniku kien qam! Tat-torċa moderna akkużaw lill-Gvern li ċaħħad 2,800 żgħażugħ mill-vot għax hekk kien jaqbillu u tal-maduma iddefendew bl-attakkanti u ħarġu jgħidu li l-froġa kien għamilha Muscat. Tinkwetaw xejn, m’iniex se noqgħod inħabblilkom moħħkom b’ħafna teknikalitajiet legali. L-argument huwa aktar sempliċi milli taqli żewġ bajdiet imħabbtin ma’ ftit faqqiegħ, bżar u melħ.

Wednesday, August 3, 2011

Borg Olivier ma ridiex ta’ demokristjan


Il-bieraħ filgħaxija kont qed inqalleb minn stazzjon għall-ieħor u waqaft ftit fuq TVM fejn kienet qed issir intervista mat-tabib Alexander Cachia Zammit. “Min?” staqsewni fuq il-venda. Għidtilhom li dan Cachia Zammit kien Ministru tal-Gvern Nazzjonalista ta’ Borg Olivier. Kien Ministru tas-Saħħa, tal-Edukazzjoni, tal-Ġustizzja Soċjali, tax-Xogħol u tal-Emigrazzjoni fi żmien li l-bnedmin konnha nesportawhom mhux nimportawhom.

Jekk jirreżenja Edgar irid jirreżenja George Abela


Fuq il-venda llum kulħadd deher iktar kuntent mis-soltu. Ħsibt li ġara xi miraklu u li l-Arriva waqfet tagħmel il-bużullotti, imma ma kienx il-każ. Allura staqsejt l-għaliex dan il-ferħ kollu u qaluli li kienu qed jgħoxew bis-sentenza mgħotija mill-Qorti liż-żewġ saċerdoti li nstabu ħatja ta’ abbuż.

Ta’ iffissat li jien xorta pruvajt naqbadha ftit fuq dan Edgar l-assistent ta’ Gonzi u fuq għandux jirreżenja jew le, imma ħadd ma ta kasi. Kulħadd fil-fathers kien moħħu. Allura ġejt ninfexx hawn.

Għax jien ma nistax nifhem kif dawk li qed jgħidu li Edgar għandu jdabbar rasu, ma lissnux kelma meta George Abela l-President għamel bħalu. U mhux talli lill-President ma qalulux biex jirreżenja, talli bilkemm ma bdewx jiġbru biex jagħmlulu monument biex jirringrazzjawh tal-intervent tiegħu. Issa jekk illum tridu taqraw biss fuq l-abbużati, xorta komplu aqraw, għax anke f’din l-istorja jidħlu.

Sunday, July 31, 2011

Cyrus ta’ Troja

Mela darba kien hemm wieħed Laburist anzjan li kien wasal fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.

Uliedu kienu miġburin kollha ħdejn soddtu għax riedu jkunu hemm x’ħin l-għażiż missierhom iħalli din id-dinja. Ħin minhom dan l-anzjan għamlilhom talba stramba.

Talabhom imorru l-Istamperija biex jagħmlulu tessera mal-Partit Nazzjonalista. Uliedu ħasbuh qed jewden u staqsewh l-għaliex wara għomor mal-ħomor propju issa li wasal fl-aħħar irid jingħaqad mal-blu. Weġibhom “Biex malli mmut ikun miet wieħed minn tagħhom.”

Saturday, July 30, 2011

Aħna l-inxurjati



Il-President Abela iffirma. Id-divorzju issa sar dritt ċivili anke għall-Maltin. U dan qed iseħħ illum taħt Gvern Nazzjonalista. Qed iseħħ meta l-poter jinsab f’idejn partit li għad għandu l-kelma “reliġjon” fil-motto tiegħu. Qed iseħħ taħt Prim Ministru prodott tal-Azzjoni Kattolika u proneputi ta’ Arċisqof li inqas ma nitkellmu fuqu, iktar aħjar. Dan kollu qed iseħħ minkejja li fost min qed imexxi - il-kabinett, l-eżekuttiv - hemm maġġoranza assoluta li ma ridetx li d-divorzju jidhol fi żmienha.

Friday, July 29, 2011

Bis-siegha siegha wara erbghin siegha



Qabel l-elezzjoni mirbuha bi zbrixx, ta’ GonziPN tgħidx kif werwruna li jekk jirbħu l-iljuni ta’ Sant addio overtime bis-siegħa siegħa u nofs. Qalulna li jekk Sant jieħu postu wara skrivanija f’Kastilja, kull minuta li se nahdmu wara l-erbgħin siegha se jħallsuna tagħha bir-rata normali - bis-siegħa siegħa. Biex iġibulna prova ta’ dak li kienu qed jgħidu urewna l-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tas-Super One li dak iż-żmien kienu qed jitħallsu b’dan il-mod. Allura bqajt imbellah meta fuq il-venda smajt li dak li werwirna bih Gonzi qabel l-elezzjoni qed jigri llum taht it-treġija tiegħu. 

Thursday, July 21, 2011

Se jwahhluna iehor


Jekk bhali kontu minghalikom li l-billboards fuq id-divorzju telqu mit-toroq taghna darba ghal dejjem, mortu zmerc. Ghax dawk li jaqblu biss li ma jaqblux issa qablu li jekk ‘l quddiem ikun hemm bzonn jinbidel xi haga fil-ligi tad-divorzju dan se jkollu jsir b’referendum. U kif l-ilma ta’ Pilatu hallsu ghalih il-Lhud, ghan-Number 2 tas-69 li ghandna fil-Parlament ikollna nhallsu ahna.

Wednesday, July 20, 2011

Problemi bil-bajd


Din tal-bajd jidher li hija kobba ohra mhabbla sew ghall-Gvern Nazzjonalista. M’iniex qed nitkellem fuq il-bajd li jinzammu ghas-shana tal-qalziet u lanqas fuq il-bajd tal-frejjeg. Qed nghid ghall-bajd tal-flieles umani u fuq id-dilemmi kbar li qed iqallbu l-imhuh tal-politici taghna fil-kwisjoni tal-IVF.

Sunday, July 17, 2011

Qed tara kif qalulu!


Fil-blog li ktibt jumejn ilu fuq ir-riżenja ta’ Cyrus Engerer mill-PN u s-sħubija immedjata tiegħu fil-PL, jien għidt “għandi nifhem li Cyrus huwa l-uniku wieħed f’Malta li jaf x’se jkun qed jagħmel il-Partit Laburista jekk jirbaħ l-elezzjoni li ġejja.”

Balleċ kelli raġun!

Dalgħodu fis-Sunday Times Cyrus Engerer ġie kwotat hekk: “In this past week I have met and learnt what Labour is planning and I really feel comfortable with it.

Saturday, July 16, 2011

Kamasutra


Bil-mod il-mod il-politici Maltin qed jirnexxielhom johorgu lill-Indjani li hargu bil-Kamsutra ta’ amateurs. Il-professjonisti moderni tal-pozizzjonijiet ma jinsabu mkien hlief f’dawn il-gzejjer f’nofs il-Mediterran, b’koncentrazzjoni qawwija fit-triq ta’ bejn il-Mile End u Tal-Pieta`.

Friday, July 15, 2011

Qalulu x’se jagħmlu?



Għadni kif smajt li Cyrus Engerer m’għadux il-Viċi Sindku Nazzjonalista tas-Slimiżi għax iddeċieda li ma jibqax man-Nazzjonalisti. Ngħid id-dritt, din l-aħbar ma ħadtiex b’sorpriża. Lil Cyrus inzertajt nafu ftit u ilni li ndunajt li r-‘Religio et Patria’ ta’ Gonzi mhix id-diska favorita tiegħu. Ngħid is-sewwa, naf bosta oħrajn li jaħsbuha bħalu fi ħdan il-PN u ma nistagħġeb xejn li nara xi tnejn oħra jiktbu xi artiklu, xi blog jew xi kumment fuq il-Facebook biex jippruvaw iżommu t-twieqi ta’ Joe Friggieri miftuħin għall-arja friska. Imma kont sorpriż mhux ftit meta komplejt nisma’ u qaluli li Cyrus issieheb ma’ Joseph, Anglu, Toni u l-ħomor l-oħra tal-palazz tal-ħġieġ.

Min hu Pride?


Ghal darb’ohra nhar is-Sibt, it-toroq tal-belt kapitali taghna ghamluha ta’ teatru ghall-bziezaq u ghas-sfafar ta’ dawk li huma migbudin lejn persuni tal-istess sess. Jien din tal-gay pride qatt ma fhimtha. Ghax jien inhossni kburi b’dak li jirnexxieli naghmel u mhux b’dak li jien, b’dak li sibt lest ghalija u li ma nista’ naghmel xejn dwaru. M’iniex kburi perezempju li m’ghadux jikbirli xaghar fuq rasi. Dan stat ta’ fatt impost fuqi min-natura, li daqs kemm ma fih xejn hazin, ma fih xejn li jaghmilni kburi bih. Allura jekk issir dimostrazzjoni ta’ fratas kburini bil-qargha, jien ma mmurx, lanqas jekk inkun naf li se jkun hemm prezenti l-mexxej tal-progressivi u li se jehodli b’idejja.

Wednesday, July 6, 2011

Haqq il-Fosos


Mit-teatri Amerikani it-tenur Joseph Calleja spiss kien jitkaza bil-progett tat-tandem Gonzi-Gatt-Piano ghad-dahla tal-Belt. Kien jghidilna li minflok il-parking ta’ quddiem il-Bank of Valletta ghandu jkollna teatru maghluq u mhux teatru bla saqaf kif se jkollna sal-elezzjoni. Tghidx kemm qalilna Joseph li bla saqaf ma tista’ taghmel xejn. U f’din il-litanija ssiehbu jkantaw mieghu hafna artisti u artikolisti Maltin. Min kantalna bicca fuq kif se nirvinaw ir-Rigoletto ta’ Verdi bl-istorbju tal-murtali u min zerzaq zewg versi fuq kif il-maltemp se jhassrilna t-Turandot ta’ Puccini.

Bla saqaf fil-venda


Ma nafx jekk l-aqwa perit tal-univers Renzo Piano kienx imdaħħal anke f'din tal-Arriva li non arriva. Għax tgħid hija biss kumbinazzjoni li wara t-teatru bla saqaf, issa ghamilna wkoll il-venda bla saqaf? Jew din ta' 'bla saqaf' se ssir xi stil ġdid li se nibdew naraw l'hawn u 'l hemm fil-bliet u l-irħula Maltin. Qed ngħid hekk għax m'ilux, ħabib tiegħi li għandu kamra f'għalqa qalli li applika biex jibdel is-saqaf qabel jaqa' fuq rasu u qalulu refused.

Friday, July 1, 2011

Veto


Joseph Cuschieri, dak li gie s-sitt wiehed f’tellieqa ghal hames medalji, dalghodu qalilna li qabel ifettlilna naghtu xi centezmu lill-Griegi biex ikollhom aktar x’jonfqu fil-gas tad-dmugh, irridu ninsistu li dawn jiffirmaw dik il-bicca karta li lil Cuschieri ttih siggu fil-Parlament ta’ Brussell.

Wednesday, June 29, 2011

For better or for worse?


Published on the Times of Malta (29 June 2011)

Is it for better or for worse that the Nationalist Party doesn’t sound like a philharmonic orchestra? Following the morning session of the PN general council two Sundays ago made me ask myself what compels the speakers that took the stand to stay in the same party. A common enemy in the 1980s and a common goal in the first decade of this century certainly made the trick but what can keep this mosaic together now? Which is the way forward?

Tuesday, June 28, 2011

Strajk taħt sħab iswed



L-Union tal-Piloti tal-Air Malta habbret li fil-15 ta’ Lulju se tagħmel protesta nazzjonali u l-għada, jekk il-Gvern jibqa' ma jagħtix widen għat-talbiet tagħha, se tordna strajk.

Thursday, June 23, 2011

Daħna ta’ 180,000


Għadna kif sirna nafu li l-Arċidjoċesi tat 180,000 Ewro lil dawk li lill-miżżewġin rieduhom jibqgħu tewmin siamiżi. Għal dawk li għadhom jirraġunaw bil-Liri, id-donazzjoni ekkleżjastika issarraf fi ftit aktar minn Lm77,000. U li kieku s-sassla kienet ftit aktar mimlija, l-Arċisqof qal li kien inewwlilhom xi ftit tips ukoll.

Wednesday, June 22, 2011

Il-logika li nghid LE basta nghidu IVA

a

Fiz-zmien meta l-Izlandizi kienu jaqraw l-artikli ta’ Joseph Muscat u l-Maltin kellhom lil Simon Busuttil fil-verzjoni tal-‘anglu li habbar lil Marija’ jwasslina l-bxara t-tajba tal-ishubija fl-Unjoni Ewropea, fuq il-venda kont niltaqa’ ma’ wiehed Nazzjonalist li kull meta jarani kien ikun irid jghidli li din id-darba ma kienx se jivvota.

Tuesday, June 21, 2011

L-istilla tal-art


Il-Qorti iddecidiet. Multa ta' 10,000 Ewro u 3 xhur habs ghal min spara lill-istilla tal-art. Fuq il-venda qed jidlam u jien u nhares 'l fuq lejn is-sema ftakart li l-istilel normalment fis-sema jkunu u mhux fuq l-art.

Bil-pass u bla ras


In-nannu spiss kien jgħidli li fiż-żmien li fit-toroq Maltin ma kinux jghaddu karozzi t-tfal kienu jilghabu l-ballun barra fit-triq. Jirrakkonta li dak iz-zmien la kellhom tarmak lixx u lanqas ballun tal-ġilda bhal dawk li jilgħabu bihom it-tfal tal-lum, izda kienu jixxutjaw dak li jsibu. Allura, ladarba fi Triq Bizazza ddecidew li ma jghaddux iktar karozzi, xi ħadd nostalġiku taz-żminijiet imghoddija iddecieda li jilghab partita futbol bl-irjus tal-monument li fil-jiem li ghaddew gie inawgurat b'tant briju u entuzjazmu.