Friday, October 31, 2014

Nhar it-Tnejn m’għandiex tkun vaganza

Filwaqt li nhar it-Tnejn u t-Tlieta kulħadd hu mistenni jmur għall-ġurnata tax-xogħol tiegħu, l-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex se jibqgħu magħluqin.
Ngħidha mill-ewwel u bla tlaqlieq: dawn il-vaganzi huma żejda u għandhom jitneħħew mill-kalendarju skolastiku darba għal dejjem. 
Jew hekk, jew l-ewwel tlett ijiem ta’ Novembru jsiru festi pubbliċi u kulħadd joqgħod bi kwietu d-dar jew imur dawra sal-Buskett.
Din is-sitwazzjoni mhix aktar aċċettabbli għal dawk il-ġenituri li jaħdmu. Jekk vera rridu l-ommijiet u l-missirijiet jagħtu sehemhom fl-ekonomija ma nistgħux nibqgħu noħolqulhom problema oħra ma' dawk li diġa għandhom, f’nofs triq bejn il-vaganzi tas-sajf u l-vaganzi tal-Milied. 

Jien u nikteb, hemm min qed jitkarrab biex nhar it-Tnejn joħroġ bil-leave, hemm iktar fortunat u rranġa man-nanna, hemm min qed jaħseb li jaqbeż qabża s’għand it-tabib tal-familja u hemm min għadu ma jafx x’se jaqbad jagħmel.

Qed jaħsbuna boloh?

Xi skop jista’ jkun hemm għal fabbrika tat-tessuti armata f’Malta li ġġib ħaddiema minn naħa l-oħra tad-dinja biex jaħdmu fuq il-linja tal-produzzjoni?
Nafu li l-ħaddiema Maltin li jagħmlu dan ix-xogħol ma jitħallsux bil-wisq iktar mill-paga minima. Għalija hija ovvja li biex toqgħod tieħu battikata ġġib in-nies miċ-Ċina u minn pajjiżi oħra mbegħdin (u fqar) biex jagħmlu dan ix-xogħol, sinjal li tkun se tħallashom inqas (ħafna inqas) għal iktar xogħol.

Thursday, October 30, 2014

L-iskandlu Leisure Clothing: Fil-GWU kien hemm min ilu jaf

Persuna midħla tal-istamperija tal-General Workers’ Union qaltli li xi snin ilu ġurnalist tal-gazzetta l-orizzont kien beda jinvestiga l-abbuż tal-ħaddiema Ażjatiċi fil-fabbrika tal-Leisure Clothing. Dak iż-żmien fil-Gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista. 

Din il-persuna qaltli li dan il-ġurnalist ta’ l-orizzont kien sab l-istess abbuż u sfruttament oxxen li nkixef din il-ġimgħa mill-ġurnalist Joe Mikallef ta’ In-Nazzjon. Iżda ġara li din l-istorja qatt ma ġiet ippubblikata fil-gazzetti tal-Union.

Istħu

Uffiċjali għolja tal-Gvern, possibbilment politiċi, pulizija, trejd-unjonisti, ambaxxaturi. Intom min intom. Intom kemm intom. Intom kollha li kontu tafu bl-abbuż mill-ħaddiema li ilu snin twal jiġri fil-fabbrika Leisure Clothing u bqajtu siekta.

Intom li użajtu l-poter tagħkom biex dan l-isfruttament oxxen ta’ bnedmin oħra jkompli bla xkiel. Intom li ħadtu xi libsa, xi ħwejjeġ, xi flus biex tagħlqu għajnejkom u ħalqkom għal dawn is-snin kollha. Intom ma jixirqilkomx tissejħu bnedmin. Nittama li ssir ġustizzja magħkom kollha.

Sadanittant, ħarsu fil-mera u istħu.


Wednesday, October 29, 2014

Muscat belagħha sa griżmejh

Meta kont nippreżenta TVHemm fuq TVM fl-eqqel tal-kampanja elettorali staqsejt ħafna dwar il-proġett tal-enerġija tal-Partit Laburista. Niftakarni naqla’ bosta tgħajjir u nsulti għax kont nazzarda niddubita xi virgola mill-pjan ta’ Konrad Mizzi u nistaqsi dwaru.
Dak iż-żmien kienet saret moda li l-mistoqsijiet isiru biss lill-kelliema tal-Gvern Nazzjonalista. Kien qisu sar dnub tistaqsi xi ħaġa lil tal-Labour. Agħar minn hekk il-fatti kienu saru xi ħaġa sekondarja. Jekk tkun ġurnalist u ssemmi xi fatt li l-Labour kien iddeċieda li jmeri u jgħawweġ, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Imma jien u oħrajn, li llum ħadd minna m’għadu fuq TVM, xorta bqajna għaddejjin nitkellmu bil-fatti f’idejna waqt li nistaqsu lill-Gvern li kien qed imut u lill-Gvern li kien qed jitwieled bl-istess mod inkwiżittiv.

Tuesday, October 28, 2014

€472,439 aktar fil-bwiet tad-Deputati Laburisti

Il-Malta Today tirraporta li din is-sena l-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern se jkunu qed idaħħlu fil-but €472,439 aktar minn kemm daħħal il-grupp parlamentari ta’ GonziPN fl-aħħar sena tiegħu fil-gvern fl-2012. Din iċ-ċifra ma tinkludix perkaċċi oħra bħal karozzi, xufiera, internet, mobile u affarijiet oħra li jistgħu u jħobbu jivvintaw.

 
Dan ifisser li bħala medja ras għal ras, kull Deputat tal-Labour se jkun qed idaħħal €8,778 iktar minn kemm kien idaħħal Deputat tal-Gvern Nazzjonalista fl-2012.

Monday, October 27, 2014

Grazzi

Meta tkun fis-sitwazzjoni li kont fiha jien bħal-lum sena, akkużat u mżeblah mingħajr ebda ħtija, l-iktar ħaġa li jkollok bżonn hija nies illi jemmnu fik. Nies li minkejja li ma kienux il-ħin kollu miegħek jemmnu dak kollu li qed tgħid għax għandhom fiduċja fik. Nies li biex jiddefenduk ikunu lesti jidħlu fin-nar miegħek. L-appoġġ mingħajr kundizzjoni li tawni dawn in-nies ma jien se ninsieh qatt. Mingħajrhom kont nikkrolla. Kieku tħallejt nissielet waħdi minjaf x’kien isir minni, minjaf fejn jien illum. Għalhekk illejla l-aħħar ħsieb tiegħi rridu jkun ringrazzjament għalihom. Grazzi.

Għaddiet sena

Għaddiet sena minn dakinhar li ġejt arrestat fuq il-post tax-xogħol għalxejn.

Arrest mingħajr ebda suspett raġjonevoli.

Arrest li ġie ftit ġranet biss wara li ftaħt kawża għal diskriminazzjoni politika kontra l-Prim Ministru u l-Kap taċ-Ċivil.
Arrest li seħħ ftit minuti wara li fl-ajruport iltqajt mal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern u mal-kollega tiegħu fil-Ministeru tal-Intern.

Arrest li matulu uffiċjal għoli tal-Ministeru nqabad jindaga u jindaħal mal-pulizija x’kien qed jiġri. 

Arrest li matulu xi uffiċjal iktar għoli tal-Gvern kien qed jgħid lill-ġurnali li jien kont ammettejt xi ħtija mal-pulizija.
Arrest bl-akkuża li ħadt ritratt li qatt ħadd ma ra għax qatt m’eżista lil uffiċjali pubbliċi f’post pubbliku.
Fi tlett ijiem il-Qorti iddeċidiet li jien kelli raġun. Is-sentenza tal-Qorti poġġejtha f’envelope u ħadtha b’idejja Kastilja, għand il-Prim Ministru.
Għaddiet sena u għadu ħadd ma kellu l-kuraġġ jammetti li kien hu jew hi li għamel ir-rapport biex iseħħ dan l-arrest.

Għaddiet sena u ħadd għadu ma ġarr ir-responsabbiltà għal dak li ġara. Għaddiet sena u l-Prim Ministru għadu ma rrispondinix għal dik is-sentenza li bgħatlu.
L-inqas ħaġa li nistenna li kellu jagħmel hija sempliċi apoloġija.

Sunday, October 26, 2014

Skandli tal-passat

Ma ddejjaqni xejn li l-Gvern jordna investigazzjonijiet fuq affarijiet li setgħu saru ħażin fil-passat. Jekk hemm xi ħaġa ħażina f’xi konkos jew jekk kien hemm xi kuntratt li ma ngħatax kif suppost għandna kull dritt inkunu nafu. Jekk ikun ippruvat li dawn l-istejjer huma tassew “skandli”, dawk responsabbli għandhom iħallsu ta’ għemilhom kriminalment u/jew politikament skont dak li jinstab. 

Ladarba dan il-Gvern għandu ħeġġa kbira jinvestiga dawk li jqis bħala “skandi” ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat, nixtieq infakkru fi tliet skandli kbar li għal xhur sħaħ iddominaw l-aħbarijiet u l-programmi tal-istazzjonijiet ONE u tal-gazzetti tal-PL u tal-GWU.

L-ewwel wieħed minn dawn l-“iskandli” kbar imur lura għaż-żmien meta kien qed jingħata l-konkos f’Mater Dei. Tiftakruh  l-“iskandlu tad-Daewoo”? 

Żewġ “skandli” oħra kbar iktar riċenti huma dawk tal-bridge Manwel Dimech u l-aħħar iżda mhux l-inqas, l-“iskandlu tal-Mistra”. Dan tal-aħħar tant kien skandlu kbir skont il-Labour li dwaru kitbu ktieb. 
Illum l-eks Ministri u l-eks Deputat Nazzjonalisti protagonisti f’dawn l-“iskandli” huma kollha b’xi mod assoċjati mal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Nittama li dan l-istat ta’ fatt ma jnaqqas xejn mill-għatx li għandu l-Gvern Laburista għall-ġustizzja.

Saturday, October 25, 2014

Lil min stieden lil Godfrey Grima

Ma nafx x’pariri ta Godfrey Grima lill-Partit Nazzjonalista minn fuq il-palk prinċipali tal-Konvenzjoni, u ngħid id-dritt ma jinteressanix. Iżda jinteressani u jinteressani ħafna nkun naf x’piż qed tagħti t-tmexxija tal-PN lil nies bħal Grima. Jekk hu iktar minn 'zero' għandna problema!

Ibda biex nixtieq inkun naf jekk min stieden lil Grima u preżentah lin-Nazzjonalisti bħala xi intellettwali kienx xurban jew hux wieħed minn dawk li jħobb jinki u jaħraq lin-nies tiegħu. 

Godfrey Grima intellettwali?

Fost il-kelliema li kien hemm fuq dak l-istess palk u nies oħra li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum fil-kuriduri tal-istamperija, Grima rwol wieħed jista’ jkollu - dak li jservihom it-te`.

U jekk qatt ninzertah x'imkien iservi t-te`, jien nitlaq ‘l barra u mmur nieħu cappuccino band'oħra.
 

Thursday, October 23, 2014

Se jkollok tħallas €73 aktar biex it-tifla tagħmel l-O-levels

Jekk int għandek tifel jew tifla li waslu biex jagħmlu l-O-levels tista’ taqbad dawk il-ftit Ewro li kont mingħalik li frankajt mill-kont tad-dawl u l-ilma u twarrabhom biex tagħtihom lura lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li għadu kif għolla l-eżamijiet kollha.
 
Qabel tkompli taqra’ nissuġġerilek tpoġġi bilqiegħda.

€1115 fil-ġimgħa - Imħallas iktar minn Ministru

Jekk hemm Deputat tal-Gvern li għandi grazzja miegħu dan huwa Carmelo Abela taż-Żejtun.

Meta l-Labour kien fl-Oppożizzjoni dan Carmelo kien jaħdem il-Bank. Fl-aħħar tax-xahar kien idaħħal il-paga tal-Bank u l-onorarja tal-Parlament. Jidhirli li kien idaħħal xi ħaġa oħra wkoll għax kien Deputat Speaker. 

Dak iż-żmien Carmelo kien parti mill-kor ta’ dawk li tgħidx kemm tkażaw li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari bdew jieħdu l-onorarja tal-Parlament (il-famużi €500) apparti l-paga.

Wednesday, October 22, 2014

Serraħ moħħok: Se tiżdied iktar minn 58ċ fil-ġimgħa

Irrid inserraħ moħħ lil dawk li llum ippanikjaw x’ħin semgħu jew qraw li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ 58 ċenteżmu fil-ġimgħa biss. Jien m’għandix dubju li ż-żieda se tkun iktar minn hekk.

Tuesday, October 21, 2014

Cremona m'għallimx tgħajjir

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u s-Sindku Laburista ta’ Ħaż Żebbuġ, Alfred Grixti, fuq Facebook infexx jgħajjar lil xi saċerdoti li skontu lanqas jixirqilhom jissejħu hekk, “żibel”. (ara l-istatus ta' Alfred Grixti hawn taħt)

Fuq il-konġetturi ta’ Grixti mhux ta’ min jaħli ħin. Kien l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona nnifsu, li Grixti jippretendi li qed jiddefendi, li fisser ir-riżenja tiegħu bħala deċiżjoni tajba li ħa għall-ġid tal-Knisja Maltija.

Il-prezz taż-żejt imqabbel mal-prezz tal-petrol u d-diesel (2010 - 2014)

Din it-tabella turi l-prezz taż-żejt minn Settembru 2010 sal-lum
Sors:Nasdaq



Monday, October 20, 2014

Smajna ħażin

Ovvjament il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid il-verità. Konna aħna, il-poplu Malti kollu u kull min jifhem bil-Malti, li smajna ħażin.

 

Joseph Muscat għandu jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel minnufih

B’sodisfazzjon ninnota li l-Oppożizzjoni qed tisma’ u qed tieħu azzjoni.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista:

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu minnufih iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel fid-dawl tal-fatt li l-prezz internazzjonali taż-żejt qiegħed dejjem nieżel u issa laħaq l-aktar livelli baxxi fl-aħħar 4 snin.

Hija ħasra li l-familji Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw iħallsu prezzijiet ferm ogħla minn dawk li għandhom ikunu.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f'konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino.


Mario de Marco irrefera wkoll għall-fatt li dan kollu jħalli impatt fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-Gvern Malti. Hu rrefera għall-istatistika li ħarġet il-ġimgħa li għaddiet li poġġiet lil Malta l-agħar fl-Ewropa f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni tal-industrija kif ukoll l-esportazzjoni u l-importazzjoni.

Din l-istess statistika turi li l-kompetittivita' ta' pajjiżna qed tonqos u ħafna drabi, l-prezz tal-petrol u d-diesel ikollu effettu fuq il-kompetittivita' tal-pajjiż. Għaldaqstant, fl-isfond ta' dan kollu, l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dan l-appell biex il-Prim Ministru jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel minnufih.

Sunday, October 19, 2014

Irid jagħżel l-Arċisqof?

Li l-għada li jirriżenja l-Arċisqof il-gazzetta uffiċjali tal-partit fil-Gvern tpoġġi fil-faċċata ta’ quddiem ritratt ta’ Kastilja u tikteb b’ittri kbar “L-Arċisqof jista’ jintgħażel mill-Prim Ministru” lili tħassibni u mhux ftit.


Mozzjoni biex jorħsu l-petrol u d-diesel

Nipproponi lill-grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni jressaq mozzjoni fil-Parlament li fiha jeżiġi li l-Gvern iraħħas b’effett immedjat il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel biex dawn ikunu jirriflettu tassew il-prezz internazzjonali taż-żejt li fl-aħħar ġimgħat raħas drastikament tant li llum huwa l-irħas fl-aħħar erbgħa snin.
Bl-iskuża ta’ stabbilita` fil-prezzijiet il-Gvern rabat il-prezzijiet bl-għoli sa Diċembru u qed jagħmel profitt sproporzjonat u inġust fuq il-konsumatur Malti.
Nemmen li l-Oppożizzjoni m’għandiex tħalli lill-Gvern ikompli jgħaddi n-nies biż-żmien billi jbiegħ lilu nnifsu bħala Gvern li qed iħalli iktar flus fil-but, meta huwa ċar li qed jieħu bil-goff mill-but l-ieħor.

Ġenjali

Idea brillanti u oriġinali tal-Ministru Konrad Mizzi.

Prosit tassew.

Biex tkun suċċessun bħal ma hu kull ma jmiss miegħu dan il-Ministru, nipproponi t-tqassim ta' arloġġ bl-alarm f'kull dar. Ma rridx nieħu merti li ma jistħoqqlix, allura nistqarr mill-ewwel li din tal-arloġġi mhix idea ġenjali tiegħi imma ħareġ biha l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni.

Kemm huma bravi dawn in-nies!

Saturday, October 18, 2014

Bye Bye Marsa Cancer Factory


L-għeluq tal-power station tal-Marsa hija aħbar tajba ħafna. Kif jista’ jara kulħadd din il-power station se tingħalaq ferm qabel ma tibda taħdem il-power station il-ġdida ta’ Konrad Mizzi u Joseph Muscat.

Dan ifisser li l-għeluq ta’ din il-power station mhuwiex frott ta’ xi proġett imwettaq minn dan il-Gvern.

Huwa evidenti li permezz tal-proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista – il-power station il-ġdida f’Delimara u l-interconnector bejn Malta u Sqallija – pajjiżna mhux se jkollu iktar bżonn tal-power station tal-Marsa u se jkun jista’ jagħlaqha darba għal dejjem.

Friday, October 17, 2014

Selfies Ċiniżi f'Malta

Il-filmati li rajna taż-żjara taċ-Ċiniżi fil-power stations ta’ Delimara u l-Marsa ma nġibdux minn ġurnalisti, iżda minn nies imqabbda mill-Gvern. Il-ġurnalisti Maltin ma kienux mistednin għal din iż-żjara.

Il-kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi wkoll kienu ffilmjati b’dan il-mod. L-ebda ġurnalist ma kien mistieden jagħmel mistoqsijiet lill-Ministru.

Nifhem li f’ċertu pajjiżi huwa normali li l-affarijiet isiru b’dan il-mod, imma Malta mhux wieħed minn dawn il-pajjiżi u m’għandix dubju li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin ma jridux bidla f’din id-direzzjoni.

Wednesday, October 15, 2014

Serq fil-wiċċ


Illum li l-prezz internazzjonali taż-żejt jinsab fl-istess livelli tal-2010, int u jien qed inħallsu 25ċ iktar fuq kull litru petrol u 28ċ iktar fuq kull litru diesel minn dakinhar (kif jidher f’dawn il-press releases tal-Enemalta). Dan grazzi għal kif Joseph Muscat u Konrad Mizzi rabtu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel sal-aħħar tas-sena.

Dan mhux għajr serq fil-wiċċ.

Imbagħad tisma’ lill-Prim Ministru jgħid li mhux qed idaħħal taxxi ġodda biex jagħmel tajjeb għar-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma!

Monday, October 13, 2014

Opinjonista indipendenti jaħdem Kastilja


Dalgħodu fuq TVAM, is-sieħba ta’ kandidat Laburista tintroduċi kandidat Laburista ieħor (li jaħdem fl-Uffiċju tal-Prim Ministru) bħala opinjonista u miegħu (waħdu) tiddiskuti l-falliment tal-Gvern li jżomm mal-wegħda li l-proġett tal-power station il-ġdida jkun lest sa Marzu li ġej.

Tal-mistħija kif spiċċa TVM.

Tuesday, October 7, 2014

Nofs Lira fil-ġimgħa

Dalgħodu l-gazzetta Times of Malta tiżvela li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li l-Gvern mistenni jħabbar fil-Budget li ġej se tkun ta’ €1.16 (nofs Lira tal-munita l-antika) fil-ġimgħa. Jekk din l-aħbar tkun konfermata, din tkun l-iktar żieda baxxa li niftakar.

Sunday, October 5, 2014

Paniku fil-Port Ħieles


Illum wara nofsinhar, ftit bogħod minn fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi jridu jankraw tanker b’ħażna ta’ 136,000 metru kubu ta’ gass, “vapur li kien marbut mal-moll inqala’ mill-poppa wara li nqatgħu l-ħbula li kienu qed iżommuh”.

Kull kumment ieħor ikun superfluwu.

Thursday, October 2, 2014

“Smajt lil Silvio Scerri jordna t-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS” – John Bundy

Minn maltarightnow.com

John Bundy ikkonferma bil-ġurament fil-Qorti li sema’ liċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Silvio Scerri jordna t-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS. John Bundy kien qed jixhed quddiem il-Kummissjoni għall-Impjiegi f’kawża li l-eks preżentatur ta’ TVHemm fetaħ kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar. Fil-kawża, Vella qed jgħid li r-raġuni għat-tneħħija tiegħu mill-PBS kienet waħda politika.