Monday, October 20, 2014

Joseph Muscat għandu jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel minnufih

B’sodisfazzjon ninnota li l-Oppożizzjoni qed tisma’ u qed tieħu azzjoni.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista:

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu minnufih iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel fid-dawl tal-fatt li l-prezz internazzjonali taż-żejt qiegħed dejjem nieżel u issa laħaq l-aktar livelli baxxi fl-aħħar 4 snin.

Hija ħasra li l-familji Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw iħallsu prezzijiet ferm ogħla minn dawk li għandhom ikunu.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f'konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino.


Mario de Marco irrefera wkoll għall-fatt li dan kollu jħalli impatt fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-Gvern Malti. Hu rrefera għall-istatistika li ħarġet il-ġimgħa li għaddiet li poġġiet lil Malta l-agħar fl-Ewropa f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni tal-industrija kif ukoll l-esportazzjoni u l-importazzjoni.

Din l-istess statistika turi li l-kompetittivita' ta' pajjiżna qed tonqos u ħafna drabi, l-prezz tal-petrol u d-diesel ikollu effettu fuq il-kompetittivita' tal-pajjiż. Għaldaqstant, fl-isfond ta' dan kollu, l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dan l-appell biex il-Prim Ministru jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel minnufih.

George Pullicino ppreżenta tabella tal-prezz internazzjonali taż-żejt mill-2008 'l hawn. Hu wera kif minn Jannar 2013 sa llum, il-prezz taż-żejt fis-suq internazzjonali raħas b'aktar minn 22%. Madanakollu, f'Malta, l-prezz tal-petrol raħas bi 2% u d-diesel raħas b'1.4%. Il-prezz tad-diesel illum huwa ta' €1.36, waqt li f'Settembru 2010, meta il-prezz internazzjonali taż-żejt kien daqs kemm hu llum, il-prezz kien €1.06, jiġifieri 30ċ irħas.

George Pullicino fakkar kif fil-kampanja elettorali ta' qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Joseph Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jiftaħar li raħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b'2ċ u li l-prezz se jibqa' l-istess sal-aħħar tas-sena. Issa jirriżulta li dik id-deċiżjoni ma kenitx tajba għall-familji Maltin u Għawdxin għax bħalissa, suppost, il-familji Maltin qed iħallsu ferm anqas għall-fuels.

Tonio Fenech spjega kif l-iskuża tal-Gvern – li hemm id-differenza tal-kampju – ma treġix. Dan għaliex anke f'Settembru 2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien bejn wieħed u ieħor fl-istess livelli ta' dak li qiegħed fih illum, il-kambju kien jeżisti.

Il-Kelliem għall-Finanzi qal li l-familji Maltin iridu li jħallsu prezz li verament jirrifletti dak internazzjonali, u mhux iħallsu aktar sempliċiment għaliex il-Gvern ikun ħa deċiżjonijiet żbaljati ta' kemm jixtri u meta jixtri. Fenech iddeskriva l-prezz li qed jitħallas illum fuq il-petrol u d-diesel bħala taxxa indiretta fuq il-poplu Malti biex tagħmel tajjeb għar-roħs fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.


1 comment:

  1. Naqbel mieghek Norman. Il-partit hemm bzonn iqum fuq tieghu u jiqaflu.

    ReplyDelete