Thursday, October 30, 2014

L-iskandlu Leisure Clothing: Fil-GWU kien hemm min ilu jaf

Persuna midħla tal-istamperija tal-General Workers’ Union qaltli li xi snin ilu ġurnalist tal-gazzetta l-orizzont kien beda jinvestiga l-abbuż tal-ħaddiema Ażjatiċi fil-fabbrika tal-Leisure Clothing. Dak iż-żmien fil-Gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista. 

Din il-persuna qaltli li dan il-ġurnalist ta’ l-orizzont kien sab l-istess abbuż u sfruttament oxxen li nkixef din il-ġimgħa mill-ġurnalist Joe Mikallef ta’ In-Nazzjon. Iżda ġara li din l-istorja qatt ma ġiet ippubblikata fil-gazzetti tal-Union.
Din il-persuna qaltli li uffiċjal għoli tal-General Workers Union kien ta struzzjoni lil dan il-ġurnalist biex ma jippubblika xejn u biex jieqaf jinvestiga minnufih.

L-iskuża li kien ġab dan l-uffiċjal għoli tal-GWU kienet li jekk jinkixef dan l-iskandlu kien se jkun ipperikolat il-post tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin ta’ din il-fabbrika, li fil-maġġoranza tagħhom huma membri tal-istess Union.

Issa llum, kif mistenni, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb ikkundanna bla ebda riservi dak li nkixef f'dawn il-ġranet. Filwaqt li ningħaqad miegħu fil-kundanna, nissuġġerilu jaqbeż qabża sal-Marsa jitkellem mal-ġurnalisti tiegħu u jitlobhom jagħtuh aktar dettalji tal-istorja li ntqalet lili.
 
Nittama li Tony Zarb ikollu l-kuraġġ ma jħares lejn wiċċ ħadd u dak li jsir jaf fuq din l-istorja (jekk mhux diġà’ jafu) ma jżommux għalih biss.

2 comments:

  1. Replies
    1. Ħa ngħiduha kif inhi Francis. Il-GWU ilha tirrapreżenta lill-ħaddiema tal-Leisure Clothing snin twal u ffirmat kemm-il ftehim kollettiv mal-Management. Naraha diffiċli li ħadd minnhom ma kien jaf u li ħadd minnhom qatt ma sema' jew innota xi ħaġa. Filwaqt li hija oxxenita li trejd-unjonista jkun jaf b'dawn l-affarijiet u ma jitkellimx, jew saħansitra isikket, dan ma jnaqqas xejn mill-ħtija tal-awtoritajiet li ħallew dan l-iskandlu jiġri taħt imneħirhom.

      Delete