Minn maltarightnow.com
John Bundy ikkonferma bil-ġurament fil-Qorti li sema’ liċ-Chief of Staff
fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Silvio Scerri jordna
t-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS. John Bundy kien qed jixhed quddiem
il-Kummissjoni għall-Impjiegi f’kawża li l-eks preżentatur ta’ TVHemm
fetaħ kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap taċ-Ċivil Mario
Cutajar. Fil-kawża, Vella qed jgħid li r-raġuni għat-tneħħija tiegħu
mill-PBS kienet waħda politika.
Fix-xhieda tiegħu, Bundy qal li f’Mejju 2013 kien fil-Ministeru
tal-Intern għal laqgħa privata ma’ Silvio Scerri. Qal li Silvio Scerri
kien qed jitkellem fuq it-telefon ma’ xi ħadd jismu Anton. Skont Bundy,
Silvio Scerri qal lil dan Anton biex ineħħi lil Norman Vella
mill-istazzjon nazzjonali. Mistoqsi mill-Avukat Andrew Borg Cardona
x’jismu l-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Bundy wieġeb “Anton Attard”.
Xehdet ukoll il-preżentatriċi ta’ TVAM Norma Saliba, li qalet li hi
impejgata tal-MUESAC u li ġiet sekondata mal-PBS f’Awwissu 2013, xahar
wara li tneħħa Norman Vella. Hi kkonfermat li ma kien hemm ebda sejħa
għall-applikazzjoni għall-impjieg tagħha. Saliba qalet li kien il-Kap
tal-Aħbarijiet u l-Editur tal-PBS Reno Bugeja li ċemplilha u offrielha
impjieg mal-istazzjon tal-istat.
Mistoqsija mill-Avukat Borg Cardona xi rwol kellha fil-kampanja
elettorali tal-Partit Laburista, Saliba qalet li ma kellha ebda sehem.
Madankollu, kkonfermat li ftit jiem qabel bdiet il-kampanja elettorali
ħadet sehem f’reality show fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista biex jinġabru fondi għall-istazzjon. Ikkonfermat ukoll li l-partner
tagħha Manuel Micallef kien kandidat tal-Partit Laburista fl-elezzjoni
ġenerali li għaddiet. Saliba kkonfermat ukoll li fiż-żmien li Reno
Bugeja offrielha impjieg fil-PBS, il-partner tagħha kien imexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-istazzjon Laburista.
Xehed ukoll iċ-Chairman mhux Eżekuttiv tal-PBS Tonio
Portughese, li qal li Norman Vella kien ċempillu darbtejn biex ikun jaf
x’kien għaddej fuqu. Portughese qal li kien talab informazzjoni u meta
sar jaf li Norman Vella kien deployed miċ-Ċivil, ma ndaħalx aktar
fil-kwistjoni. Portughese qal ukoll li hu qatt ma ġie kkonsultat minn
ħadd dwar jekk riedx li Norman Vella jibqa’ jaħdem fil-PBS.
No comments:
Post a Comment