Meta kont nippreżenta TVHemm fuq TVM fl-eqqel tal-kampanja elettorali
staqsejt ħafna dwar il-proġett tal-enerġija tal-Partit Laburista. Niftakarni
naqla’ bosta tgħajjir u nsulti għax kont nazzarda niddubita xi virgola
mill-pjan ta’ Konrad Mizzi u nistaqsi dwaru.
Dak iż-żmien kienet saret moda li l-mistoqsijiet isiru biss
lill-kelliema tal-Gvern Nazzjonalista. Kien qisu sar dnub tistaqsi xi ħaġa lil
tal-Labour. Agħar minn hekk il-fatti kienu saru xi ħaġa sekondarja. Jekk tkun
ġurnalist u ssemmi xi fatt li l-Labour kien iddeċieda li jmeri u jgħawweġ, ħoll
xagħrek u ġib iż-żejt. Imma jien u oħrajn, li llum ħadd minna m’għadu fuq TVM,
xorta bqajna għaddejjin nitkellmu bil-fatti f’idejna waqt li nistaqsu
lill-Gvern li kien qed imut u lill-Gvern li kien qed jitwieled bl-istess mod
inkwiżittiv.
U kont nistaqsi kif jista’ jkun li din il-power station ta’ Konrad titlesta’
fi żmien sentejn meta kull min jifhem kien qed jgħid li din hija impossibbli.
Ir-risposta kienet dejjem tkun assigurazzjoni ċara u bla tlaqlieq. Illum nafu
li dan mhux se jsir.
Kont nistaqsi dwar fejn se jinħażen il-gass għal din il-power station u
kif se jinġieb f’pajjiżna. U qalulna li kollox għandhom ippjanat sal-inqas
dettall, vapuri u tankijiet inklużi. Wara l-elezzjoni tfaċċa pjan differenti - tanker
ankrat fil-port b’ħażna enormi ta’ gass dejjem abbord.
Kont nistaqsi kif jista’ jkun isir ftehim fuq prezz fiss tal-gass għal
10 snin meta dawn it-tip ta’ kuntratti ilhom snin twal ma jsiru. Ir-risposta ta’
Konrad Mizzi dejjem kienet li l-ftehim se jsir għal 10 snin. Kien saħansitra
wegħdni li se jġibli kuntratt identiku għal dak li kellu f’moħħu biex jurini li
m’għandix raġun. Dan il-kuntratt qatt ma ġie u llum li Mizzi sar Ministru qed
jitlob rabta għal nofs dak li wiegħed, jiġifieri 5 snin. U lanqas għal 5 snin
għadu ma rnexxielu jiftiehem!
Kont nistaqsi fuq kif il-kontijiet kellhom jorħsu permezz ta’ rigal ta’
30 miljun li l-konsorzju privat kien se jkun mistenni jħallas bil-quddiem. Konrad
Mizzi kien iħares lejja b’espressjoni li ttik x’tifhem li hu jifhem u jien tuba
u jserraħli moħħi li jaf x’inhu jgħid u li hekk se jkun. Illum nafu li dawn
it-30 miljun ma ġewx u m’humiex ġejjin.
Kont nistaqsi ħafna iktar affarijiet li għalihom ingħatajt risposti li
llum irriżultaw kollha fil-baħħ.
Jien u naħseb fuq dan kollu għaddieli minn moħħi li anke’ Joseph
Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, x’aktarx għamel dawn il-mistoqsijiet
u oħrajn lir-raġel ta’ Sai Mizzi Liang qabel ħa r-responsabbiltà (taparsi)
tal-pjan kollu. Dan ifisser li qabel Konrad Mizzi beda jipprova jgħaddi ż-żmien
bija u bina lkoll, kien għamel l-istess lill-mexxej Laburista.
Jien ma blajtiex. Muscat belagħha u belagħha sa griżmejh!
Mazzun. |
Daw il mistoqsijiet jmisshom qed jsaqsuwhom dawk l iccassati li hemm tal pieta,min filodu sa filaxija 24/7 bil mezzi kollha disponibbli ghalihom u jekk hemm bzonn qas parlament ma jidhlu qabel maj jkollhom ir risposti mela ahna norman. Ahna fiex nifmhu?
ReplyDeleteKris.