Thursday, November 6, 2014

Il-kont tad-dawl għandu jorħos iktar

Filwaqt li f'pajjiżna qisu kulħadd ikkuntenta ruħu li l-prezz tal-unit tal-elettriku (mhux il-kont tad-dawl kollu) traħħas mill-Gvern Laburista, kuljum qed nisimgħu li l-prezz taż-żejt qed jorħos b'mod drammatiku.

Illum qrajna li mis-sajf sal-lum il-prezz niżel b'terz, jiġifieri bi 33 fil-mija.


Il-wegħda tal-Partit Laburista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kienet li l-kontijiet jorħsu b'25 fil-mija. Din il-wegħda ma kienetx marbuta mar-roħs fil-prezz taż-żejt, li ħadd ma kien qed ibassar li se jorħos b'dan il-mod, imma mal-kapaċita` ta' Konrad Mizzi li jġib il-flus bil-quddiem mill-investituri privati li se jibnulu (suppost) il-power station il-ġdida tal-gass.

Għaldaqstant, huwa ovvju li mir-roħs fil-prezz taż-żejt, aħna l-konsumaturi m'aħna qed ingawdu xejn fil-kont tad-dawl u l-ilma.

Bil-maqlub. Peress illi l-perċentwali tar-roħs fil-prezz li bih l-Enemalta tista' tixtri ż-żejt (-33%) hija ikbar minn dik tar-roħs fil-prezz tal-units li nikkunsmaw (uffiċjalment, -25%) qed nibda nissuspetta li l-Enemalta qed tagħmel iktar profitt minn fuq daharna llum minn kemm kienet tagħmel (jekk kienet tagħmel) fi żmien il-Gvern Nazzjonalista. Ovvjament biex inkunu nafu eżatt x'qed jiġri, jeħtieġ issir analiżi minn esperti indipendenti tal-kontijiet tal-Enemalta.

Sakemm isir dan, li m'għandix dubju li mhux se jsir b'inizjattiva tal-Gvern, nittama li xi wieħed mit-trejdunjonisti li se jaqraw dan il-blog jistudja ftit is-sitwazzjoni hu u jara jekk għandix raġun ngħid li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom jorħsu iktar.

Intant, għax għandhom karrotta mdendla għal Marzu li ġej, dawk li għandhom meter kummerċjali għadhom ma frankawx ċenteżmu. Għax il-Labour "business friendly" qalulna!

Ngħid għalija, meta tikkunsidra dan ix-xenarju kollu, ikun qed jigdeb min jgħid li Joseph Muscat żamm il-wegħda li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

U bilħaqq, il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għadhom għoljin daqs meta ż-żejt kien għadu ma raħas xejn.

2 comments:

  1. Analizi eccellenti.
    L-unika haga li ma naqbilx mieghek hija li qed tiehodha for granted li l-kontijiet rahsu b'25%.
    Jien ghandi dubbji kbar anki fuq din.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Habib, Norman qal (jew ahjar kiteb) li l-prezz tal-unit elettriku rahas u mhux il-kont!

      Delete