Minn MALTARIGHTNOW
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario
Cutajar qal li t-trasferiment ta’ Norman Vella mill-PBS għad-Dipartiment
tal-Immigrazzjoni sar fuq talba tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’
Nazzjonali ta’ Manuel Mallia.
Cutajar kien qed jixhed quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi
fil-kawża ta’ Norman Vella kontra l-istess Cutajar u l-Prim Ministru li
fiha qed jallega li tneħħija tiegħu mill-PBS kienet deċiżjoni politika.
Mario Cutajar qal li ftit wara l-elezzjoni ġenerali irċieva talba
mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern Kevin Mahoney. Din
it-talba kienet tgħid li huwa essenzjali li Norman Vella jibda jagħti
s-servizzi tiegħu fl-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport.
Cutajar qal li huwa ma ddubitax ir-raġuni mogħtija mill-Ministeru u
għalhekk approva t-trasferiment ta’ Vella għall-uffiċċju
tal-Immigrazzjoni. Skont Cutajar, dan it-transfer kien iffirmat ukoll
mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Norman Vella kien ilu li sitt snin nieqes minn dan l-uffiċju.
Fl-ewwel ħames snin huwa kien ħa leave bla ħlas biex jaħdem
fil-programmi Xarabank u Bijografiji. Meta fl-2012 irritorna mal-Gvern
huwa kien ġie deployed mal-PBS fejn kien beda jippreżenta l-programm ta’
kuljum TVHemm. Mal-PBS Vella dam biss 10 xhur.
Mistoqsi mill-avukat tiegħu Pawlu Lia jekk kienx sar tibdil
fil-policies biex b’xi mod ikun akkomodat Vella, Cutajar wieġeb li kienu
żdiedu n-numru ta’ snin li ħaddiema tal-Gvern setgħu jieħdu bħala leave
bla ħlas biex jaħdmu fil-privat. Huwa qal li dan it-tibdil kien seħħ
wara li Vella kellu l-leave bla ħlas tiegħu approvat.
Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Norman Vella, Cutajar qal li ilhom jafu
lil xulxin għal ħafna snin. Cutajar qal ukoll li huwa ħabib ta’ qraba
ta’ Norman Vella u li kien jaħdem ma’ missieru fil-General Workers’
Union. Cutajar qal li ma’ Norman Vella kien jiltaqa’ spiss ġo gym u li
sal-lum għadu jqisu bħala ħabib tiegħu.
Minkejja din il-“ħbiberija”, meta ġie biex japprova t-trasferiment
ta’ Vella mill-PBS, Cutajar qal li ma ħassx li kellu jkellmu. Huwa żied
jgħid li meta tkun tokkupa pożizzjoni bħal tiegħu ikollok tieħu
deċiżjonijiet li tkun taf li se jweġġgħu, imma jkollok teħodhom.
Il-każ ikompli fil-25 ta’ Novembru fis-2.30 p.m. Dakinhar għandu
jixhed il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard li ma setax jattendi għal
din is-seduta. Għal Norman Vella qed jidher l-Avukat Andrew Borg
Cardona.
Ghidilna fejn kont tiltaqa mieghu gym Norman halli zgur ma mmurx l-hemm. Fih habib ukoll.
ReplyDeleteHu gost ittimbra l-passaporti Norman
ReplyDelete