Tuesday, November 25, 2014

Silvio Scerri jiddiskuti l-programmi ta’ TVM mal-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard

Minn MALTARIGHTNOW.COM

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard qal fil-Qorti li ċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern Silvio Scerri spiss ikellmu u jiddiskuti miegħu dwar il-preżentaturi u l-programmi li jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali TVM. Anton Attard qal fi żmien Gvern Nazzjonalista qatt ma kien jiddiskuti l-programmi maċ-Chief of Staff tal-Ministru responsabbli mix-xandir. Huwa ġġustifika dawn id-diskussjonijiet billi qal li Scerri “jifhem fil-medium”.

Attard kien qed jixhed quddiem il-Kummissjoni għall-Impjiegi fil-kawża tal-eks preżentatur ta’ TVHemm Norman Vella kontra l-Prim Ministru u l-Kap tac-Civil. Fil-kawża Vella qed jallega li t-tneħħija tiegħu mill-PBS kienet deċizjoni politika.

Fix-xhieda tiegħu Attard qal li f’Mejju 2013 is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Manwel Mallia kitiblu biex jistaqsieh meta kienet se tispiċċa l-iskeda ta’ TVHemm. Ftit ġranet wara, l-istess Segretarju Permanenti talab lill-Kap taċ-Ċivil ineħħi lil Norman Vella mill-PBS għax qal li kien hemm bżonnu fid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni fl-ajruport.

Anton Attard xehed ukoll li hu ma jiftakarx li qatt sema lil Silvio Scerri jgħid li ried ineħħi lil Norman Vella mill-PBS. Attard qal li Scerri kien ikellmu fuq Vella u fuq il-programm TVHemm bl-istess mod kif kien ikellmu fuq il-programmi u l-preżentaturi l-oħrajn kollha.

Attard qal ukoll li fl-opinjoni tiegħu Norman Vella huwa producer u preżentatur tajjeb ħafna. Skont Attard il-produzzjonijiet ta’ Vella ghall-PBS kienu kollha ta’ livell sodisfaċenti u għamlu suċċess. Attard ikkwota stħarrig tal-Awtorita’ tax-Xandir li kien juri li l-programm TVHemm kien sejjer tajjeb ħafna b’udjenzi jvarjaw bejn 17,000 u 25,000 telespettatur.

Mistoqsi jekk fil-konfront ta’ TVHemm qattx saru lmenti mal-Awtorita’ tax-Xandir, Attard semma’ ilment wieħed uffiċjali li kien sar mill-eks MP Nazzjonalista Franco Debono dwar programm li kien ħa sehem fih hu stess. Dwar l-istess programm kien sar ukoll ilment mhux uffiċjali mill-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista qatt ma lmenta fuq Vella jew fuq TVHemm.

Mistoqsi mill-Avukat Andrew Borg Cardona, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS qal li wara li tneħħa Vella l-istazzjon nazzjonali ingaġġa numru ta’ ġurnalisti. Tlieta minn dawn, Brandon Pisani, Rodney Vassallo u Dorothy Falzon iddaħlu wara sejħa għall-applikazzjonijiet. Ix-xhud qal li ddaħlet ukoll Norma Saliba b’secondment mill-MUESAC. Dan l-ingaġġ seħħ xahar wara li tneħħa Norman Vella. Attard qal li Saliba ddaħlet fuq talba speċifika tal-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja.

Attard qal li l-PBS ingaġġa wkoll lil Charles Sacco u lil Owen Galea biex jaħdmu fuq il-website ta’ TVM. Attard ikkonferma li ħamsa minn dawn is-sitt ġurnalisti kienu jaħdmu mal-istazzjon tal-Partit Laburista jew mal-gazzetti tal-Union Press qabel bdew jaħdmu mal-PBS.

Il-każ ikompli fl-20 ta’ Jannar fit-3pm meta Anton Attard mistenni jkompli bix-xhieda tiegħu.

No comments:

Post a Comment